Il-Papa f’Santa Marta: Nitolbu għall-anzjani, speċjalment għal dawk li huma iżolati fid-djar tax-xjuħ

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 15 ta’ April 2020: Illum nitolbu għall-anzjani, speċjalment għal dawk li huma iżolati fid-djar tax-xjuħ.  Huma beżgħanin, beżagħnin li jmutu waħedhom.  Dil-pandemija jħossuha aggressiva fuqhom.  Huma l-għeruq tagħna, l-istorja tagħna.  Huma tawna l-fidi, it-tradizzjoni, is-sens ta’ appartenenza għall-patrija.  Nitolbu għalihom sabiex il-Mulej ikun qribhom f’dan il-waqt.

Omelija

Ilbieraħ irriflettejna fuq Marija ta’ Magdala bħala ikona tal-fedeltà: il-fedeltà lejn Alla.  Imma kif tkun dil-fedeltà lejn Alla?  Lejn liema Alla?  Propju lejn Alla fidil.

Il-fedeltà tagħna mhi xejn aktar ħlief tweġiba għall-fedeltà ta’ Alla.  Alla li hu fidili għal-kelmtu, li hu fidil għall-wegħda tiegħu, li jimxi mal-poplu tiegħu iwettaq il-wegħda, qrib il-poplu tiegħu: Alla, li ma jehdiex ikun qribna bħala Salvatur tal-poplu għax hu fidil lejn il-wegħda.  Alla li għandu s-setgħa jġedded, li joħloq mill-ġdid, kif għamel ma’ dal-magħtub mit-twelid meta taħ riġlejn ġodda, fejjqu (cf. Atti 3,6-8), Alla li jfejjaq, Alla li dejjem  iġib il-faraġ lill-poplu tiegħu.  Alla li joħloq mill-ġdid.  Ħolqien ġdid: din hi l-fedeltà tiegħu lejna.  Ħolqien ġdid aktar meraviljuż mill-istess ħolqien.

Alla li jimxi u li qatt ma jgħeja jaħdem – ngħidu “jaħdem”, – “ad instar laborantis” (cf. Eżerċizzi spiritwali), kif jgħidu t-teoloġi – biex iwettaq il-poplu, u ma jibżax li “jgħeja”, biex ngħidu hekk…..  Bħal dak ir-ragħaj li meta jidħol lura d-dar jinduna li għandu nagħġa nieqsa u jitlaq, imur ifittex in-nagħġa mitlufa (cf. Mt 18,12-14).  Ir-ragħaj li jaħdem l-overtime, imma għall-imħabba, għall-fedeltà…….  Alla tagħna hu Alla li jaħdem bl-overtime, mhux bil-ħlas: b’xejn.  Hi l-fedeltà tal-gratwità, tal-abbundanza.  Il-fedeltà hi dak il-missier li jibqa’ jitla’ fuq is-setaħ biex jara jilmaħx lil ibnu ġej, u qatt ma jgħeja tiela w nieżel: jistennih biex jagħmillu festa (cf Lq 15,21-24).  Il-fedeltà t’Alla hija festa, hi ferħ, tant hi ferħ li ġġagħalna nagħmlu bħal dal-magħtub: daħal fit-tempju jimxi, jaqbeż u jfaħħar ‘l Alla (cf.  Atti 3,8-9).  Il-fedeltà t’Alla hi festa, hi festa b’xejn.  Hija festa għalina lkoll.

Il-fedeltà t’Alla hi fedeltà paċenzjuża: jieħu paċenzja bil-poplu tiegħu, jisimgħu, imexxih, jispjegalu bil-mod u jkebbislu qalbu, kif għamel ma’ dawn iż-żewġ dixxipli li kienu sejrin bogħod minn Ġerusalemm: ikebbsilhom qalbhom biex jerġgħu lura lejn id-dar (cf. Lq 24,32-33).  Il-fedeltà t’Alla hi dak li aħna ma nafux: x’ġara f’dak id-djalogu, imma hu Alla ġeneruz li fittex lil Pietru li kien ċaħdu.  Nafu biss li l-Mulej irxoxta u deher lil-Pietru: x’ġara waqt dak id-djalogu ma nafux (Lq 24,34).  Imma nafu li kienet il-fedeltà, il-fedeltà t’Alla li fittxet lil-Pietru.  Il-fedeltà tal-Mulej.  U l-fedeltà tagħna dejjem hi tweġiba għal dik il-fedeltà li dejjem tasal qabilna.  Huwa Alla li dejjem qiegħed pass aktar ‘il quddiem minna.  Huwa l-fjura tal-lewża fir-rebbiegħa: l-ewwel li tnawwar.

Li tkun fidil ifisser li tfaħħar dil-fedeltà, tkun fidil għal dil-fedeltà.  Hi t-tweġiba għal dil-fedeltà.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Leave a Reply

%d bloggers like this: