Quddiesa tal-Ħadd mill-Knisja tal-Lunzjata, Ħal Balzan – 17 ta’ Mejju


Il-Ħadd, 17 ta’ Mejju 2020: Quddiesa tal-Ħadd mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Knisja tal-Lunzjata, Ħal Balzan …

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

L-IMĦABBA BIL-FATTI

Forsi jidher ovvju l-kliem li jgħid Ġesù u li jenfasizza b’mod speċjali fl-Evanġelju tal-lum. Għal darbtejn jgħid l-istess ħaġa fil-bidu u fl-aħħar. Fil-bidu: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi.” U fl-aħħar jgħid: “Min għandu l-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni.”

Forsi ngħidu: mhux ovvju dan? Mhux ovvju li jekk inti tħobb lil Ġesù tfittex li tħares il-kmandamenti tiegħu u l-kelma tiegħu, kif jgħid anke aktar ’il quddiem fl-istess diskors?

L-esperjenza tal-ħajja turina li mhux ovvjiu. Fi żmien Ġesù stess, kien hemm min jammirah, jisimgħu, forsi wkoll il-kelma tiegħu ssammru u tħallih jaħseb, imma mbagħad jgħid: dan mhux għalija. Kliem sabiħ imma mhux għalija! U anke aħna fi żmienna, jista’ jkun li nirraġunaw li l-kelma tiegħu hi sabiħa, idejali, imma kultant mhux prattika; u ngħidu: jien irrid inkun prattiku, nagħmel li jidhirli.

Għalhekk li jgħid Ġesù hu tant importanti għalina llum. Qed jgħidilna li jekk aħna nħobbuh, inħarsu l-kmandamenti u l-kelma tiegħu. L-imħabba mhijiex biss xi ħaġa li nħossu fil-qalb jew xi ħaġa li ngħidu bil-fomm, imma għandna nuruha bil-fatti.

Qed jgħid Ġesu: jekk hu jgħallimna li lil Alla għandna nfaħħruh bi kliemna, u jien nirraġuna: lil Alla nħobbu, veru, imma kultant noffendih għax taqbiżli; xorta nħobbu! Ġesu jgħidilna: jekk tħobbu, tkasbarx ismu.

Jekk nisma’ lil Ġesù jgħidilna li kull bniedem xbieha ta’ Alla, u jien ngħid: lil Alla nħobbu imma meta nara xi ħadd ta’ kulur tal-ġilda differenti minn tiegħi, ma nistax għalih; lanqas inħares lejh! Ġesù jgħidli: jekk tħobbni, ħares il-kelma tiegħi fejn ghedtlek lil kull bniedem hu xbieha ta’ Alla.

Jekk Ġesù jgħidli: kun onest fix-xogħol, imma jien ngħid: kliem sabiħ, imma fejn hemm bżonn trid tirranġa, tqabbel fejn jaqbel, nagħmel dak li jidhirli jiena. Ġesù jgħidli: jekk tħobbni, ħares il-kelma tiegħi u kun onest.

Jekk Ġesù jgħidli fuq il-fedeltà, fuq ir-rispett lejn il-ħajja ta’ kull bniedem sa mill-ewwel mument tagħha, fuq l-impenn lejn min hu batut, lejn min b’xi mod jew ieħor għaddej mit-tbatija, fuq li nfittex li naħdem għall-ġustizzja u l-paċi – dan kollu, u ħafna aktar, għallimna Ġesù, u jgħidilna: jekk tħobbuni, ħarsu din il-kelma tiegħi. Hawn hu l-kejl veru tal-imħabba, li ma tkunx biss xi ħaġa li nħossu f’qalbna jew ngħiduha bi kliemna, imma nuruha tassew bl-għażliet tal-ħajja tagħna u bil-fatti.

Nafu li din mhix ħaġa faċli, u li għaliha neħtieġu ħafna l-għajnuna ta’ Ġesù. Qalilna hu: Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn. Għalhekk tana l-Ispirtu tiegħu, l-Ispirtu tal-verità, li jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna. U jgħinna wkoll biex meta niżbaljaw, bħalma nagħmlu lkoll għax midinbin, nitolbu l-maħfra ta’ Alla li jippurifikana u jmexxina ’l quddiem. Imma altru aħna niżbaljaw u nitolbu maħfra għall-ħażin li nkunu għamilna; u altru nissetiljaw għal tip ta’ ħajja fejn niġġustifikaw lilna nfusna fil-ħażen tagħna. Għal din qed jgħid Ġesù, li ma nkunux tassew inħobbuh jekk nissetiljaw għal tip ta’ ħajja bħal din.

Aħna nafu li dan li qed jitlob Ġesù kultant ifisser sagrifiċċju u tbatija bħalma kellhom l-ewwel Insara. Jekk immorru fit-tieni qari, fl-Ewwel Ittra ta’ San Pietru, qed ikellem lill-insara li kienu ppersegwitati dak iż-żmien, u jgħidilhom xi ħaġa tant importanti: “Jekk din tkun ir-rieda ta’ Alla, aħjar tbati għax tkun għamilt it-tajjeb milli għax tkun għamilt il-ħażin”. Ara xi prinċipju importanti għalina wkoll f’ħajjitna meta kultant nirraġunaw, jew ngħiduha f’qalbna: dan sew issa, għax tagħmel it-tajjeb, issib il-kuntrarju, taqlagħha fuq wiċċek! U San Pietru jfakkar lill-ewwel Insara u lilna wkoll: Aħjar tbati għax tagħmel it-tajjeb milli għax tkun għamilt il-ħażin.

Hu b’dal-mod li aħna nistgħu nkunu, dejjem bl-għajnuna ta’ Alla u tal-Ispirtu tiegħu, sinjal ta’ tama. San Pietru jgħid ukoll: “Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil min jitlobkom l-għala tat-tama li għandkom”. Aħna nistgħu nkunu sinjal ta’ tama, u hekk imsejħin li nkunu fejn ngħixu, fejn naħdmu. Nixtieq inġib eżempju ta’ dan. Ħarsu lejn dan iż-żmien li qed ngħixu fih. Kultant ngħidu: il-mentalità ta’ ħafna nies hi “l-ewwel jien”, infittex lili nnifsi, dak li jaqbilli, l-aqwa li niggwadanja jien. F’dan il-kuntest, ara kemm hu sabiħ l-eżempju, kemm hi sabiħa x-xhieda, ta’ dawk in-nies, fosthom numru ta’ żgħażagħ, impenjati fil-volontarjat, li daż-żmien qegħdin ġenerożità jiddedikaw il-ħin tagħhom biex iqassmu l-ikel lill-familji bil-bżonn. Dawn huma sinjal ta’ tama – din it-tama qalb ambjent li kultant ikun differenti. Għal dan isejħilna Ġesù meta jgħidilna biex inħarsu l-kmandamenti tiegħu: biex aħna wkoll inkunu sinjal ta’ tama fis-soċjetà llum.

Nitolbu lil Alla, ispirati mill-kelma tiegħu, biex inħobbuh b’qalbna kollha; biex nuru din l-imħabba bil-fatti, b’dak li nagħmlu f’ħajjitna; u permezz ta’ dan jagħtina l-grazzja u l-qawwa li nkunu sinjal ta’ tama, u li nnisslu t-tama fis-soċjetà llum.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.