Illum il-Ġimgħa, 1 ta’ Mejju 2020, minbarra li btala pubblika għal pajjiżna taħbat ukoll il-festa sabiħa ta’ San Ġużepp ħaddiem.
Bil-għan li jippromovi devozzjoni qawwija lejn San Ġużepp qalb l-Insara Kattoliċi u anki bi tweġiba għall-festa ta’ “L-Ewwel ta’ Mejju” mill-ħaddiema ipprommovuti mill-komunisti, Papa Piju XII waqqaf il-festa ta’ San Ġużepp ħaddiem fl-1955. Din il-festa twessa’ ir-relazzjoni twila bejn Ġużeppi u l-kawża tal-ħaddiema kemm fil-fidi u anki fid-devozzjoni Kattolika.
Ġesù wkoll kien mastrudaxxa. Fil-fatt, Ġesù tgħallem is-sengħa tiegħu minn San Ġużepp u għadda, tista’ tgħid, iż-żgħożija tiegħu jaħdem, spalla ma’ spalla, ma’ Ġużeppi fil-ħanut tal-mastrudaxxa qabel ma telaq biex jissokta l-ministeru tiegħu ta’ predikatur u tawmaturgu. Għalhekk, San Ġużepp huma miżmum bħala mudell ta’ xogħol li jġib ‘il quddiem id-dinjità tal-persuna umana li taħdmu. Bħalissa ma nistax ma nsemmix dak li kien kiteb San Ġwann Pawlu II fil-magħrufa enċiklika tiegħu dwar ix-xogħol tal-bniedem, Laborem exercens, meta qal: “Iżda l-Knisja tħoss li hu d-dmir tagħha li turi dejjem x’inhi d-dinjità u x’inhuma d-drittijiet ta’ min jaħdem, tikkundanna dawk is-sitwazzjonijiet li fihom dawn id-drittijiet u din id-dinjità huma mkasbra, u tgħin biex dan it-tibdil li semmejna jseħħ b’mod li jinkiseb veru progress għall-bniedem u għas-soċjetà” (nru.1).
Għalhekk, San Ġużepp hu miżmum bħala mudell ta’ dan it-tip ta’ xogħol. Fil-fatt, Papa Piju XII kien saħaq dan meta qal: “L-ispirtu ġej għandek u għand kull persuna mill-qalb tal-bniedem-Alla, il-Feddej tad-dinja. Iżda ċertament l-ebda ħaddiem ma kien kompletament u profondament minfud minnu daqs il-missier putattiv ta’ Ġesù, li għex miegħu f’intimità mill-aktar kbira u f’komunità tal-ħajja tal-familja u tax-xogħol.”
Diġà sa mill-ewwel paġni tal-Iskrittura insibu teoloġija sħiħa dwar ix-xogħol. Tant hu hekk li fil-misteru tal-ħolqien il-Mulej ta lill-bniedem il-kmand li jaħkem u jsaltan l-art. Jgħidilna t-tmienja u għoxrin vers tal-ewwel kapitlu tal-Ktieb tal-Ġenesi: U berikhom Alla u qalilhom: “Nisslu u oktru, u imlew l-art, u aħkmuha; u saltnu fuq il-ħut tal-baħar u t-tajr ta’ l-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art (Ġen 1:28). San Ġwann Pawlu II, meta kien indirizza lill-ħaddiema Maltin fl-ewwel żjara tiegħu fostna, nhar is-26 ta’ Mejju 1990, qal hekk: “Anki jekk dawn il-kelmiet ma jirreferux direttament u b’mod ċar għax-xogħol, mingħajr dubju huma indirettament juru lix-xogħol bħala attività għall-bniedem li għandu jwettaq fid-dinja.”
Fl-enċiklika tiegħu dwar ix-xogħol tal-bniedem, Laborem exercens, il-Papa qaddis Pollakk jgħid: “Il-bniedem hu maħluq skond ix-xbieha ta’ Alla, barra raġunijiet oħra, għax irċieva mingħand Alla li ħalqu l-kmand li jaħkem fuq l-art. Huwa u jobdi dan il-kmand il-bniedem, kull bniedem jagħmel li l-ħidma tal-Ħallieq tad-dinja tiddi fih stess” (nru.4). Filwaqt li fid-diskors tiegħu mal-ħaddiema fostna San Ġwann Pawlu II reġa’ saħaq fuq dan il-punt importanti meta qal: “Ix-xogħol hu l-implimentazzjoni tal-kmand oriġinali tal-Mulej.”
Ix-xogħol jħaddan fih kull attività, kemm dik manwali u kif ukoll dik intellettwali, hi x’inhi n-natura jew iċ-ċirkustanzi li jsawwruh. Dan l-għaliex l-aġent tax-xogħol hu l-bniedem. U, kull biċċa xogħol, hi indirizzata lejn oġġett ‘il barra minnu, u li fuqu se jkollu xi effett jew se jħalli l-marka tiegħu nnifsu. B’qasma ta’ qalb uħud jaħsbu li x-xogħol hu dak li miegħu hemm marbut xi ħlas. Fil-fatt, dan hu żbaljat. L-għaliex ix-xogħol m’huwiex biss attività mħallsa iżda, u fil-fatt, huwa usa ħafna minn hekk. Kemm jeżiżti xogħol importantissmu u li miegħu m’hemmx marbut l-ebda forma ta’ ħlas! Bħal, ngħidu aħna, ix-xogħol tad-dar, it-trobbija tat-tfal, it-tħejjija tal-ikel, li wieħed jaqra storja sabiħa lil tifel jew tifla jew li jieħu l-ikel lil xi xiħ jew xiħa fil-bżonn. Dawn it-tipi ta’ attivitajiet, u ħafna u ħafna oħrajn, m’hemm l-ebda ħlas marbut magħhom. Imma kemm huma essenzjali għal ħajjitna!
Fl-enċiklika mill-isbaħ tiegħu dwar xogħol il-bniedem, laborem exercens, San Ġwann Pawlu II jfakkarna li bix-xogħol aħna nistgħu nitqaddsu! Dan l-għaliex, ix-xogħol hu tisħib mal-grazzja tal-Mulej li kien, għadu u jibqa’ joħloq. Issa, l-involviment tiegħek u tiegħi fix-xogħol tal-ħolqien u li għadu għaddej, jibqa’ “il-ħidma ta’ persuna actus personae, tal-bniedem kollu kemm hu, bir-ruħ u l-ġisem, sew jekk hu xogħol ta’ l-id u sew jekk xogħol tal-moħħ” (nru. 24). B’hekk, “ix-xogħol ta’ kull bniedem ikollu t-tifsir li għandu quddiem Alla, u li bih kull bniedem jissieħeb fil-pjan tas-salvazzjoni flimkien ma’ dak kollu li hu meħtieġ għalih, li, għalkemm tas-soltu, hu mportanti ħafna” (nru.24).
B’xogħolna nistgħu nersqu aktar qrib il-Mulej li ħalaqna u fdiena. B’xogħolna nistgħu nissieħbu fil-pjan tiegħu għas-salvazzjoni tagħna l-bnedmin u tad-dinja. “Għax Alla meta ħalaq il-bniedem fuq ix-xbieha tiegħu, ordnalu biex jaħkem fuq l-art b’kull ma fiha, imexxi d-dinja fis-sewwa u bil-qdusija, u jorbot lilu nnifsu u l-ħolqien kollu ma’ Alla, li hu għandu jagħarfu bħala s-Sid li ħalaq kollox. B’hekk jiġri li permezz tal-ħakma tal-bniedem fuq il-ħlejjaq kollha, l-isem ta’ Alla ikun tal-għaġeb fl-art kollha” (nru.25).
Huwa għalhekk li “kull nisrani, li jisma’ l-kelma ta’ Alla l-ħaj u jsieħeb it-talb max-xogħol, jeħtieġlu jkun jaf x’post għandu x-xogħol tiegħu, mhux biss fil-progress tal-ġid ta’ l-art imma wkoll fil-kobor tas-Saltna ta’ Alla li għaliha aħna lkoll imsejħin bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u bil-Kelma tal-Evanġelju” (nru.27). Għax in-Nisrani jemmen tabilħaqq li huwa “bix-xogħol tal-bniedem [li] iridu joktru fuq l-art mhux biss ‘il-ġid kollu li jiġi mix-xogħol tal-bniedem’ imma wkoll id-dinjitá tal-bniedem, l-imħabba bejn l-aħwa u l-libertá” (nru.27).
Huwa dan kollu li jagħmel mix-xogħol mhux jasar iżda aħbar tajba ta’ salvazzjoni, ta’ ferħ, ta’ fejqan, ta’ progress u ta’ sliem. F’kelma waħda, il-vanġelu tax-xogħol!
Patri Mario Attard OFM Cap