Nhar it-Tlieta, 18 ta’ Mejju 1937, fis-1.15 ta’ wara nofsinhar, Fra Baskal Farruġia miż-Żebbuġ, Għawdex, raqad fil-Mulej.
L-aħbar tal-mewt tiegħu xterdet bħal leqqa ta’ berqa ma’ Għawdex kollu. Bosta nies ħadu sehem fil-funerali tiegħu għax f’ħajtu kien miżmum bħala bniedem qaddis.
Ħafna kienu dawk li wara l-mewt tiegħu bdew jgħidu bil-grazzji ta’ kull xorta li kienu qalgħu bl-interċessjoni ta’ Fra Baskal.
Wara kważi 16-il sena mill-mewt tiegħu, il-patrijiet ħasbu biex issir ir-rikonjizzjoni tal-fdal tiegħu skont ma’ titlob ħaġa bħal din. Wara li t-tebut ittella’ mill-qabar numru 1 fil-kennierja tal-knisja Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja, u miftuħ, b’għaġeb kbir ta’ l-awtoritajiet ekkleżjastiċi w dawk legali, il-ġisem tiegħu kien għadu jintgħaraf tajjeb.
Minn dak in-nhar sallum, in-nies, kemm minn Għawdex u minn Malta, kif ukoll minn barra x-xtut tagħna, ma waqfux li jmorru jħabtu l-bieb tal-kunvent jitlobu li jinżlu jinviztaw u jitolbu quddiem il-fdalijiet ta’ Fra Baskal.
Din hija waħda mix-xhieda ta’ żmienna minn Frances Axiaq (Sliema).
“L-istorja tiegħi ma’ Fra Baskal Farrugia kellha bidu mhux mistenni! Naħseb huwa l-każ li Fra Baskal sab lili u mhux jien sibt lilu.
Jum wieħed ftaħt il-kexxun tal-komondina w sibt is-santa ta’ Fra Baskal, li ma niftakarx li qatt smajt biħ. Min jaf kemm-il darba ftaħtu l-kexxu, imma qatt ma niftakar li kont rajta dik is-santa. Naħseb li kien tahieli xi ħadd u probabbli kont xħetta hemm jien (imma ma nafx sew). Dak in-nhar sibtni bis-santa f’idi u l-ewwel ħsieb tiegħi kien l-wiċċ bid-daqna kbira jħares lejja; ma nafx għaliex ma stajtx naqla għajnejja minfuqu, bħallikieku kien qed jitlobni nħares iktar fil-fond!
Ma nafx x’ħassejt fija u kont emozjonata ħafna! Bdejt nitlob u nkelmu, bħallikieku kien ħabib antik u ħassejtni hekk tajba minn ġewwa għax kien qisu semgħani w fehmni. Minn dak in-nhar bdejt nitolbu dejjem w inkellmu fuq l-inkwiet kollu tiegħi, il-mard fil-familja, tal-ħbieb u tiegħi, u ma nafx għalfejn ħassejt li kien ser jagħmel xi ħaġa. Fit-talb tiegħi dejjem indaħħal lill-Madonna u lil Padre Pio, imma Fra Baskal żamm il-fidi tiegħi fiħ b’mod qawwi!
Dejjem insib il-faraġ meta nitlobu u ġewwa fija nħoss ċertu sħana! Filgħaxija, qabel immur norqod ngħid it-talba tiegħu w nitolbu jieħu ħsieb il-ħtiġiet tiegħi w inroddlu ħajr meta kollox imur sew; nitlob ukoll għall-Glorifikazzjoni tiegħu.
Nista’ ngħid li t-talb tiegħi, kbir jew żgħir, kien dejjem mismugħ, intenni, bl-għajnuna tal-Madonna u Padre Pio!
Ridt insir naf iżjed fuqu għax ftit nies li naf jien jafu biħ, jew li qatt eżista! Bdejt infittex fuqu fuq l-Internet w il-fidi tiegħi fiħ kompliet titqawwa!
Meta xi ħadd minn tal-familja jew ħbieb tiegħi ikollhom bżonn xi ħaġa dejjem ngħidilhom jitolbu lilu w ngħaddielhom is-santa tiegħu; b’hekk tinxtered iżjed id-devozzjoni lejħ ma’ dawk kollha li naf ġaladarba kien daqshekk ta’ ispirazzjoni għalija.
Dak li jġgħalni nagħmel hekk għax diġà hemm oħrajn li irċevew grazzji mingħandu, u għalhekk nittama li nkompli nxandru.
Il-pass li kien imiss issa kien li mmur niviztaħ il-Kapuċċini Għawdex; ridt insir naf iktar!
Ġie li ġejt Għawdex u minkejja li ippruajt niġi nżuru dejjem inqala xi ħadd li żammitni milli nagħmel dan, u dejjem erġajt lura d-dar iddizapuntata!
Is-Sibt 8 ta’ Ġunju, 2019, għandi nagħmel operazzjoni kbira u f’daqqa waħda ħassejtni mbuttata li niġi Għawdex għal Fra Baskal biss. Meta wasalt ma’ ħuti w ħabiba tagħna sibna li l-knisja kienet magħluqa u ħbat ser naqta’ qalbi imma waħda minn ħuti rat il-bieb tal-kunvent imbexxaq. Ipparkjajt u afast il-buttuna tal-qampiena mhux żgur li jkun hemm xi ħadd jiftħilna.
Dħalna u żorna l-knisja, l-kripta fejn hemm il-fdal ta’ Fra Baskal u tlabna flimkien. Waqt li konna qedin nitbierku b’biċċa miċ-ċoqqa ta’ Fra Baskal, jiena ħassejt sħana kbira ġo rasi, u wara paċi kbira u kalma w serenita!
Nemmen li Fra Baskal ser ikun miegħi fil-ħtiġiet tiegħi, l-aktar meta għandi bżonnu.
Nittama li wara li nkun tajba, wara l-operazzjoni nkun nista’ nerġa niġi b’iktar nies ħalli nirringrazzjaw lil Alla u lil Fra Baskal u ħalli ħafna iktar isiru jaf biħ.
Inwiegħed li nibqa’ nitlob għall-Glorifikazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla Fra Baskal.
Kollox beda b’santa fil-kexxun tal-kammondina!”
Għal iktar tagħrif fuq Fra Baskal, ktieb tal-ħajja tiegħu, domna jew santi, wieħed jista’ jċempel lill-Gwardjan tal-Kapuċċini, Għawdex (21556608) jew lil Fr. Joe Buttiġieġ, il-Furjana (99398455).
Fuq FaceBook għandi paġna: Fra Baskal Farrugia. Hawn tista’ taqra tagħrif dwaru, dwar il-laqgħat ta’ talb tiegħu, tħalli t-talb tiegħek etc.
Fr. Joe Buttiġieġ, OFMCap