Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 29/01/1992.
1. Naqraw fl-Atti tal-Appostli li d-dixxipli «allura (jiġifieri wara t-Tlugħ tal-Irxoxt fis-Sema) reġgħu lura Ġerusalem . . .
Wara d-dħul fil-belt telgħu fis-sular ta’ fuq ta’ fejn kienu joqogħdu. Kien hemm Pietru u Ġwanni, Ġakbu u Indri, Filippu u Tumas, Bartilmew u Mattew, Ġakbu ta’ Alfew u Xmun iż-żelota u Ġuda (ħu) Ġakbu. Dawn kollha kienu regolari u magħqudin fit-talb, flimkien ma’ xi nisa u ma’ Marija, omm Ġesù u ma’ ħutu». Din hija l-ewwel xbiha ta’ dik il-komunità, «communio ecclesialis», deskritta fl-Atti b’mod, kif wieħed jistà jara, iddettaljat biżżejjed.
2. Kienet komunità magħquda mill-ġdid bir-rieda ta’ Ġesù stess, li, waqt li kien rieġa sejjer lura għand Missieru, kien amar lid-dixxipli tiegħu biex jibqgħu magħqudin fl-istennija tal-ġrajja l-oħra mħabbra: «U jien se nibgħat fuqkom lil dak li l-Missier wegħedni; imma intom ibqgħu fil-belt, sakemm ma tkunux imlibbsa mill-ġdid b’qawwa minn fuq ».
Luqa l-evanġelista, awtur ukoll tal-Atti tal-Appostli, jintroduċina f’dik l-ewwel komunità tal-Knisja f’Ġerusalem, waqt li jirreferina għar-rakkomandazzjoni ta’ Ġesù nnifsu: «Waqt li kien mal-mejda magħhom, ordnalhom biex ma jitbegħdux minn Ġerusalem, imma biex jistennew li sseħħ il-wegħda tal-Missier, dik, qalilhom, li intom smajtu minn għandi: Ġwanni għammed bl-ilma, intom iżda se tkunu mgħammda fl-Ispirtu Santu, fi żmien ftit jiem oħra».
3. Minn dawn it-testi jirriżulta li dik l-ewwel komunità tal-Knisja, li kellha turi ruħha fid-dawl tax-xemx nħar Għid il-Ħamsin bil-miġja tal-Ispirtu Santu, nibtet minn amar ta’ Ġesù stess, li kien tahom, biex ngħidu hekk, il-propja «forma». Minn l-aħħar test jirriżulta partikular li jixraqlu attenzjoni: jiġifieri li Ġesù ta dik id-dispożizzjoni «waqt li kien fuq il-mejda magħhom». Meta jkun mar lura għand Missieru, l-Ewkarestija kienet se ssir għal dejjem l-espressjoni tal-komunjoni tal-Knisja li fiha Kristu huwa sagramentalment preżenti. F’dik l-ikla ta’ Ġerusalemm Ġesù kien preżenti b’mod viżibbli fil-kwalità tiegħu ta’ rxoxt, li kien qiegħed jiċċelebra ma’ ħbiebu l-festa tal-Għarus li kien reġà lura għal xi żmien f’nofshom.
4. Wara t-Tlugħ fis-Sema ta’ Kristu, il-komunità żgħira kienet kompliet ħajjitha. Qrajna b’mod speċjali li «dawn kollha (L-Appostli) kienu regolari u magħqudin fit-talb, flimkien ma’ xi nisa u ma’ Marija, omm Ġesù, u ma’ ħutu». L-ewwel xbiha tal-Knisja hija dik ta’ komunità regolari fit-talb. Ilkoll kienu jitolbu biex isejħu d-don tal-Ispirtu Santu li kien imwiegħed lilhom minn Kristu ferm qabel il-Passjoni, u mill-ġdid, qabel ma telà s-Sema.
