Qari tal-Quddies tat-Tlettax-il Ħadd ta’ matul is-Sena “A”


Stampa t-test tal-qari …

It-Tlettax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

QARI I
Dan hu raġel qaddis ta’ Alla.
2 Slat 4, 8-11.14-16a

Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten

Ġurnata waħda Eliżew kien għaddej minn Sunem. Hawn kienet toqgħod mara għanja, u din ġagħlitu joqgħod jiekol għandha; u kull meta kien jgħaddi minn hemm kien idur għal għandha biex jiekol hemm.

U hi qalet lil żewġha: “Ara, jien żgura li dan ir-raġel, li jgħaddi għandna sikwit, hu raġel qaddis ta’ Alla. Ħa ntellgħulu għorfa fuq is-setaħ, u nqegħdulu fiha sodda, mejda, siġġu u mnara, u meta jgħaddi għandna, ikun jista’ jidħol fiha”.

U ġurnata waħda wasal hemm, u daħal fl-għorfa, u raqad hemm. U Eliżew qal lil Ġeħażi, il-qaddej tiegħu: “X’nistgħu nagħmlulha lil din il-mara?”. U Ġeħażi wieġbu: “Jaħasra, ma għandhiex tfal, u żewġha xiħ!”. U wieġbu: “Sejħilha”. U dak sejħilha u ġiet fil-bieb. U Eliżew qalilha: “Bħal dan iż-żmien sena, int tkun tħaddan iben”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 88 (89), 2-3.16-17.18-19

R/. (2a): It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni

It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni;
f’kull żmien ixandar fommi l-fedeltà tiegħek.
Għax jien għedt: “Tjubitek tibqa’ sħiħa għal dejjem;
bħas-smewwiet int wettaqt il-fedeltà tiegħek”. R/.

Hieni l-poplu li jaf jgħajjat bil-ferħ,
li jimxi, Mulej, fid-dawl ta’ wiċċek.
B’ismek jithennew il-jum kollu,
u bil-ġustizzja tiegħek jifirħu. R/.

Għax inti l-foħrija tal-qawwa tagħhom;
għal tjubitek nerfgħu rasna fl-għoli.
Għax il-Mulej it-tarka tagħna,
il-Qaddis ta’ Iżrael is-sultan tagħna. R/.

QARI II
Indfinna miegħu permezz tal-magħmudija, biex ngħixu ħajja ġdida.
Rum 6, 3-4.8-11

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, ma tafux li aħna lkoll li tgħammidna fi Kristu Ġesù, tgħammidna fil-mewt tiegħu? Indfinna miegħu fil-mewt permezz tal-magħmudija sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida.

Jekk aħna mitna ma’ Kristu, nemmnu wkoll li għad ngħixu ma’ Kristu. Nafu li Kristu qam mill-imwiet u ma jmutx aktar; il-mewt ma għadhiex taħkem fuqu. Hu li miet, miet darba għal dejjem għad-dnub; u issa li qiegħed jgħix, qiegħed jgħix għal Alla. Hekk ukoll intom għandkom tqisu lilkom infuskom mejtin għad-dnub, iżda ħajjin għal Alla fi Kristu Ġesù.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
1 Piet 2, 9

Hallelujah. R/. Hallelujah
Intom ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis,
biex ixxandru t-tifħir ta’ dak li sejħilkom mid-dlam
għad-dawl tiegħu tal-għaġeb.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Min ma jerfax salibu, ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min jilqa’ lilkom ikun jilqa’ lili.
Mt 10, 37-42

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-appostli tiegħu: “Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi. U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi.

Min isib lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha. Min jilqa’ lilkom jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħatni. Min jilqa’ profeta għax hu profeta, ħlas ta’ profeta jieħu; u min jilqa’ bniedem ġust għax hu ġust, ħlas ta’ wieħed ġust jieħu. U kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu