Qari tal-Quddies tal-Erbgħa tat-XVIII-il ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

It-Tmintax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa

QARI I
Bi mħabba ta’ dejjem ħabbejtek.
Ġer 31, 1-7

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija
“F’dak iż-żmien, oraklu tal-Mulej,
jien inkun Alla tat-tribujiet kollha ta’ Iżrael,
u huma jkunu l-poplu tiegħi.

Dan jgħid il-Mulej:
Il-poplu li ħeles mis-sejf
sab ħniena fid-deżert:
Iżrael terraq lejn il-mistrieħ tiegħu”.
Mill-bogħod il-Mulej deherlu:
“Bi mħabba ta’ dejjem ħabbejtek,
għalhekk il-ħlewwa tiegħi rfajt għalik.
Jien nerġa’ nwaqqfek fuq riġlejk, o xebba ta’ Iżrael, u inti tieqaf.
Terġa’ tiżżejjen bit-tnabar tiegħek, u toħroġ tiżfen ferrieħa.
Terġa’ tħawwel id-dwieli fuq il-muntanji tas-Samarija;
il-bdiewa tiegħek iħawlu u jiġbru l-ewwel frott.
Għax jasal jum meta fuq il-muntanja ta’ Efrajm l-għassiesa jgħajtu
u jgħidu: “Qumu, ejjew nitilgħu Sijon għand il-Mulej, Alla tagħna”.
Għax dan jgħid il-Mulej: Għannu bil-ferħ għal Ġakobb,
sellmu lill-ewlieni fost il-ġnus.
Xandru, faħħru u niedu:
“Il-Mulej salva l-poplu tiegħu,
il-fdal ta’ Iżrael”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Ġer 31, 10.11-12ab.13

R/. (ara 10d): Il-Mulej iħarisna kif ragħaj iħares il-merħla tiegħu

Isimgħu, ġnus, kelmet il-Mulej,
xandruha ’l bogħod fil-gżejjer u għidu:
“Dak li xerred lil Iżrael jiġbru,
u jħarsu kif ragħaj iħares il-merħla tiegħu”. R/.

Għax il-Mulej feda lil Ġakobb,
ħelsu minn id wieħed aqwa minnu.
Għad jiġu u jgħannu fuq l-għolja ta’ Sijon,
u wiċċhom jiddi minħabba t-tieba tal-Mulej. R/.

Jifirħu x-xbejbiet biż-żfin,
jifirħu ż-żgħażagħ u x-xjuħ.
“Jiena nbiddel il-vistu tagħhom f’hena,
infarraġhom u nferraħhom wara l-hemm tagħhom”. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 7, 16

Hallelujah. R/. Hallelujah
Profeta kbir qam fostna,
u Alla żar il-poplu tiegħu.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Mara, il-fidi tiegħek kbira!
Mt 15, 21-28

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù ħareġ minn hemm u telaq lejn Tir u Sidon. U ħarġet waħda mara Kangħanija minn dawk l-inħawi, u qabdet tgħajjat u tgħid: “Ħenn għalija, Mulej, Bin David! Binti għandha fiha xitan, u magħdura ħafna”. Iżda hu ma weġibhiex kelma. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu, jitolbuh u jgħidulu: “Eħles minnha, għax ġejja tgħajjat warajna”. Imma hu qalilhom: “Ma ġejtx mibgħut ħlief għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael”. Iżda hi resqet, inxteħtet quddiemu u qaltlu: “Għinni, Mulej!”. Hu weġibha: “Mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi”. “Hekk hu, Mulej”, qaltlu: “iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom”. Imbagħad wieġeb Ġesù u qalilha: “Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq”. U minn dak il-ħin stess bintha fieqet.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu