Qari tal-Quddies tat-Tlieta tat-XVIII-il ġimgħa matul is-Sena. San Ġwann Marija Vianney, Presbiteru (TO)


Stampa t-test tal-qari …

It-Tmintax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta

QARI I
Għax kibru ħtijietek jien ġibt dan fuqek. Araw, se nbiddel ix-xorti ta’ tined Ġakobb.
Ġer 30, 1-2.12-15.18-22

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

Il-kelma li ġiet lil Ġeremija mill-Mulej:
“Dan jgħid il-Mulej Alla ta’ Iżrael:
ikteb fi ktieb il-kliem kollu li għedtlek.

Ma hemmx fejqan għalik;
il-ġerħa tiegħek ma tiddewwiex.
Ma hemmx min jieħu f’idejh il-kawża tiegħek;
għal ġerħitek m’għandekx duwa u fejqan.
Ħbiebek kollha nsewk,
mhumiex ifittxuk.
Għax minħabba l-kotra ta’ dnubietek sawwattek
bħallikieku kont l-għadu tiegħek,
widdibtek bl-aħrax,
għax kibru qatigħ ħtijietek.
Għalfejn tgħajjat bil-ġerħa tiegħek?
Ma tfiqx mit-tbenġil tiegħek;
minħabba l-kotra ta’ dnubietek;
għax kibru ħtijietek jien ġibt dan fuqek.
Hekk jgħid il-Mulej:
Araw, se nbiddel ix-xorti ta’ tined Ġakobb,
se nħenn għall-għerejjex tiegħu.
Il-belt tinbena fuq l-għolja tagħha;
jerġa’ jitla’ l-palazz fejn kien,
u minnhom joħroġ għana ta’ radd il-ħajr
u għana ta’ ferħ.
Inkattarhom, u ma jkunux ftit;
inkabbarhom u ma jiċkinux.
U wliedhom ikunu bħal qabel,
u quddiemi tinġabar ġemgħathom.
Jien nikkastiga l-għakkiesa tagħhom.
U l-prinċep tagħhom ikun wieħed minnhom;
u l-mexxej tagħhom joħroġ minn nofshom.
Jien irressqu lejja u hu jersaq lejja;
għax min se jissogra jersaq lejja minn rajh?
Oraklu tal-Mulej.
U intom tkunu l-poplu tiegħi,
u jien inkun l-Alla tagħkom.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 101 (102), 16-18.19-21.29 u 22-23

R/. (17): Il-Mulej jerġa’ jibni lil Sijon, u jidher fis-sebħ tiegħu

Ħa jkollhom il-ġnus il-biża’ ta’ ismek, Mulej,
u s-slaten kollha tal-art il-biża’ tas-sebħ tiegħek,
meta l-Mulej jerġa’ jibni lil Sijon,
u jidher fis-sebħ tiegħu.
U jisma’ t-talb tal-mitluqin,
ma jistmellx it-talb tagħhom. R/.

Jinkiteb dan għan-nisel li għad jiġi,
u poplu ġdid għad ifaħħar lill-Mulej.
Il-Mulej iħares ’l isfel mill-għoli tas-santwarju tiegħu,
u jittawwal mis-sema lejn l-art,
biex jisma’ l-krib tal-ilsiera,
biex jeħles ’il dawk li huma għall-mewt. R/.

Ulied il-qaddejja tiegħek ikollhom darhom;
nisilhom jibqa’ għal dejjem quddiemek.
U hekk jixxandar f’Sijon isem il-Mulej,
u f’Ġerusalemm it-tifħir tiegħu,
meta l-popli flimkien jinġemgħu,
u saltniet biex jaqdu l-Mulej. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 1, 49b

Hallelujah. R/. Hallelujah
Rabbi, int l-Iben ta’ Alla,
inti s-sultan ta’ Iżrael!
R/. Hallelujah

Jew meta taħbat is-sena A

ara Atti 16, 14b

Hallelujah. R/. Hallelujah
Iftħilna qalbna Mulej,
biex nifhmu dak li jgħidilna Ibnek.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma.
Mt 14, 22-36

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

Wara li l-folla kielet, Ġesù minnufih ġiegħel lid-dixxipli jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru qablu x-xatt l-ieħor, sakemm jibgħat lin-nies. Wara li bagħat lin-nies, tela’ waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob. Xħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq, waħdu. Id-dgħajsa kienet diġà f’nofs il-baħar titħabat mal-mewġ, għax kellhom ir-riħ kontra tagħhom. Fir-raba’ sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar. Huma rawh miexi fuq il-baħar u twerwru. “Dan xi fantażma!” qalu; u qabdu jgħajtu bil-biża’. Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn!”. Wieġeb Pietru u qallu: “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma”. “Ejja!”, qallu Ġesù. Pietru niżel mid-dgħajsa, u qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù. Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, baża’, ħabat jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid: “Salvani, Mulej!”. Malajr Ġesù medd idu, qabdu, u qallu: “Bniedem ta’ fidi żgħira, għaliex iddubitajt?”.

Meta mbagħad it-tnejn telgħu fid-dgħajsa, ir-riħ waqaf. Dawk li kienu fid-dgħajsa nxteħtu jqimuh u qalulu: “Tassew, int Bin Alla!”. Qasmu għan-naħa l-oħra u marru fl-art ta’ Ġennesaret. In-nies ta’ hemm għarfuh, u xerrdu l-aħbar ma’ dawk l-inħawi kollha. Bdew iressqulu quddiemu l-morda kollha u jitolbuh iħallihom imissulu mqar tarf il-libsa; u dawk kollha li messewh fiequ.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Jew meta taħbat is-sena A

EVANĠELJU
Kull siġra li ma ħawwilhiex Missieri li hu fis-smewwiet tinqala’.
Mt 15, 1-2.10-14

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, xi Fariżej u kittieba minn Ġerusalemm resqu fuq Ġesù u qalulu: “Dan l-għala d-dixxipli tiegħek jiksru t-tradizzjonijiet ta’ missirijietna? Għax huma ma jaħslux idejhom qabel ma jieklu!”. Imbagħad sejjaħ lill-folla lejh u qalilhom: “Isimgħuni u ifhmuni!”. Mhux dak li jidħol mill-fomm itebba’ lill-bniedem, imma dak li joħroġ mill-fomm, dan hu li jtebba’ lill-bniedem!”. Resqu lejh imbagħad id-dixxipli u qalulu: “Taf li l-Fariżej skandalizzaw ruħhom meta semgħu din il-kelma?”. Iżda hu weġibhom: “Kull siġra li ma ħawwilhiex Missieri li hu fis-smewwiet tinqala’ mill-għeruq. Ħalluhom: dawk għomja mexxejja tal-għomja; jekk agħma jmexxi lil agħma ieħor, it-tnejn jaqgħu ġol-ħofra!”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu