Qari tal-Quddies tas-Sibt tat-XII ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

It-Tnax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt

QARI I
Għajjat lill-Mulej Sidi! Tniehed, bint Sijon.
Lam 2, 2.10-14.18-19

Qari mill-Ktieb tal-Lamentazzjonijiet

Il-Mulej Sidi, mingħajr ebda ħniena,
qered l-għamajjar kollha ta’ Ġakobb;
fil-korla tiegħu ġarraf il-fortizzi ta’ Ġuda.

Xeħet mal-art u żeblaħ is-saltna u l-kbarat tagħha.
Bilqiegħda fl-art u siekta,
ix-xjuħ ta’ bint Sijon;
it-trab tefgħu fuq rashom,
libsu l-ixkejjer;
u niżżlu rashom fl-art
ix-xebbiet kollha ta’ Ġerusalemm.
Infnew bid-dmugħ għajnejja,
u qalbi mħawda;
fwiedi mal-art imxerred,
għax bint il-poplu tiegħi ħerba waħda;
u fil-pjazez tal-belt it-tfal u t-trabi nfnew bla saħħa.
“Fejn huwa l-ħobż u l-inbid?” staqsew lil ommijiethom,
xħin bħal midruba kienu jinfnew fil-pjazez tal-belt,
u ruħhom kienet ħierġa fi ħdan ommhom.

X’naqbad ngħid għalik?
Ma’ min inxebbhek, bint Ġerusalemm?
Ma’ min inqabblek, u kif nista’ nfarrġek, xebba, bint Sijon?
Għax kbira l-ġerħa daqs il-baħar;
min jista’ jfejqek?
Kellhom għalik dehriet ta’ qerq u frugħa dawk il-profeti tiegħek,
li ma kixfulekx ħżunitek,
biex jeħilsuk mill-hemm li waqa’ fuqek,
imma qalulek biss dehriet giddieba,
kollha qerq u tagħwiġ.
Għajjat lill-Mulej Sidi!
Bint Sijon tniehed,
u xerred lejl u nhar id-dmugħ bħal xmara.
Mingħajr mistrieħ ta’ xejn,
tħallihomx jieqfu lil għajnejk mill-biki.
Qum billejl u għajjat xħin is-sahriet ikunu se jibdew;
xerred bħall-ilma qalbek quddiem il-Mulej Sidi;
erfa’ idejk lejh u itolbu għall-ħajja tat-tfal tiegħek,
mifnija bil-ġuħ f’salib it-toroq.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 73 (74), 1-2.3-5a.5b-7.20-21

R/. (19b): Tinsiex għal dejjem il-ħajja tal-fqajrin tiegħek

Għaliex, o Alla, warrabtna għal dejjem?
Għaliex tħeġġeġ qilltek kontra n-nagħaġ tal-merħla tiegħek?
Ftakar fil-ġemgħa li ksibt għalik mill-qedem,
it-tribù li int fdejt biex ikun wirtek;
ftakar f’Sijon, li fuqha bnejt l-għamara tiegħek. R/.

Itla’ sal-post li sar ħerba waħda:
kollox qered l-għadu fis-santwarju.
Għajtu l-għedewwa fil-post tal-laqgħat tiegħek;
hemm waħħlu l-istendardi tar-rebħa tagħhom. R/.

Bħal dawk li jxejru l-mannara fl-għoli
biex iqaċċtu s-siġar minn qalb il-bosk,
hekk huma kissru l-bibien tat-tempju,
bl-imterqa u l-mazza farrkuhom.
Taw in-nar lis-santwarju tiegħek;
kasbru għalkollox l-għamara tiegħek. R/.

Żomm quddiem għajnejk il-patt tiegħek,
għax l-art mimlija dlamijiet u dnewwa.
Tħallix l-imgħakkes fil-mistħija,
biex il-fqajjar u l-imsejken ifaħħru ismek. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 8, 17

Hallelujah. R/. Hallelujah
Kristu rafa’ fuqu d-dgħufija tagħna,
u tgħabba bil-mard tagħna.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Għad jiġu ħafna mil-Lvant u mill-Punent u joqogħdu fuq il-mejda ma’ Abraham u ma’ Iżakk u ma’ Ġakobb.
Mt 8, 5-17

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù daħal Kafarnahum, u resaq fuqu wieħed ċenturjun jitolbu bil-ħerqa u jgħidlu: “Sinjur, id-dar għandi l-qaddej mixħut, mifluġ u batut wisq”. Qallu Ġesù: “Niġi jien infejqu”. Qallu ċ-ċenturjun: “Sinjur, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi. Iżda int għid kelma biss, u l-qaddej tiegħi jfiq. Għax jien ukoll bniedem taħt is-setgħa ta’ ħaddieħor, u jien stess għandi suldati taħti; lil wieħed ngħidlu: “Mur!”, u jmur; lil ieħor ngħidlu: “Ejja!”, u jiġi; u lill-ilsir tiegħi ngħidlu: “Agħmel dan!”, u jagħmlu”. Ġesù baqa’ mistagħġeb meta sama’ dan, u qal lil dawk li kienu miexja warajh: “Tassew, ngħidilkom, f’ħadd minn Iżrael ma sibt fidi bħal din. Jiena ngħidilkom li għad jiġu ħafna mil-Lvant u mill-Punent u joqogħdu fuq il-mejda ma’ Abraham u ma’ Iżakk u ma’ Ġakobb fis-Saltna tas-Smewwiet, waqt li dawk li twieldu fis-Saltna jitkeċċew ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien”.

Imbagħad Ġesù qal liċ-ċenturjun: “Mur, ħa jsirlek kif emmint”. U l-qaddej fieq dak il-ħin stess. Ġesù mar fid-dar ta’ Pietru, u ra li omm il-mara ta’ Pietru kienet mixħuta bid-deni. Messilha idha, u d-deni ħallieha; imbagħad qamet u bdiet isservih. Filgħaxija mbagħad ġabulu quddiemu bosta li kienu maħkuma mixxitan, u bil-kelma tiegħu keċċa l-ispirti, u fejjaq il-morda kollha. Biex hekk seħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Iżaija, meta qal: “Hu rafa’ fuqu d-dgħufija tagħna, u tgħabba bil-mard tagħna”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu