23. Il-Knisja Tgħix fil-Misteru tal-“Communio”


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 05/02/1992.

1. L-ewwel karatteristiċi tal-komunità kif l-Knisja kellha ssir, insibuhom diġa qabel Pentekoste.

Il-«communio ecclesialis» ifforma ruħu skont ir-rakkomandazzjonijiet riċevuti b’mod dirett mingħand Ġesù, qabel l-Axxensjoni fis-sema, fl-istennija tal-miġja tal-Paraklitu. Dik il-komunità diġa kienet tippossiedi l-elementi fundamentali, li wara l-miġja tal-Ispirtu Santu saħħew ruħhom ferm iktar u rrendew ruħhom distinti. Dan hu dak li naqraw fl-Atti tal-Appostli: «Kienu regolari fis-smigħ tat-tagħlim tal-Appostli u fl-għaqda fraterna, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb». U f’post ieħor: «il-multitudni ta’ dawk li kienu kkonvertew għall-fidi kellhom qalb waħda u ruħ waħda». Dan l-aħħar kliem jesprimi b’mod forsi iktar inċiżiv, għaliex iktar konkret, il-kontenut tal-Koinonia, jew komunjoni ekkleżjali. It-tagħlim tal-Appostli, it-talb komuni – ukoll fit-tempju ta’ Ġerusalem – kien jikkontribwixxi għal dik l-għaqda nterna tad-dixxipli ta’ Kristu: «qalb waħda u ruħ waħda».

2. Għaqll-għanijiet ta’ dik l-għaqda mument partikolarment importanti kien it-talb, ruħ tal-għaqda, b’mod speċjali fil-waqtiet diffiċli. Hekk naqraw li Pietru u Ġwanni, wara li kienu nħelsu mis-Sinedriju, «marru għand ħuthom u tennewlhom dak li huma kienu qalu lill-qassisin u lill-anzjani. Malli semgħu dak, ilkoll flimkien għollew leħinhom lejn Alla waqt li qalu: “Mulej, int li ħloqt is-sema, l-art, il-baħar u dak kollu li hemm fina . . . “». «Meta temmew it-talb, il-post li fih kienu miġburin triegħed u lkoll imtlew bl-Ispirtu Santu u ħabbru l-kelma ta’ Alla bil-miftuħ». Il-Konsolatur, bħal ma wieħed jistà jara, kien iwieġeb ukoll b’mod immedjat għat-talb tal-komunità apostolika. Dan kien kważi twettiq kostanti tal-Pentekoste.

U mill-ġdid: «Kuljum ilkoll flimkien kienu jiffrekwentaw it-tempju u jaqsmu l-ħobż id-dar waqt li jieħdu l-ikliet bil-ferħ u bis-sempliċità tal-qalb». Jekk il-post tat-talb għal dak iż-żmien kien ukoll it-tempju ta’ Ġerusalemm, kienu jiċċelebraw l-Ewkaristija «d-dar», waqt li kienu jgħaqqduha ma’ ikla komuni ferrieħa.

Is- sens tal-għaqda kien hekk qawwi li kien jimbuttahom biex iqiegħdu l-ġid materjali ta’ kull wieħed għas-servizz tal-bżonnijiet ta’ kulħadd: «Ħadd ma kien jgħid propjetà tiegħu dak li kien tiegħu, imma kwalunkwè ħaġa kienet bejniethom komuni». Dan ma jfissirx li ġie mgħolli għal prinċipju r-rifjut tal-propjetà personali (privata); jindika biss sensibiltà fraterna kbira quddiem il-bżonnijiet tal-oħrajn, bħal ma jipprova l-kliem ta’ Pietru fl-inċident ma’ Ananija u Saffira.

Dak li jirriżulta b’mod ċar mill-Atti, u minn sorsi nejotestamentarji oħra, huwa li l-Knisja primittiva kienet komunità li kienet twassal lill-membri tagħha biex jaqsmu mal-oħrajn il-ġid disponibbli, b’mod speċjali a favur l-iktar foqra.

3. Dan jgħodd ferm iktar għat-teżor tal-verità riċevut u possedut. Dan huwa l-ġid spiritwali li kellu jkun imqassam, jiġifieri kkomunikat, imsawwab, ippridkat, bħal ma jgħallmu l-Appostli bix-xhieda ta’ kelmithom u tal-eżempju tagħhom: «Aħna ma nistgħux nisktu – huma jgħidu – dwar dak li rajna u li smajna». Għalhekk jitkellmu, u l-Mulej jikkonferma x-xhieda tagħhom. Infatti, «bosta mirakli u għeġubijiet kienu jseħħu fost il-poplu bl-opra tal-Appostli».

L-Appostlu Ġwanni jesprimi din l-intenzjoni u dan l-impenn tal-Appostli bid-dikjarazzjoni magħmula fl-ewwel ittra tiegħu: «Dak li rajna u smajna, aħna nħabbruh ukoll lilkom, għaliex intom ukoll tinsabu magħna fil-komunjoni. Il-komunjoni tagħna hija mal-Missier u ma’ Ibnu Ġesù Kristu». Dan it-test iġegħelna nifhmu l-kuxjenza tal-Appostli u tal-komunità primittiva li minnha l-Knisja tieħu l-impuls għall-evanġelizzazzjoni, li min-naħa tiegħu iservi għall-iżvilupp ulterjuri tal-komunità («communio ecclesialis»).