It-talb – it-talb komuni – huwa l-karatteristika fundamentali ta’ dik il- «komunjoni» fil-bidu tal-Knisja u hekk se tibqà għal dejjem. Dan jippruvah fis-sekli kollha – u illum ukoll – it-talb komuni, b’mod speċjali fil-forma liturġika, fil-knejjes tagħna, fil-komunitajiet reliġjużi hu, Alla jrid dejjem iktar jikkonċedilna din il-grazzja, fil-familji nsara.
L-awtur tal-Atti tal-Appostli jimponi aċċent speċjali fuq dik il-kienu regolari, fit-talb kostanti u, jkollna ngħidu, regolari, imqassam tajjeb, iffrekwentat mill-komunità. Din hija karatteristika oħra tal-komunità ekkleżjali, werrieta ta’ dak il-bidu, li huwa eżemplari għall-ġenerazzjonijiet kollha futuri.
5. Luqa jenfasizza wkoll l-«unanimità» ta’ dan it-talb (homothymadon). Dan il-kliem jenfasizza s-sinifikat komunitarju tat-talb. It-talb tal-komunità primittiva – bħal ma mbagħad dejjem fil-Knisja – jesprimi u jservi l-«komunjoni» spiritwali u fl-istess ħin joħloqha, japprofondiha u jikkonsolidaha. F’din il-komunjoni ta’ talb jiġu megħluba d-differenzi u d-diviżjonijiet oriġinati minn fatturi oħra materjali u spiritwali: it-talb jipproduċi l-unità spiritwali tal-komunità.
6. Luqa jenfasizza wkoll l-fatt li kienu regolari b’mod unanimu l-Appostli «flimkien ma’ xi nisa u ma’ Marija omm Ġesù, u ma’ ħutu». F’dan il-każ jiġu msejħa ħutu il-kuġini, li kienu jappartienu għall-qraba ta’ Ġesù, u li dwarhom il-Vanġeli jagħmlu aċċenn f’diversi waqtiet tal-ħajja ta’ Ġesù. Il-Vanġeli jitkellmu wkoll dwar il-preżenza u s-sehem attiv ta’ mhux ftit nisa fl-azzjoni evanġeliżjatriċi tal-Messija. Huwa l-istess Luqa li fil-Vanġelu tiegħu jiċċertifika: «Kien hemm miegħu (Ġesù) it-tnax u xi nisa li kienu ġew imfejqa minn spirti ħżiena u minn mard: Marija ta’ Magdala, li minnha kienu ħarġu sebà xjaten, Ġwanna, mart Kusa, amministratur ta’ Erodi, Sużanna u bosta oħrajn, li kienu jassistuhom bil-ġid tagħhom ». Dejjem Luqa, fl-Atti, jiddeskrivi l-prosekuzzjoni ta’ dik is-sitwazzjoni evanġelika fil-bidu tal-komunità ekkleżjali. Dawn in-nisa ġenerużi kienu jingħaqdu fit-talb mal-Appostli. F’jum il-Pentekoste kellhom jirċievu l-Ispirtu Santu flimkien magħhom. Diġa f’dawk il-jiem kien esperjenza ħajja tal-komunità ekkleżjali dak li kien qal l-Appostlu Pawlu: «. . . mhemmx iktar raġel u linqas mara, għaliex ilkoll kemm intom intom wieħed fi Kristu Ġesù». Diġa f’dawk il-jiem il-Knisja kienet irrivelat ruħha bħala ż-żerriegħa tal-umanità l-ġdida msejħa fit-totalità tagħha għall-għaqda ma’ Kristu.
7. F’dik l-ewwel komunità Luqa jagħmel minn kollox biex aħna ninnutaw l-preżenza ta’ Marija, Omm Ġesù. Huwa jaf li Marija ma kinitx ħadet sehem b’mod dirett fl-attività pubblika ta’ Ġesù. Imma l-Vanġelu ta’ Ġwanni juriha preżenti f’żewġ waqtiet deċiżivi: F’Kana tal-Galilea, meta wkoll bl-intervent tagħha jibda «l-bidu tas-sinjali» messjaniċi, u fuq il-Kalvarju. Min-naħa tiegħu Luqa, li fil-Vanġelu tiegħu enfasizza l-importanza ta’ Marija l-ewwelnett fl-Annunzjazzjoni, fil-Viżitazzjoni, fit-Twelid, fil-preżentazzjoni fit-tenpju u fil-perijodu tal-ħajja moħbija ta’ Ġesù ġewwa Nażżaret, issa fl-Atti, juriha bħala Dik li, waqt li kienet tat il-ħajja lill-Iben ta’ Alla, hija min-naħa tagħha preżenti għat-twelid tal-Knisja: preżenti fit-talb, fis-skiet, fil-komunjoni, fl-istennija mimlija tama.
8. Il-Konċilju Vatikan II, waqt li jiġbor l-ilħna tat-tradizzjoni bimillenarja li tara l-bidu tagħha minn Luqa u minn Ġwanni, fl-aħħar kapitolu tal-Kostituzzjoni dwar il-Knisja enfasizza l-importanza partikolari tal-Omm ta’ Kristu fl-ekonomija tal-fidwa mwettqa fil-Knisja. Hija hi l-figura tal-Knisja (typus Ecclesiae), prinċipalment fejn tidħol l-unjoni ma’ Kristu: u tali unjoni hija s-sors tal- «communio ecclesialis», bħal ma rajna fil-katekeżi preċedenti. Għalhekk Marija hija flimkien ma’ Binha fl-għeruq ta’ din il-komunjomi.
Hemm bżonn ukoll li ninnotaw li l-preżenza ta’ Omm Kristu fil-komunità apostolika, nhar Pentekoste, kienet imħejjija b’mod partikolari f’riġlejn is-salib fuq il-Golgota, fejn Ġesù ta ħajtu biex «jgħaqqad flimkien lill-ulied Alla li kienu mferxin». Fil-jum ta’ Pentekoste din l-«għaqda flimkien ta’ wlied Alla li kienu mferxin» tibda tattwa ruħha permezz tal-azzjoni tal-Ispirtu Santu. Marija – li Ġesù ta bħala Ommu lid-dixxiplu li kien iħobb u permezz tiegħu lill-komunità apostolika tal-Knisja kollha – hija preżenti «fis-sular ta’ fuq fejn kienu jgħixu», biex tikseb u taqdi it-tisħib ta’ dik il-«communio» li bir-rieda ta’ Kristu kellha tkun il-Knisja.
9. Dan jgħodd għaż-żminijiet kollha, ukoll għal dak preżenti, li fih inħossu ħaj b’mod partikolari l-bżonn li nirrikorru lejn Dik li hija tip u Omm tal-għaqda tal-Knisja, bħal ma jirrakkomandalna l-Konċilju, f’test sommarju tat-tradizzjoni u tad-duttrina nisranija, li biha rridu nikkonkludu l-katekeżi preżenti. Naqraw: «Il-fidili kollha iferrgħu b’mod insistenti talb lill-Omm Alla u Omm il-bnedmin, sabiex Hi, li bit-talb tagħha għenet il-prodotti bikrin tal-Knisja, issa wkoll fis-sema mgħollija fuq il-beati u l-anġli kollha, fix-Xirka tal-Qaddisin tinterċedi quddiem Binha, sakemm il-familji kollha tal-popli, kemm dawk magħżula bl-isem ta’ nsara, kif ukoll dawk li għadhom jinjoraw lis-Salvatur tagħhom, fil-paċi u l-qbil ikunu magħqudin mill-ġdid b’mod feliċi f’Poplu wieħed ta’ Alla, għall-glorja tat-Trinità santissma u ndiviżibbli».