24. Is-Sejħa għall-Qdusija hija essenzjali għall-Knisja


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 12/02/1992.

1. «Il-Mulej reġà qal lil Mose: “Kellem lill-komunità kollha tal-Iżraeliti u ordnalhom: Kunu qaddisin, għaliex jien, il-Mulej, Alla tagħkom, jien qaddis”». 

Is-sejħa għall-qdusija tappartieni għall-essenza nfisha tal-Patt ta’ Alla mal-bnedmin diġa fit-Testment il-Qadim. «Jien Alla u mhux bniedem; jien il-Qaddis f’nofsok». Alla li bl-essenza propja huwa l-ikbar qdusija, il-qaddis għal tliet darbiet iqarreb lejn il-bniedem, lejn il-poplu magħżul, biex idaħħlu fl-isfera tal-irradjazzjoni ta’ din il-qdusija. Sa mill-bidu, fil-Patt ta’Alla mal-bniedem, tistabilixxi ruħha l-vokazzjoni għall-qdusija, u anzi l-«komunjoni» fil-qdusija ta’ Alla nnifsu: «Intom tkunu għalija saltna ta’ saċerdoti u nazzjon qaddis». F’dan it-test tal-Esodu, huma marbutin il-«komunjoni» fil-qdusija ta’ Alla nnifsu u l-kwalifika saċerdotali tal-poplu magħżul. Din hija rivelazzjoni ewlenija tal-qdusija tas-saċerdozju li ssib it-twettiq definittiv tagħha fil-Patt il-Ġdid permezz tad-Demm ta’ Kristu, meta tattwa ruħha dik l-adorazzjoni (kult) fi spirtu u verità», li dwaru Ġesù stess jitkellem ġo Sikem, fid-djalogu tiegħu mas-Sammaritana.

2. Il-Knisja bħala «komunjoni» fil-qdusija ta’ Alla li hija mela «komunjoni tal-qaddisin» tikkostitwixxi wieħed mull-ħsibijiet-gwida tal-ewwel ittra ta’ San Pietru. Is-sors ta’ din il-komunjoni huwa Ġesù Kristu, li mis-sagrifiċċju tiegħu tiġi l-konsagrazzjoni tal-bniedem u tal-ħolqien kollu. Jikteb San Pietru:  «Kristu miet darba għal dejjem minħabba d-dnubiet, ġust għall-inġusti, biex ireġġagħhom miet darba għal dejjem għad-dnubiet, ġust għall-inġusti, biex ireġagħhom lura għand Alla; meħud għall-mewt tal-ġisem, imma mogħti lura lill-ħajja fl-ispirtu». Grazzi għas-sagrifiċċju ta’ Kristu li jiġbor fih il-virtù santifikatriċi tal-bniedem u tal-Holqien kollu, l-Appostlu jistà jiddikjara: «Intom kontu meħlusin . . . bid-demm prezzjuż ta’ Kristu, bħal ta’ ħaruf mingħajr difett u mingħajr tebgħa». U f’dan is-sens: «Intom in-nisel magħżul, is-saċerdozju rjali, in-nazzjon qaddis». Bis-saħħa tas-sagrifiċċju ta’ Kristu nistgħu nieħdu sehem fil-qdusija ta’ Alla, nattwaw «il-komunjoni fil-qdusija».

3. San Pietru jikteb: «Kristu bata għalikom waqt li ħallielkom eżempju sabiex issegwu l-passi tiegħu». Issegwi l-passi ta’ Ġesù Kristu jiġifieri jerġà jgħix ġo fina l-ħajja qaddisa tiegħu, li ġiet lilna mogħtija bil-grazzja santifikanti u konsagranti rċevuta fil-Magħmudija, jiġifieri li wieħed ikompli jwettaq fil-ħajja propja tiegħu l-«invokazzjoni ta’ fidwa, indirizzata lil Alla min-naħa ta’ kuxjenza tajba, bis-saħħa tal-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù Kristu»; jiġifieri li wieħed jirrendi lilu nnifsu, permezz tal-opri tajba tiegħu kapaċi jagħti glorja lil Alla quddiem id-dinja u b’mod speċjali li dawk li jemmnu. F’dan tikkonsisti, skont l-Appostlu, l-«offerta tas-sagrifiċċji li jogħġbu lil Alla, per mezz ta’ Ġesù Kristu». F’dan jikkonsisti d-dħul fil-«kostruzzjoni ta’ bini spiritwali . . . bħal ġebel ħaj . . . għal saċerdozju qaddis ».

Is-«saċerdozju qaddis» jispeċifika ruħu fl-offerta ta’ sagrifiċċji spiritwali, li għandhom is-sors u l-mudell perfett tagħhom fis-sagrifiċċju ta’ Kristu nnifsu. «Infatti huwa aħjar – iżid l-Appostlu – jekk hekk irid Alla, wieħed ibati waqt li jopera l-ġid pjuttost milli waqt li jagħmel id-deni». B’dan il-mod dak li jkun jattwa l-Knisja bħala «komunjoni» fil-qdusija. Bis-saħħa ta’ Ġesù u bl-opra tal-Ispirtu Santu il-komunjoni tal-Poplu l-ġdid ta’ Alla wieħed jistà jwieġeb b’mod sħiħ għas-sejħa ta’ Alla: «Kunu qaddisin, għaliex jien, il-Mulej, Alla tagħkom, jien qaddis».

4. Ukoll fl-ittri ta’ San Pawl insibu l-istess tagħlim. «Inħeġġiġkom, ħuti, – huwa jikteb lir-Rumani – f’ġieħ il-ħniena ta’ Alla, biex toffru ġisimkom bħala sagrifiċċju ħaj, qaddis u milqugħ minn Alla; huwa dan il-kult spiritwali tagħkom». «Offru lilkom infuskom lil Alla bħala ħajjin, li rġajtu lura mill-imwiet, u l-membri tagħkom bħala strumenti ta’ ġustizzja lil Alla». Il-passaġġ mill-mewt għall-ħajja, skont l-Appostlu, jitwettaq permezz tas-sagrament tal-Magħmudija. U din hija l-magħmudija «fil-mewt» ta’ Kristu. Infatti aħna ndfinna «flimkien miegħu fil-mewt, sabiex bħala ma Kristu rxoxta mill-imwiet permezz tal-glorja tal-Missier, hekk ukoll aħna nkunu nistgħu nimxu f’ħajja ġdida».

Bħal ma Pietru jitkellem dwar «ġebel ħaj» użati «għall-kostruzzjoni ta’ bini spiritwali», hekk ukoll Pawlu juża x-xbiha tal-bini: «Intom intom, jikteb, bini ta’ Alla», biex imbagħad iwissi: «Ma tafux li intom tempju ta’ Alla u li l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom?», u fl-aħħarnett iżid, kważi waqt li jweieġeb għall-istess domanda: «Qaddis huwa t-tempju ta’ Alla, li huwa intom».

Ix-xbiha tat-tempju ddawwal is-sehem tal-insara għall-qdusija ta’ Alla, il- «komunjoni» tagħhom fil-qdusija li twettaq lilha nfisha bl-opra tal-Ispirtu Santu. L-Appostlu jitkellem ukoll dwar is-«siġill tal-Ispirtu Santu», li bih huma ttimbrati dawk li jemmnu: Alla, li «sawwab fuqna d-dlik (jiġifieri ikkonfermana fi Kristu), immarkana bis-siġill u tana l-kapparra tal-Ispirtu Santu ġewwa qlubna».

5. Skont dawn it-testi taż-żewġ Appostli, il-«koomunjoni» fil-qdusija ta’ Alla tfisser is-santifikazzjoni mwettqa fina mill-Ispirtu Santu, bis-saħħa tas-sagrifiċċju ta’ Kristu. Din il-komunjoni tesprimi ruħha permezz tal-offerta tas-sagrifiċċji spiritwali fuq l-eżempju ta’ Kristu. B’dan il-mod hija teżerċita s-«saċerdozju qaddis». Għas-servizz tiegħu jiġi mwettaq il-ministeru apostoliku, li għandu bħala għan, jikteb San Pawl, li «l-oblazzjoni» tal-fidili «tkun tistà tiġi milqugħa (minn Alla), ġaladarba tkun ġiet imqaddsa fl-Ispirtu Santu». Hekk il-«kapparra tal-Ispirtu» fil-komunità tal-Knisja tagħmel il-frott mal-ministeru tal-qdusija. Il- «komunjoni» fil-qdusija tittraduċi ruħha għall-fidili f’impenn apostoliku għall-fidwa tal-umanità kollha kemm hi.

6. It-tagħlim tal-Appostli Pietru u Pawlu jerġà jirbombja fl-Apokalissi. F’dan il-ktieb, immedjatament wara l-awgurju inizjali ta’ «grazzja u paċi», naqraw l-akklamazzjoni li ġejja, indirizzata lil Kristu: «Lil dak li jħobbna u li ħelisna minn dnubietna b’demmu u għamel minna saltna ta’ saċerdoti għal Alla tiegħu u Missierna, lilu l-glorja u l-qawwa għal dejjem ta’ dejjem». F’din l-akklamazzjoni wieħed jesprimi l-imħabba rikonoxxenti u l-eżultanza tal-Knisja għall-opra ta’ santifikazzjoni u ta’ konsagrazzjoni saċerdotali li Kristu wettaq «b’demmu». Pass ieħor jippreċiża li l-konsagrazzjoni tilħaq lill-irġiel u lin-nisa «ta’ kull tribù, lingwa, poplu u nazzjon» u din il-multitudni tiġi mbagħad rappreżentata waqt li tkun «wieqfa f’riġlejn it-tron (ta’ Alla) u quddiem il-Ħaruf» u tirrendi kult lil Alla  «binhar u billejl fis-santwarju tiegħu».

Jekk l-ittra ta’ Pietru turi l-«komunjoni» fil-qdusija ta’ Alla permezz ta’ Kristu bħala dmir fundamentali tal-Knisja fuq l-art, l-Apokalissi joffrilna viżjoni eskatoloġika tal-komunjoni tal-qaddisin f’Alla. Dan huwa l-misteru tal-Knisja tas-Sema fejn tiltaqà l-qdusija kollha tal-art, waqt li titlà fuq it-toroq tal-innoċenza u tal-penitenza li għandhom bħala punt tat-tluq il-Magħmudija, il-grazzja li din tagħtina, il-karattru li din tistampa f’ruħna, billi twettaqha u tagħmilha tieħu sehem, bħal ma jikteb San Tumas D’Aquino, fis-saċerdozju ta’ Kristu Msallab. Fil-Knisja tas-Sema l-komunjoni tal-qdusija ddawwal ruħha bil-glorja ta’ Kristu Rxoxt.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb