It-Tnejn, 25 ta’ Mejju 2020: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex fl-okkażjoni tal-Istqarrija tal-Fidi u l-Ġurament tal-Fedeltà tad-Djaknu Mario Mercieca u s-Seminarista Andrew Grima, fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Belt Victoria.
FEDELTÀ KREATTIVA FIS-SAĊERDOT
Iċ-ċertezza hija sabiħa; imma daqskemm hija meħtieġa tista’ tkun ta’ żvantaġġ. Għax meta wieħed iħossu ċert minnu nnifsu, ma jħossx il-ħtieġa li jistaqsi aktar u għalhekk iċ-ċertezza taf tkun xkiel kbir biex wieħed jikber. Minnkom li ser tersqu għall-Ordni Sagri wieħed jistenna li intom żguri mill-pass li sejrin tagħmlu; imma napprezza jekk fikom ikun hemm ftit tad-dubju. Meta kont għadni s-Seminarju, il-Qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard kien iħobb jgħidilna li qabel l-Ordinazzjoni biżżejjed ikollna “reasonsable convinction”. M’hemmx bżonn ta’ ċertezza assoluta, anzi aħjar ma jkollokx din iċ-ċertezza, għax dan ikun ifisser blockage kbir biex wieħed jimmatura fil-vokazzjoni tiegħu. In-nuqqas tad-dubji jnissel preżunzjoni li wieħed jaf kollox.
Bir-raġun għalhekk il-ħassieb Descartes kien jgħid li d-dubju huwa “metodu infallibbli, anki jekk jitlob impenn, biex wieħed jasal jiskopri l-verità”. Huwa proċess tqil u impenjattiv, imma neħtiġuh. Fil-fatt, id-dubju huwa “boxxla” neċessarja biex wieħed ma jikkattmax fil-ħsieb u fl-aġir tiegħu. Tibżgħux mid-dubju fil-ħajja Nisranija u saċerdotali tagħkom, għax id-dubju jistimula l-ħsieb kritiku. Nibża’ minn min mhux kritiku anki fil-konfront tal-Knisja. Min huwa nieqes minn dan is-sens kritiku huwa bħal saborra kemm fis-soċjetà u kemm fid-dgħajsa ta’ Pietru. Kif insibu fl-ispiritwalità Injazjana, il-bniedem għandu libertà massima, imma fl-istess waqt responsabbiltà massima; wieħed għandu jħossu ħieles biex jimraħ anki f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla, imma fl-istess waqt jiftakar li huwa responsabbli ta’ għemilu. Inkella, l-istess ċertezza tfaqqar l-iżvilupp tat-teoloġija. Aħna ma aħniex “ripetituri” tal-ħsieb ta’ ħaddieħor, imma kull wieħed u waħda minna huwa oriġinali u irrepetibbli. Dan jiswa wkoll għalina s-saċerdoti: aħna ma aħniex “ripetituri” ta’ duttrina, imma kanali fil-Knisja biex Alla jikkomunika mal-bniedem ta’ żmienna. Naturalment dan il-proċess mhux ħieles mir-riskju li wieħed jiżbalja. Imma nippreferi li wieħed fl-impenn ġenwin tiegħu in bona fide ma jkunx eżatt, milli li nkunu bħal pappagalli. Kif jgħid il-Leopardi, “min jiddubita, jaf li jaf aktar minn dak li jista’ jkun jaf”. Min tassew jaf, jaf li ma jafx!
Illum intom ser tieħdu l-ġurament tal-fedeltà. Jien nitlob għalikom biex tħaddnu “fedeltà kreattiva”, fis-sens li kull wieħed minnkom jiskopri l-espressjoni ta’ kif għandu jkun leali għall-vokazzjoni tiegħu fil-Knisja. Il-fedeltà mhix formula komuni għal kulħadd. Mhix uniformi reġimentali. Imma kull wieħed, imżejjen bir-raġuni u megħjun mill-Ispirtu s-Santu, jista’ “joħloq” għalih innifsu kif għandu jgħix din il-fedeltà. Jekk ma nkunux kreattivi fil-fedeltà, nibża’ li ma nkunux verament fidili għas-sejħa li qed jagħmlilna Alla.
Nirrakkomandalkom biex meta toħorġu minn dan l-ambjent ‘ċert’ tas-Seminarju, tfittxu l-akkumpanjament tad-direttur spiritwali. Bil-gwida ta’ din il-persuna naslu biex ħajjitna tkun proċess ta’ dixxerniment kontinwu ħalli gradwalment nikbru fl-għarfien tal-verità u niskopru x’inhu l-aħjar mod kif nibqgħu fidili għal Alla u għall-impenji li fdatilna l-Knisja. Gwaj kbir jekk aħna nippretendu li nistgħu ngħaddu mingħajr is-sostenn tad-direzzjoni spiritwali.
Fuq kollox inħeġġiġkom biex tintensifikaw id-djalogu tagħkom ma’ Alla. Fit-talb id-dubji tagħna u l-mistoqsijiet tal-bniedem jiftħu t-triq biex l-Ispirtu s-Santu jnebbaħna x’għandna ngħidu u nagħmlu.
Illum, Festa (trasferita) ta’ Marija Għajnuna tal-Insara, u meta qed infakkru wkoll it-98 anniversarju mill-mewt ta’ Karmni Grima li lilha l-Madonna Ta’ Pinu fdat il-messaġġ tagħha, inqegħedkom taħt il-ħarsien matern ta’ Marija: hija Omm is-Saċerdot il-kbir u Ommna, imma hija wkoll oħtna li, mgħobbija bid-dubji, terrqet il-mixja tal-fidi u fettext li tkun kreattiva fil-fedeltà tagħha lejn Alla.