Quddiesa u Rużarju mill-Kurja tal-Arċisqof – 3 ta’ Lulju


Il-Ġimgħa, 3 ta’ Lulju 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Festa ta’ San Tumas Appostlu, fil-Kurja tal-Arċisqof …

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Għajnuna kbira għall-fidi tagħna

Hemm qaddisin li kif tisma’ isimhom, moħħok mal-ewwel imur fl-affarijiet kbar u ta’ ġid li għamlu; u hemm qaddisin li ħadmu pjuttost fil-kwiet, fis-skiet, fil-moħbi, u meta tisma’ isimhom moħħok imur f’din il-ħidma tagħhom fil-kwiet. Imma hemm min baqa’ b’timbru, u San Tumas l-Appostlu hu wieħed minn dawn. Baqa’ bit-timbru “dak li ma emminx”. Fil-fatt anke bl-Ingliż hemm espressjoni “doubting Thomas” li hi espressjoni komuni, u li oriġinat minn din il-ġrajja li smajna llum. San Tumas għamel ħafna aktar affarijiet, u wara l-Inżul tal-Ispirtu s-Santu mar f’diversi postijiet ixandar il-Bxara t-Tajba – hemm min jgħid li wasal sal-Indja, fejn hemm fil-fatt illum qima kbira lejh – imma baqa’ b’dat-timbru: “dak li ma emminx”.

Imma, jekk naħsbu ftit, Tumas l-Appostlu hu ta’ għajnuna kbira għall-fidi tagħna fi Kristu li huwa ħaj. San Girgor il-Kbir jgħid fuqu hekk: Tumas, li kien hekk tqil biex jemmen, swielna ta’ ġid għall-fidi tagħna aktar mill-appostli l-oħra li emmnu.

Għaliex? Tumas ma emminx għax ma qagħadx fuq il-kelma ta’ sħabu. Dawn qalulu “rajna l-Mulej ħaj” u hu, li bħalhom kien għadda minn dik l-esperjenza hekk kerha tal-passjoni u tal-mewt ta’ Ġesù, ma emminhomx. Tumas donnu dejjem kellu f’moħħu din tal-mewt ta’ Ġesù li tkiddu. Fil-fatt, darba, meta Ġesù kien qalilhom li sejjer Betanja, dar fuq sħabu u qalilhom: “immorru ħa mmutu miegħu”. Kien għadu taħt din l-esperjenza trawmatika, u allura qalilhom: jiena sakemm ma narax b’għajnejja u mmiss b’idejja, ma nemminx. Għalhekk meta deher Ġesù u qallu biex imiss il-pjagi, hemmhekk hi ta’ għajnuna għalina biex aħna wkoll nissaħħu fil-fidi fi Kristu li hu ħaj.

Hi ta’ għajnuna speċjali dik l-istqarrija li għamel Tumas meta qal “Mulej tiegħi u Alla tiegħi”. Hi l-ikbar dikjarazzjoni ta’ fidi li nsibu fl-Evanġelju u li nsibu fuq fomm appostlu. San Girgor il-Kbir, meta jikkumenta fuq din, jgħid li Tumas ra bniedem imma għaraf fih lil Alla li ma jidhirx, għaraf lil dak li ma setax jara – lil Alla. Għalhekk qal “Mulej tiegħi u Alla tiegħi”. Mhux biss li dan Ġesù qam mill-mewt, imma għarfu bħala Mulej u Alla. Għalhekk hu ta’ għajnuna kbira għalina, għall-fidi tagħna fi Kristu li hu ħaj, li hu l-Mulej u Alla tagħna.

Aħna għandna bżonn din l-għajnuna. F’ħajjitna kultant ngħaddu – u din hi ħaġa naturali – minn mumenti ta’ dubju fil-fidi, ta’ fidi dgħajfa. Kultant ukoll infittxu affarijiet straordinarji. Per eżempju, din l-istatwa hawnhekk, kieku kellha tibda tiċċaqlaq, ftit minuti wara hawn jimtela bin-nies għax ikunu raw xi ħaġa straordinarja. Kultant inkunu rridu qisna naraw u mmissu b’idejna biex nemmnu jew biex nemmnu iktar. Imma hawn niftakru f’dak li qal Ġesù li tant hu importanti għalina: “Henjin dawk li ma rawx u emmnu”. Qed jgħid li aħna nkunu ħenjin meta nemmnu fih anke jekk ma narawx. Hija l-espjerjenza li nagħmlu fil-fatt hawnhekk fil-quddiesa, fl-Ewkaristija, għax meta ninġabru għall-Ewkaristija aħna ma narawx lilu bħalma naraw bniedem ieħor, imma nemmnu fih. Hemm hi l-esperjenza sabiħa ta’ dan li qed jgħid Ġesù li aħna nkunu tassew henjin.

Nitolbu lill-Mulej llum din il-grazzja, bl-interċessjoni ta’ l-Appostlu San Tumas, biex isaħħaħ fina l-fidi, speċjalment fil-mumenti diffiċli tal-fidi tagħna, u biex jagħtina l-paċi fil-qalb ħalli dejjem niftakru dal-kliem tiegħu u nżommu f’qalbna: “Henjin dawk li ma rawx u emnnu.”

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju