Quddiesa u Rużarju mill‑Kurja tal-Arċisqof – 15 t’April 2020


L-Erbgħa, 15 ta’ April 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil‑Kurja tal-Arċisqof …

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Dan ir-rakkont sabiħ, aħna nafuh bħala r-rakkont tad-dixxipli ta’ Għemmaws, jagħti l-istruttura ta’ dak kollu li aħna niċċelebraw meta nfakkru bil-qima l-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet.

Jekk aħna nħarsu lejn dan ir-rakkont, nirrealizzaw li bħalna d-dixxipli ta’ Għemmaws għalkemm kienu semgħu r-rakkont kollu tal-passjoni ta’ Ġesù u anke l-qawmien tiegħu għax semgħu wkoll dak li qalu n-nisa, xorta jgħaddu għal għonq it-triq b’sens ta’ dieqa f’qalbhom. Jitilqu lil hemm minn Ġerusalemm, imorru 11-il kilometru ’l bogħod lejn ir-raħal tagħhom x’aktarx li jismu Għemmaws. Għalihom l-esperjenza ma’ Ġesù spiċċat, il-ħajja trid tkompli.

Ġesù imma ma jabbandunahomx, jissieħeb magħhom fit-triq u tabirruħu jagħmilha li ma jafx x’ġara – l-ironija hija qawwija ħafna f’dan il-mument – u jibda jispjegalhom l-Iskrittura. Bħalma jagħmel f’kull quddiesa, il-Mulej fl-ewwel parti tal-quddiesa jiftħilna l-Iskrittura. Imbagħad jinsisti li se jibqa’ sejjer ’il bogħod, donnu qed jippretendi li jistednuh. Huma jgħidulu: “Ibqa’ magħna, ibqa’ magħna (Lq 24:29).

U hu li ismu wkoll Għimmanu-El, jilqa’ din l-istedina u mhux biss joqgħod magħhom, kif jgħid l-istess Evanġelju ta’ San Luqa, imma fuq il-mejda jaqbad il-ħobż, jagħti l-barka, jaqsmu u jagħtihulhom (ara Lq 24:30). Dawn huma kolha ġesti li aħna nirrepetu fl-Ewkaristija. U huma “jagħrfuh fil-qsim tal-ħobż” (Lq 24:35).

F’kull quddiesa aħna nagħmlu l-esperjenza ta’ dan ir-rakkont. Inħallu ’l Mulej jiftħilna qalbna għall-Iskrittura u nitolbuh jibqa’ magħna u li nagħrfuh fil-qsim tal-ħobż. U l-laqgħa tagħna tispiċċa wkoll b’missjoni meta s-saċerdot fi tmiem il-quddiesa jgħidilna: “Morru fil-paċi ta’ Kristu”. Qed jerġa’ jibagħtna lura lejn Ġerusalemm bħalma għamlu dawn id-dixxipli biex jagħrfu u jirrakkuntaw lil sħabhom xi ġralhom fit-triq u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

Kull meta aħna niġu ttentati biex nittraskuraw il-quddiesa tal-Ħadd, niftakru f’dan ir-rakkont, din l-esperjenza li ġrat propju fl-ewwl jum. Luqa jinsisti li din l-esperjenza kienet propju f’Ħadd il-Għid filgħaxija (ara Lq 24:13). U allura din l-esperjenza hija fundamentali anke biex nifhmu għaliex hemm bżonn niltaqgħu kull nhar ta’ Ħadd aħna biex nagħmlu l-esperjenza tad-dixxipli ta’ Għemmaws li ħallew ’il Ġesù jaqsmilhom l-Iskrittura, jispjegalhom kulma hemm fl-Iskrittura fuqu, jgħid San Luqa u li bl-istedina tagħhom “ibqa’ magħna” kellhom il-grazzja li jagħrfuh fil-qsim tal-ħobż.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 3, 1-10
Salm: 104 (105), 1-2.3-4.6-7.8-9
Evanġelju: Lq 24, 13-35