Quddiesa tal-Ħadd mill-Knisja Arċipretali Kolleġġjata ta’ San Pawl, ir-Rabat – 21 ta’ Ġunju


Il-Ħadd, 21 ta’ Ġunju 2020: Quddiesa tal-Ħadd mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Knisja Arċipretali Kolleġġjata ta’ San Pawl, ir-Rabat …

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“La tibżgħux mill-bnedmin” (Mt 10:26). Ġesù jirrepeti dawn il-kliem tliet darbiet fl-Evanġelju li għadna kemm smajna: “Tibżgħux”.

Hu qed jaffaċċja r-realtà li ngħaddu minnha lkoll kemm aħna. Quddiem it-theddida tal-mard, tal-ħsara li xi ħadd jista’ jagħmlilna, anke t-theddida ta’ ħajjitna stess, ir-reazzjoni tagħna hija l-biża’. U l-kuraġġ jiġi meta jiena nikkumbatti dak li qed inħoss u minkejja l-biża’ li nkun għaddej minnu, nagħżel li nagħmel it-tajjeb. Il-persuna kuraġġuża mhijiex dik li qatt ma tibża’, anzi li fil-biża’ li tgħaddi minnu bħal kull bniedem, ikollha s-sens li tagħżel it-tajjeb.

Ġesù jitkellem dwar dawk li jistgħu joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ (Mt 10:28). Jitkellem ukoll dwar min, minkejja l-biża’ li jaħkmu, jistqarr lill-Mulej quddiem il-bnedmin. Dawn il-persuni aħna nsejħulhom martri, xhieda, dawk li ma beżgħux minn min jista’ joqtol lill-ġisem bla ma jista’ joqtol ir-ruħ, dawk li ma stħawx jistqarru lil Mulej quddiem il-bnedmin.

F’diversi parroċċi tagħna, ibda minn din iddedikata lill-Appostlu Missierna San Pawl kif ukoll lill-Ewkaristija qaddisa li ċċelebrajna f’dawn il-ġranet qaddisa, f’diversi parroċċi aħna niċċelebraw rġiel u nisa li stqarru lil Ġesù sa ma mietu għall-istqarrija ta’ ismu. “Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu miegħi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem il-Missier li hu fis-smewwiet” (Mt 10:32). Imma dawk il-qaddisin li niċċelebraw fil-parroċċi tagħna, tant martri, mhumiex xi ħaġa biss li eżistiet fil-bogħod imma hija realtà li aħna l-Insara nibqgħu ngħaddu minnha sat-tmiem taż-żminijiet.

Jiena nixtieq illum infakkar erba’ persuni qrib tagħna fl-istorja, li ma beżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ, imma iżjed beżgħu fis-sens li tawh ir-rieda tagħhom u x-xhieda tagħhom, minn dak li jista’ jeqred kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem fl-infern.

L-ewwel personaġġ li nixtieq insemmi huwa l-Isqof Oscar Romero li nqatel fl-24 ta’ Marzu 1980 fil-belt fejn kien isqof San Salvador fil-pajjiż taċ-Ċentru Amerika El Salvador. Kien qed iqaddes u xi rġiel daħlu fil-knisja u sparawlu u qatluh. Għaliex? Għaliex kien bniedem li bil-predikazzjoni tiegħu, bil-kelma ċara tiegħu, ikkritika l-inġustizzja ta’ pajjiżu u ddefenda l-foqra. Il-Papa Franġisku ddikjarah qaddis fl-14 ta’ Ottubru 2018 bħala martri, bħala xhud ta’ Ġesù.

It-tieni personaġġ qrib tagħna huwa l-qassis Pollakk Jerszy Popieluszko li nqatel fid-19 ta’ Ottubru 1984. Jiena kelli x-xorti niltaqa’ ma’ Fr Jerszy fl-4 ta’ Marzu tal-istess sena u ma ninsa qatt din il-laqgħa tiegħi b’mod speċjali mbagħad wara li miet, dik il-laqgħa għalija ħadet togħma differenti. Kelli x-xorti mmur il-Polonja, Warsava meta Jerszy Popieluszko sar beatu fis-6 ta’ Ġunju 2010. X’għamel Jerszy biex ikun martri ta’ Kristu? Iddefenda lil pajjiżu mill-gidba tal-kommuniżmu, iddefenda d-dinjità tal-ħaddiema mingħajr ħabi u b’kuraġġ kbir. Qatt ma beża’ Jerszy? Dażgur li kien jibża’. Meta ltqajt miegħu bis-sfura tiegħu, spjegali li kien jissejjaħ kull ġimgħa l-għassa għall-interrogazzjoni li ma tispiċċa qatt. Kien mod biex jgħidulu: ‘aħna nikkmandaw’. Imma dak ma żammux jagħmel il-quddies ta’ kull xahar iddedikata għall-bżonnijiet ta’ pajjiżu. Ħafna nies kienu jmorru għand Fr Jerszy jitolbu l-għajnuna: minn xi missier jew xi tifel żagħżugħ li kienu arrestaw il-pulizija kommunista.

