21. Il-Knisja hija Komunjoni ta’ Mħabba


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 15/01/1992.

1. Nibdew ukoll din il-katekeżi b’test sabiħ tal-ittra lill-Efesin, li jdoqq: «Ikun imbierek Alla, Missier Sidna Ġesù Kristu . . . Fih huwa għażilna qabel il-ħolqien tad-dinja . . . fil-karità, ippredestinana li nkunu wliedu addottivi bl-opra ta’ Ġesù Kristu, skont l-approvazzjoni tar-rieda tiegħu . . .biex ikunu rrakipitulati fi Kristu l-ħwejjeġ kollha, dawk tas-sema kif ukoll dawk tal-art».

San Pawl b’titjira ta’ ajkla, akkumpanjat minn sens profond tal-misteru tal-Knisja, jgħolli lilu nnifsu għall-kontemplazzjoni tal-pjan divin ta’ Alla li jgħaqqad kollox fi Kristu bħala Ras. Il-bnedmin, magħżula eternament mill-Missier fl-Iben għażiż, isibu fi Kristu t-Triq biex jilħqu l-iskop tagħhom ta’ wlied addottivi. Miegħu jingħaqdu waqt li jsiru Ġismu. Bih jitilgħu għand il-Missier bħala «totalità» waħda mal-ħwejjeġ tal-art u tas-sema.

Dan il-pjan divin isib l-attwazzjoni storika tiegħu meta Ġesù jwaqqaf il-Knisja, li l-ewwel iħabbar u mbagħad iwaqqaf bis-sagrifiċċju ta’ demmu u bil-mandat mogħti lill-Appostli biex jirgħu l-merħla tiegħu. Dan huwa fatt storiku u fl-istess ħin misteru ta’ komunjoni fi Kristu, li quddiemu l-Appostlu ma jikkuntentax ruħu li jikkontempla, imma jħossu mbuttat li jittraduċi l-verità kontemplata f’kantiku ta’ barka: «Ikun imbierek Alla, Missier Sidna Ġesù Kristu . . .».

2. Għat-twettiq ta’ din il-komunjoni tal-bnedmin fi Kristu eternament mixtieqa minn Alla, għandu mportanza essenzjali l-kmandament li Ġesù nnifsu jiddefenixxi «il-kmandament tiegħi». Huwa jsejjaħlu «kmandament ġdid»: «Nagħtikom kmandament ġdid: li tħobbu lil xulxin. Bħal ma ħabbejtkom jien, hekk għandkom tħobbu intom lil xulxin». «Dan huwa l-kmandament tiegħi: li intom tħobbu lil xulxin, bħal ma ħabbejtkom jien».

Il-kmandament li tħobb lil Alla fuq kollox, u l-proxxmu bħalna nfusna, għandu għeruqu fit-Testment il-Qadim. Imma Ġesù jiġbru fil-qosor, jagħmlu fi kliem skolpit, jagħtih sinifikat ġdid, bħala sinjal ta’ appartenenza lilu min-naħa tas-segwaċi tiegħu. «Minn dan ilkoll jagħrfukom li intom dixxipli tiegħi; jekk tħobbu lil xulxin». Kristu nnifsu huwa l-mudell ħaj u jikkostitwixxi l-kejl ta’ dik l-imħabba li dwarha jitkellem fil-kmandament tiegħu: «Bħal ma ħabbejtkom jien», huwa jgħid. U anzi huwa jippreżenta lilu nnifsu bħala s-sors ta’ dik l-imħabba, bħad-«dielja», li tagħmel il-frott b’din l-imħabba fid-dixxipli tiegħu, li huma «il-friegħi»: «Jiena d-dielja intom il-friegħi. Min jibqà fija, u jiena fih, jagħmel ħafna frott, għaliex mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn». Minn hawn is-sejħa: «Ibqgħu fl-imħabba tiegħi». Il-komunità tad-dixxipli, radikata f’dik l-imħabba li biha Kristu nnifsu ħabbhom, hija l-Knisja, Ġisem ta’ Kristu, dielja unika li tagħha aħna l-friegħi. Din hija l-Knisja-komunjoni, il-Knisja-komunità ta’ mħabba, il-Knisja-misteru ta’ mħabba.

