Quddiesa tal-Ħadd mill-Knisja tal-Lunzjata, Ħal Balzan – 28 ta’ Ġunju


Il-Ħadd, 28 ta’ Ġunju 2020: Quddiesa tal-Ħadd mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Knisja tal-Lunzjata, Ħal Balzan …

Capture.PNGjjkk

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Imħabba bla kompromessi

Jista’ jkun jidher ftit goff u barra minn loku dan il-kliem ta’ Ġesù, speċjalment fl-ewwel parti tal-Evanġelju, meta qisu jqabbel l-imħabba lejh mal-imħabba lejn l-omm u l-missier, jew tal-omm u l-missier lejn l-ulied, l-imħabba fil-familja. Qisu jqegħidhom f’kuntrast. Imma ma kienx Alla stess li tana l-kmandament biex nirrispettaw u nħobbu lil missierna u lil ommna? Għaliex Ġesù jitkellem hawnhekk b’dal-mod?

Nistgħu nifhmu l-kliem ta’ Ġesù meta aħna niftakru min kienu dawk l-Insara fl-ewwel żminijiet tal-Knisja li kienu qed jisimgħu din il-Kelma. Fost dawn l-Insara kien hemm nies li minħabba l-għażla li għamlu li jimxu wara Ġesù għax għarfuh bħala t-triq, il-verità u l-ħajja, kellhom oppożizzjoni kbira mill-istess nies tal-familja tagħhom, mill-istess nies qrib tagħhom. Allura kellhom din id-dilemma: minn banda jridu jimxu wara Ġesù u jridu lilu jħobbuh b’qalbhom kollha, mill-banda l-oħra għandhom din l-oppożizzjoni, dan it-tfixkil mill-istess nies tal-familja tagħhom. Għalhekk Ġesù jgħid li huwa importanti li aħna nagħżlu lil Alla, u nagħżluh mingħajr kompromessi.

Hawn niftakru fil-kliem li kien qal Ġesù meta spjega liema hu l-ewwel u l-akbar kmandament. Kien qal: “Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu u bil-qawwa tiegħek kollha”. Li għallem Ġesù u li wera hu li meta int verament tħobb lil Alla b’dan il-mod, imbagħad din l-imħabba toħroġ lejn l-oħrajn, ibda minn dawk li huma qrib tiegħek. Fil-fatt, meta mmorru lura għall-ħajja tal-ewwel Insara, naraw kif dawn, meta għażlu lil Ġesù u għażlu li jkun hu l-ewwel, imbagħad lil tal-familja tagħhom kienu jħobbuhom anke minkejja tfixkil u qatt ma qalu kliem ta’ mibegħda lejn l-istess nies qrib tagħhom anke jekk għalihom kienu kultant ta’ tfixkil.

Hi din l-imħabba lejn Alla b’mod sħiħ li meta ngħixuha tassew, imbagħad tgħinna ngħixu l-imħabba lejn l-oħrajn, l-ewwel nett lejn dawk li huma qrib tagħna, l-istess familja tagħna.

Hawn jgħid ħaġa oħra importanti meta jispjega x’ifisser li aħna nagħżlu lil Alla l-ewwel u qabel kollox. Hu jsemmi żewġ affarijiet. Jgħid li dan ifisser li int tilqa’, u jfisser li tagħti b’ġenerożità.

X’jiġifieri ‘tilqa’’? Ġesù jgħid: “Min jilqa’ lilkom jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħatni.” Qed jgħid Ġesu kemm hu importanti li fil-ħajja tagħna lin-nies nilqgħuhom, nuru din l-ospitalità – bħalma rajna fl-Ewwel Qari wkoll – li ħierġa mill-imħabba ta’ Alla. Għax aħna nagħżlu lil Alla l-ewwel, imbagħad nilqgħu lill-oħrajn, u nilqgħuhom għax fihom naraw il-preżenza ta’ Ġesù stess. Bħalma jgħid iktar ’il quddiem fl-Evanġelju ta’ San Mattew, meta jispjega l-opri tal-ħniena u jgħid: “Kont barrani u lqajtuni”. Hawn naraw ir-rabta li hemm bejn l-Ewkaristija li nirċievu u li aħna nilqgħu f’qalbna – hija l-preżenza ta’ Ġesù fina – u li aħna nilqgħu lill-oħrajn għax fihom naraw tassew il-preżenza ta’ Ġesù. Għalhekk Ġesù jgħid: jekk aħna nagħżluh l-ewwel u qabel kollox, imbagħad nilqgħu lill-oħrajn u nuru magħhom ukoll din l-imħabba.

Ġesù jgħid ukoll ħaġa oħra. Jgħid li aħna nagħtu b’ġenerożità: “Kull min jagħti tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu tiegħi, ma jibqax mingħajr il-ħlas tiegħu”. Isemmi xi ħaġa tant sempliċi – tazza ilma – biex juri li l-imħabba tagħna lejh ngħixuha bl-iktar mod konkret fil-ħajja ordinarja tagħna ta’ kuljum proprju meta aħna nuru din il-ġenerożità mal-oħrajn. Meta aħna, fl-affarijiet iż-żgħar, nuru li jimpurtana mill-oħrajn, nieqfu ma’ min hu fil-bżonn, hemm qed ngħixu din l-imħabba lejh. Hekk jgħid aktar ’il quddiem fl-Evanġelju: “Kont bil-għatx u sqejtuni”.

Għalhekk importanti li aħna nagħrfu kif ngħixu l-imħabba sħiħa lejn Alla, fejn hu jkun l-ewwel fil-ħajja tagħna. Din l-imħabba ngħixuha bl-iktar mod konkret fil-ħajja tagħna billi nilqgħu u billi nagħtu b’ġenerożità.

Nitolbu lil Alla llum biex aħna nagħżlu lilu, u din l-għażla tkun mingħajr ebda kompromess, imma biex ngħixu wkoll din l-għażla li għamilna f’ħajjitna. Jagħtina l-qawwa u jagħtina wkoll l-imħabba tiegħu ħalli ngħixu din l-għażla bl-imħabba lejn l-oħrajn billi nilqgħu u billi nagħtu b’ġenerożità, kif għallimna u kif uriena hu.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.