Fil-15 ta Frar 2015, qed ngħidu ħames snin ilu, mhux ’il bogħod minna, fuq ix-xatt tas-Sirte fil-Libja propju l-isfel minna direttament, inqatlu 21 Nisrani, qatgħulhom rashom. X’kienet il-ħtija ta’ dawn il-21 Eġizzjan tal-Knisja Kopta, għalhekk Eġizzjan? Li kienu Nsara! Kien hemm wieħed minnhom, għax kienu 20 Eġizzjan u wieħed kien samrani mill-Ghana. U meta l-qattiela qalulu: ‘Inti Nisrani wkoll?’ Meta ra l-fidi ta’ dawn il-ħaddiema sempliċi Eġizzjani li ma ridux jiċħdu lil Ġesù, qalilhom: ‘Alla tagħhom hu Alla tiegħi’. U qatgħulu rasu wkoll. Il-Knisja Kopta kkanonizzatt lil dawn il-21 martri, ħaddiema kollha, il-familji tagħhom għadhom magħna sal-lum l-Eġittu – fil-21 ta’ Frar 2015.

Kemm tkun ħaġa sabiħa, l-aħwa, li l-kelma ta’ dak il-21 martri ta’ Sirte li ma kienx mill-Eġittu, kien mill-Ghana, tkun ukoll il-kelma tagħna: ‘Alla tagħhom huwa Alla tiegħi’.

Imma l-iżjed dikjarazzjoni friska tal-martirju huwa dak li ta l-Papa fit-19 ta’ Ġunju ta’ din is-sena propju jumejn ilu fil-festa tal-Qalb ta’ Ġesù. Il-Papa Franpisku ddikjara l-martirju ta’ soru li ddedikat ħajjitha fin-Nord ta’ l-Italja. Kien jisimha Maria Laura Mainetti għall-katekiżmu, tgħin lit-tfajliet f’dak kollu li kien ikollhom bżonn, b’ħafna diffikultajiet ta’ min qiegħed jikber, u nqatlet minn tlieta mit-tfajliet li kienet tgħallem, li meta kibru ltaqgħu mas-sataniżmu, għamlu patt max-xitan u bħala ritwal sataniku riedu joqtlu qassis jew soru.

L-ewwel riedu joqtlu l-kappillan imma dan mid-dehra kien qawwi u kbir u qalu: ‘mhux se negħelbuh’. Allura lis-soru ċemplitilha waħda minnhom, qaltilha: ‘Waħda minnha trid tkellmek għaliex inqabdet tqila u trid tagħmel l-abort, ma tiġix tkellimha ftit?’ U s-soru ħarġet, marret magħhom, ħaduha f’park biex taparsi tiltaqa’ ma’ dit-tfajla u tkellimha, u bdew isawtuha b’għasluġ, imbagħad bil-briks u hi l-ħin kollu bdiet titlob. Dan ġara fis-6 ta’ Ġunju tas-sena 2000, konna ħajjin aħna lkoll, konna hawnhekk f’din id-dinja waqt li jiġri dan. U hi titlob għalihom biex il-Mulej iħenn għalihom u jaħfrilhom. Ħin minnhom bdew jagħtuha bis-sikkina. Il-pjan kien, skont ir-rakkont ta’ waħda li mbagħad iddispjaċiha ħafna, li kienu tlieta jagħtuha sitt daqqiet ta’ sikkina kull wieħed. Kien hemm xi ħadd ta waħda żejda u spiċċat mietet b’19-il daqqa tas-sikkina. Għaliex il-mibegħda li nissel fihom Satana għall-affarijiet ta’ Ġesù, infexxewha kollha f’din is-soru innoċenti, li mietet titlob għall-konverżjoni tagħhom.

Meta nisimgħu r-rakkont ta’ dawn il-martri ta’ żmienna, nifhmu xi jrid jgħid Ġesù: “Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem bla ma jistgħu joqtlu r-ruħ” (Mt 10:28). “Kull min jistqarr quddiem il-bnedmin li hu mieghi, jien ukoll nistqarr li jiena miegħu quddiem Missieri li hu fis-smewwiet” (Mt 10:32). Kemm tkun ħaġa sabiħa, l-aħwa, li l-kelma ta’ dak il-21 martri ta’ Sirte li ma kienx mill-Eġittu, kien mill-Ghana, tkun ukoll il-kelma tagħna: ‘Alla tagħhom huwa Alla tiegħi’. Hu miet magħhom martri, rasu maqtugħa għax induna li l-fidi ta’ dawn l-Eġizzjani ħaddiema li ma ridux jiċħdu lil Ġesù, qalulhom: ‘aħna ta’ Ġesù, ma niċħdux lil Ġesù’, ipperswaditu li dan Alla tal-Insara ta’ min mhux biss jgħix għalih imma wkoll imut għalih.

U jiena kif nistqarr li jiena ta’ Ġesù? Mhux kwistjoni ta’ raġġiera li nimxi biha, imma li jiena kontinwament ngħidlu: ‘Ħenn għalija, għandi bżonnok’. Dik l-isbaħ stqarrija li nistgħu nagħmlu li aħna miegħu u tiegħu għax hu qalilna: mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn. Mela l-istqarrija tagħna mhux xi premjuli se nieħdu f’xi Prize Day. Li għandu bżonn minna l-Mulej hija li nistqarru li għandna bżonnu, għandna bżonn tal-ħniena tiegħu u li dan nagħmluh quddiem il-bnedmin.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġer 20, 10-13
Salm: 68 (69), 8-10.14.17.33-35
Qari II: Rum 5, 12-15
Evanġelju: Mt 10, 26-33

 

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.