F’nofs din il-komunjoni, u tal-komunjoni li fiha tiftaħ, insibu lil Kristu. Infatti Ġwanni jikteb: «(Inħabbrulkom) dak li kien sa mill-bidu, dak li aħna smajna, dak li aħna kkontemplajna u dak li jdejna messu, jiġifieri il-Verb tal-ħajja:  ladarba l-ħajja hija magħmula viżibbli, aħna rajniha, u ta’ dan nagħtu xhieda u nħabbrulkom il-ħajja eterna li kienet maġemb il-Missier u li giet muriha lilna». San Pawl, min-naħa tiegħu, jikteb lill-Korintin: «Fidil huwa Alla, li minnu ġejtu msejħa għall-komunjoni ta’ Ibnu Ġesù Kristu, Sidna».

4. San Ġwann jenfasizza l-komunjoni ma’ Kristu fil-verità. San Pawl jenfasizza l- «parteċipazzjoni fit-tbatijiet tiegħu», ikkonċepita u proposta bħala komunjoni mal- Għid ta’ Kristu, parteċipazzjoni fil-misteru paskwali, jew aħjar fil-«passaġġ» redentiv tas-sagrifiċċju tas-Salib fil-manifestazzjoni tal-«qawwa tal-Qawmirn mill-Imwiet tiegħu».

Il-komunjoni tal-Għid ta’ Kristu issir fil-Knisja primittiva – u f’dik ta’ dejjem – sors ta’ komunjoni reċiproka: «Jekk membru (tal-komunita) ibati, il-membri kollha jbatu flimkien». Minn hawn titnissel it-tendenza għall-implimentazzjoni reċiproka ukoll tal-ġid temporali li Pawlu jirrakkomanda li jingħata lill-foqra, kważi biex jattwa ċertu kumpens, fl-ugwaljanza tal-imħabba bejn l-għoti tal-għonja u r-riċeviment ta’ dawk fil-bżonn: «L-abbundanza tagħkom tissuplixxi għall-faqar tagħkom». B ma wieħed jistà jara, dawk li jagħtu, skont l-Appostlu, fl-istess ħin jirċievu. U tali proċess ma jservix biss għal-livelliment tas-soċjetà, imma wkoll għall-bini tal-komunità tal-Ġisem-Knisja, li «żiluppat u ffukat u magħqud sewwa . . . jirċievi l-qawwa li jikber b’mod li jibni lilu nnifsu fil-Karità».Ukoll permezz ta’ tali bdil il-Knisja twettaq lilha nfisha bħala  «communio».

5. Is-sors ta’ kollox jibqà Dejjem Kristu, fil-misteru pakwali tiegħu. Dak il- «passaġġ», mit-tbatija għall-ferħ, kien mill-istess Ġesù mqabbel, skont it-test ta’ Ġwanni, mal-uġigħ tal-ħlas: «Il-mara, meta teħles, tħossha mnikkta, għaliex siegħetha tkun waslet; imma meta tkun welldet lil binha, ma tibqax tiftakar aktar it-tbatija, minħabba l-ferħ li jkun ġie bniedem fid-dinja». Dan it-test jistà jkun irriferut ukoll għan-niket tal-Omm ta’ Ġesù fuq il-Kalvarju, bħala Dik li «tippreċedi» u tiġbor fiha l-Knisja fil-«passaġġ» mid-dulur tal-Passjoni għall-ferħ tal-Qawmien mill-Imwiet. Ġesù stess japplika dik il-metafora lid-dixxipli u lill-Knisja: «Hekk intom ukoll, issa, intom imnikkta; imma jien nerġà narakom, u qalbkom timtelà bil-ferħ u ħadd ma jkun jistà jeħdilkom il-ferħ tagħkom».

6. Biex iwettaq l-«komunjoni», biex isostni l-komunità miġbura fi Kristu, jintervieni dejjem l-Ispirtu Santu, għalhekk fil-Knisja hemm il- «qsim tal-attributi fl-Ispirtu» (Koinonìa pneumatos), bħal ma jgħid San Pawl. Propju permezz ta’ dan il-«qsim tal-attributi fl-Ispirtu», ukoll l-l-implimentazzjoni tal-ġid temporali tirritorna fl-isfera tal-misteru u sservi l-istituzzjoni ekkleżjali, iżżid il-komunjoni, u din tirrisolvi ruħha fi «tkabbir lejh, li huwa r-ras: lejn Kristu».

Minnu, għalih u fih, Kristu, bis-saħħa tal-Ispirtu vivifikanti, il-Knisja tattwa bħala Ġisem «żviluppat u ffukat sewwa u magħqud permezz tal-kollaborazzjoni ta’ kull ġog, skont l-enerġija propja ta’ kull membru». Mill-esperjenza ta’ «komunjoni» tal-ewwel insara, ipperċepita fil-profondità kollha tagħha, ħareġ it-tagħlim ta’ Pawlu dwar il-Knisja bħala «Ġisem ta’ Kristu-Ras».

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb