Qari tal-Quddies tat-Tlieta tat-XXX ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

It-Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta

QARI I
Dan il-misteru – qiegħed ngħid għal Kristu u għall-Knisja – huwa kbir!
Efes 5, 21-33

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, oqogħdu għal xulxin fil-biża’ ta’ Kristu. Intom in-nisa oqogħdu għal żwieġkom bħallikieku għall-Mulej, għax ir-raġel hu ras il-mara, bħalma Kristu hu ras il-Knisja, is-salvatur tal-Ġisem tiegħu. Għalhekk, bħalma l-Knisja toqgħod għal Kristu, hekk ukoll in-nisa għandhom joqogħdu għal żwieġhom f’kollox. Intom, l-irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom, kif Kristu ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha. U dan għamlu biex iqaddisha u jnaddafha bil-ħasil tal-ilma u l-kelma u biex iressaqha quddiemu, din il-Knisja, sabiħa, bla tebgħa, bla tikmix, bla għajb, u b’xejn minn dan, imma qaddisa u bla tmaqdir minn ħadd. Hekk għandhom ukoll l-irġiel iħobbu n-nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess. Min iħobb ’il martu jkun iħobb lilu nnifsu. Qatt ħadd ma bagħad ’il ġismu stess, iżda jmantnih u jieħu ħsiebu, bħalma jagħmel Kristu mal-Knisja, għax aħna lkoll membri tal-Ġisem tiegħu.

Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u jsiru t-tnejn ġisem wieħed. Dan il-misteru – qiegħed ngħid għal Kristu u għall-Knisja – huwa kbir! Għalhekk intom ukoll, kull wieħed minnkom, għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu, u l-mara għandha ġġib rispett lil żewġha.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 127 (128), 1-2.3.4-5

R/. (1a): Hieni kull min jibża’ mill-Mulej

Hieni kull min jibża’ mill-Mulej,
kull min jimxi fit-triqat tiegħu!
Mix-xogħol ta’ jdejk inti tiekol;
hieni int, u riżqek tajjeb! R/.

Martek tkun bħal dielja għammiela
fl-irkejjen ta’ darek;
uliedek bħal xitel taż-żebbuġ
madwar il-mejda tiegħek. R/.

Ara, kif ikun imbierek
il-bniedem li jibża’ mill-Mulej!
Ibierkek il-Mulej minn Sijon!
Jalla tara l-ġid ta’ Ġerusalemm
tul ħajtek kollha! R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Mt 11, 25

Hallelujah. R/. Hallelujah
Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-Saltna wrejthom liċ-ċkejknin.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Iż-żerriegħa kibret u saret siġra.
Lq 13, 18-21

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Lil xiex tixbah is-Saltna ta’ Alla, u ma’ xiex se nxebbhuha? Tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel qabad u żeragħha fil-ġnien tiegħu, u mbagħad kibret u saret siġra, u l-għasafar tal-ajru marru jbejtu fil-friegħi tagħha”. U reġa’ qalilhom: “Ma’ xiex se nxebbahha s-Saltna ta’ Alla? Tixbah lil ftit ħmira li waħda mara qabdet u ħalltet ma’ tliet sigħan dqiq sakemm għoliet l-għaġna kollha”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu