L-Isqof Mario Grech f’Ordinazzjoni Presbiterali u Djakonali

Il-Ġimgħa, 19 ta’ Ġunju 2020: L-E.T. Mons. Mario Grech Amministratur Appostoliku għal Għawdex fl-Ordinazzjoni ta’ Dun Mario Mercieca għall-Presbiterat u Fra Etienne Gilson ofmconv u Andrew Grima għad-Djakonat, fuq iz-Zuntier tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb.

Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex

MA’ ĠESÙ L-MADMAD JEĦFIEF

Il-Vanġelu li tħabbrilna (Mt 11:25-30) huwa sabiħ ħafna għax fih għandna talba profonda li Ġesù jagħmel lill-Missier u fl-istess waqt joffrilna soluzzjoni kif intaffu l-piżijiet tal-ħajja. Imma biex nifhmu l-qawwa ta’ din is-silta huwa importanti li nkunu nafu l-kuntest storiku li fih Ġesù jesprimi ruħu b’dan il-mod.

X’kellu f’moħħu l-evanġelista San Mattew meta fil-bidu ta’ din is-silta tal-Vanġelu jgħid “f’dak iż-żmien”? X’kien il-perjodu partikulari meta Ġesù refa’ ħsiebu lejn il-Missier?

Kien żmien iswed għal Ġesù. Qalbu kienet imtaqqla. Fuqu kellu madmad. Fil-fatt, ftit qabel kienu waslu għandu xi dixxipli mibgħuta minn Ġwanni l-Battista li staqsewh: “Inti huwa dak li għandu jiġi jew nistennew lil ħaddieħor?” (Mt 11:13). Mistoqsija bħal din tferi lil Ġesù fil-laħam il-ħaj. Nistħajlu li meta sema’ dan il-kliem huwa qal: “Ilni daqshekk magħhom u għadhom ma għarfunix, għadhom ma aċċettawnix… għandhom dubju dwari?”. Ġib quddiem għajnejk xi ħadd li jkun kiber u għex miegħek, li tkun ħabbejt u batejt għalih, imbagħad ħabta u sabta jgħidlek: “Int min int? Int inti, jew nistennew lil ħaddieħor?”.

Fl-istess ċirkustanza storika Ġesù jċanfar bis-sħiħ lill-ibliet li ma wrewx indiema minkejja l-ħafna mirakli li kien għamel fihom – dawk l-ibliet li minkejja li min jaf kemm kien ipprietkalhom u għamel magħhom, ma laqgħuhx. “Ħażin għalik Korożajn, ħażin għalik Betsajda. Għax kieku l-mirakli li saru fikom saru f’Tir u Sidon, kieku ilhom li wrew indiema” (Mt 11:21). Ġesù juri d-dispjaċir li kellu minħabba d-disfatti li kellu f’Kafarnahum tant li għal din il-belt huwa jgħid: “Kieku l-mirakli li saru fik saru f’Sodoma, kieku għadha wieqfa sal-lum” (Mt 11:23).

Għalhekk Ġesù jagħmel din it-talba f’dan il-kuntest ta’ falliment u delużjoni. Ġesù ma jinfexx fir-rabja u lanqas ma jibda jfajjar kundanni jew aġġettivi ta’ kritika lil dak u lill-ieħor; minflok huwa jerfa’ l-ħsieb tiegħu lejn il-Missier u jgħidlu: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għrf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin”. Filwaqt li jqiegħed lilu nnifsu maċ-ċkejknin, Ġesù jintelaq f’idejn il-Missier. Huwa jibdel okkażjoni ta’ ilment fi stqarrija ta’ fidi u tifħir. Anzi, Ġesù jikxef kemm huwa intimu mal-Missier: “Ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu”. Hawnhekk għandna passaġġ teoloġikament profond ħafna għax juri x’komunjoni hemm bejn Ġesù u l-Missier. Hija din l-għaqda stretta ta’ bejniethom li ssalva lil Ġesù! Għalhekk, dak li kien motiv ta’ mrar u diqa Ġesù jibdlu f’talba ħerqana ta’ glorifikazzjoni lill-Missier.

Proprju għax huwa stess ġarrab it-toqol tal-madmad u fl-istess waqt sab li l-Missier kien “is-Samaritan” li refgħu, Ġesù jdur fuqna u jgħidilna: “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin u jien inserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni… għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif”. Ġesù qed jgħidilna li t-toqol ħfief għax refa’ l-ħsieb tiegħu lejn il-Missier u ntelaq f’idejh.

Għeżiez ordinandi, il-ħajja mhix ward u żahar. Ma nilludux irwieħna. Tkun djaknu, presbiteru, isqof… ħafna drabi riħ xott għal wiċċna għandna! Naf x’qed ngħid. Kont għadni bħalkom riesaq għall-Ordinazzjoni saċerdotali u kien hemm saċerdot li qalli li s-saċerdozju huwa “crux et martyrium”. Dakinhar ma fhimtux! Fit-talba konsagratorja tal-Griżma li biha s-saċerdot u l-isqof il-ġdid ser jiġu midluka tlabna lill-Mulej ibierek din il-Griżma “li biha għoġbok tikkonsagra għalik qassisin u slaten, profeti u martri”. Il-martirju huwa parti mis-sejħa tagħna; imma f’dawk il-mumenti, li ser jiġu żgur, taqtgħux qalbkom. Fuq l-eżempju tal-Imgħallem Ġesù sejħu lill-Missier “jerfa’” l-madmad tagħkom.

Il-ministeru tagħkom ser ipoġġikom qrib persuni li huma mtaqqla u mgħobbija b’ħafna piżijiet – xi drabi b’toqol li ngħabbuhom aħna stess f’isem Kristu u l-Knisja. Il-poplu ta’ Alla qed jistenna minnkom li tlissnulu din is-sentenza: “Ejjew għand Ġesù, intom ilkoll imtaqqlin, għax jekk Ġesù jkun magħkom, il-madmad tagħkom ma jibqax tqil”.

Ħajr: PRO Studios

Leave a Reply