3. Il-membri ta’ din il-komunità jħobbu lil Kristu, u fih, jinħabbu b’mod reċiproku. Imma din hija mħabba li, waqt li ġejja minn dik li biha Ġesù nnifsu ħabbhom, hija relatata mas-sors tal-imħabba ta’ Kristu Bniedem-Alla, jew aħjar il-komunjoni trinitarja, Minnha tikseb in-natura tagħha kollha, il-kwalifika soprannaturali, u lejha tinfirex bħala t-twettiq definittiv tagħha. Dan il-misteru ta’ komunjoni trinitarja, kristika u ekkleżjali, tidher mit-test ġovannesk li jirriproduċi t-talba saċerdotali tar-Redentur fl-Aħħar Ċena. Dik il-lejla Ġesù qal lill-Missier: «Ma nitlobx biss għal dawn, imma wkoll għal dawk li minħabba kelnthom jemmnu fija: sabiex ilkoll ikunu ħaġa waħda. Bħal ma int, Missier, inti fija u jiena fik, ħa jkunu wkoll huma fina ħaġa waħda, sabiex id-dinja temmen li inti bgħattni». «Jien fihom u inti fija, sabiex ikunu perfetti fl-għaqda, u d-dinja tagħraf li inti bgħattni u li ħabbejthom bħal ma ħabbejt lili».

4. F’dik it-talba aħħarija tiegħu, Ġesù fassal il-kwadru sħiħ tar-rapporti interumani u ekkleżjali li kienu sabu l-oriġni tagħhom fih u fit-Trinità, u kien ippropona lid-dixxipli, u lilna lkoll, il-mudell suprem ta’ dik il-«communio» li hija msejħa biex tkun il-Knisja minħabba l-oriġni divina tagħha: Hu nnifsu, fil-komunjoni ntima mal-Missier fil-ħajja trinitarja. Ġesù wera fl-istess imħabba tiegħu għalina il-kejl tal-kmandament li ħalla lid-dixxipli, bħal ma darba oħra kien qal: «Kunu mela perfetti bħal ma hu perfett Missierkom tas-sema». Dan kien qalu fid-diskors tal-Muntanja, waqt li rrakkomanda li nħobbu lill-għedewwa: «Ħobbu lill-għedewwa tagħkom u itolbu għalldawk li jippersegwitawkom, għaliex intom ulied Missierkom tas-sema, li jtellà x-xemx sew fuq il-ħżiena kif ukoll fuq it-tajbin, u jibgħat ix-xita fuq dawk ġusti kif ukoll fuq dawk inġusti». Bosta drabi oħra, u b’mod speċjali waqt il-Passjoni, Ġesù wettaq li din l-imħabba perfetta tal-Missier kienet ukoll imħabbtu: l-imħabba li biha huwa stess ħabb lil tiegħu sal-aħħar.

5. Din l-imħabba li Ġesù jgħallem lis-segwaċi tiegħu, bħala riproduzzjoni ta’ mħabbtu stess, fit-talba saċerdotali hija b’mod l-iktar ċar irriferita għall-mudell tat-Trinità. «Ħa jkunu huma wkoll fina ħaġa waħda», jgħid Ġesù: «sabiex l-imħabba li biha ħabbejtni tkun fihom u jien fihom». Huwa jenfasizza li din l-imħabba hija l-imħabba li biha «int, (o Missier), ħabbejtni minn qabel il-ħolqien tad-dinja».

U propju din l-imħabba, li fuqha jsejjes u jibni l-Knisja bħala «communio» ta’ dawk li jemmnu fi Kristu, hija l-kondizzjoni tal-missjoni feddejja tiegħu: ħa jkunu ħaġa waħda bħal ma aħna aħna Wieħed – Huwa jitlob – sabiex «id-dinja tagħraf li inti bgħattni». Din hija l-essenza tal-apostolat tal-Knisja: ixxerred u tirrendi aċċettabbli, kredibbli, il-verità tal-imħabba ta’ Kristu u ta’ Alla, minnha mixhud, magħmul viżibbli, ipprattikat. L-espressjoni sagramentali ta’ din l-imħabba hija l-Ewkaristija. Fl-Ewkaristija l-Knisja f’ċertu sens b’mod kontinwu titwieled mill-ġdid u ġġedded lilha nfisha bħala dik il-«communio» li Kristu ġab fid-dinja, waqt li wettaq il-pjan etern tal-Missier. B’mod speċjali fl-Ewkaristija u għall-Ewkaristija il-Knisja tinkludi fiha ż-żerriegħa tal-għaqda definittiva fi Kristu ta’ dak kollu li jinsab fl-art, bħal ma qalilna Pawlu: Komunjoni tassew universali u eterna.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb