Id-devozzjoni lejn il-Labtu tal-Karmnu u l-Papiet


Il-Labtu li kien jilbes San Ġwanni Pawlu II

Matul iż-żmienijiet twaqqfu ħafna konfraternitajiet, knejjes u kappelli li ġew ddedikati f’ġieħ il-Madonna tal-Karmnu. Din id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu w il-Labtu, hija waħda antika li għanda aktar minn 750 sena.

Kull nisrani huwa msejjaħ biex jgħix ħajja tajba w jagħti gost u glorja lil Alla, u jkollu bħala mudell tiegħu lill-Ġesù li dejjem wettaq ir-rieda tal-Missier tiegħu. Ġesù stess qal: “Jien hu t-triq, is-sewwa w il-ħajja.” Wara Kristu nsibu lill-ommu Marija li hija l-aqwa mudell tal-qdusija u d-devozzjoni lejha għandha twassalna lejn binha Ġesù.

Ommna l-Knisja tirrikmanda ħafna li wieħed jilbes dan il-Labtu bid-devozzjoni, billi permezz tiegħu jidħol f’relazzjoni ma’ Marija. Permezz tal-Labtu jikkonsagra lilu nnifsu lilha u dan ifisser li jkun lest li jimxi fuq il-passi tagħha. Marija hija l-mera tal-qdusija, speċjalment fl-imħabba tagħha lejn il-proxxmu fit-talb bla heda u fl-għaqda tagħha mar-rieda ta’Alla (hekk insibu fil-quddiesa tas-solennita tal-Madonna tal-Karmnu).Min jilbes il-Labtu juri li jippartjeni lill-Madonna li saħqet ras ix-xitan u tidħol għalina meta dan jipprova jersaq lejna bit-tentazzjonijiet tiegħu.

Min jinkiteb fil-Labtu, jinkiteb darba biss, minn xi patri Karmelitan jew saċerdot ieħor. Wieħed jista wara li-jinkiteb fil-Labtu jilbes domna li fuq naħa waħda jkollha xbieha tal-qalb ta’ Ġesu u fuq in-naħa l-oħra x-xbieha tal-Madonna. Tajjeb li wieħed qabel ma jinkiteb fil-Labtu tal-Karmnu jkun jaf għaliex dieħel u mhux jaħseb li ser jilbes xi biċċa ċarruta maġika.

Il-Labtu tal-Karmnu jistedinna biex ngħixu ta’ nsara awtentiċi kif jitlob minnha l-Vanġelu billi nirċievu s-sagramenti w nuru devozzjoni speċjali lejn il-Verġni mbierka. Kull nisrani jrid ikollu qalbu miftuħa għal Kristu u għar-rieda tiegħu murija fil-ġrajjiet tal-ħajja w fuq kollox billi ngħinu mill-qrib lil ħutna fil-bżonn.

Il-Labtu tal-Karmnu fil-fehmiet tal-Papiet

Ħafna kienu l-papiet li wrew devozzjoni vera lejn il-Labtu tal-Karmnu. Nsemmu ftit minnhom biex permezz tat-tagħlim tagħhom nifhmu aħjar x’jiġifieri tinkiteb fil-Labtu tal-Karmnu.

– Il-Papa Ljun XI (1605) waqt li kienu qedgħin ilibbsuħ bħala Papa kienu se jneħħulu l-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu u hu fil-pront qalilhom “Ħalluli l-Marija miegħi li ma tmurx Marija tħallini”.

– Il-Beatu Papa Piju IX (1846-78) magħruf għad-devozzjoni lejn il-Madonna u li kien hu li ddefinixxa d-domma tal-Kunċizzjoni fl-1854 qal dawn il-kliem dwar il-Labtu tal-Karmnu “Dan id-don mill-aktar tal-għaġeb li Marija għoġobha tatina m’huwiex biss ta’ siwi għall-familja Karmelitana, iżda għal kull min jixtieq jissieħeb ma’ din il-familja biex jimxi fuq il-passi ta’ Marija b’devozzjoni speċjali”.

– Il-Papa Ljun XIII (1878-1903) magħruf għat-tagħlim soċjali tal-knisja kellu dejjem devozzjoni lejn il-Labtu tal-Karmnu. Infatti darba qal “Nobbli fl-oriġni tiegħu, ta’ ġieħ għall-qedem tiegħu, tal-għaġeb fit-tixrid tiegħu mal-Knisja kollha u iktar ta’ l-għaġeb fil-ħajja spiritwali. L-għeġubijiet li twettqu bih, jagħmlu mill-Labtu tal-Karmnu rahan mill-aktar għoli ta’ min jirrikmandah”. Nistgħu ngħidu li fl-aħħar ta’ ħajtu dan il-Papa nstema jgħid “Ejjew nagħmlu novena lill-Madonna tal-Labtu, biex jien nkun imħejji għall-mewt”.

– Il-Papa San Piju X (1903-14) li kellu devozzjoni kbira lejn l-Ewkaristija, mhux biss kien iġib fuqu l-Labtu tal-Karmnu iżda wkoll kien Terzjarju Karmelitan.

– Il-Papa Benedittu XV (1914-22), kien iħeġġeġ lil kulħadd biex fit-taqbida mal-ħażen ikollna: “Lingwaġġ komuni u armatura komuni, il-lingwaġġ huwa fil-kliem tal-Vanġelu, l-armatura fil-Labtu tal-Karmnu għandna nxidduh fuqna u li jgawdi l-privileġġi tal-ħarsien sa fis-siegħa ta’ mewtna”.

– Il-Papa Piju XI (1922-39), magħruf bħala l-Papa tal-Missjonijiet li kien kkanonizza lil Santa Tereża tal-Bambin Ġesù qal “Tgħallimt inħobb il-Labtu tal-Karmnu f’dirgħajn ommi”, waqt li kien iħajjar lil kulħadd biex ixidd fuqu l-libsa ta’ Marija.

– Il-Papa Piju XII (1939-58) li sa minn tfulitu dejjem xhidd l-Labtu tal-Karmnu, fiċ-ċelebrazzjonijiet tas-700 sena mill-għoti tal-Labtu qal hekk “Il-Karmelitani kollha, kemm dawk fil-kunventi, jew fit-Terz Ordni, Konfraternitajiet u miktuba fil-Labtu, huma l-familja tal-Verġni Marija u huma marbutin magħha b’rabta ta’ mħabba waħdanija.  J’Alla jaraw f’dan ir-rahan lil Marija nnifisha, mera ta’ umiltà u safa; J’Alla jaqraw fis-sempliċità ta’ dan l-ilbies, lezzjoni mill-aqwa tal-modestja u s-sempliċità; u fuq kollox, ħa jżommu din l-istess libsa li jżommu fuqhom lejl u nhar bħala espressjoni għolja tat-talb tagħhom lil Alla”.

– Il-Papa San Ġwanni XXIII (1958-63), magħruf bħala l-Papa twajjeb u li beda il-Konċilju Vatikan tnejn, darba qal meta mar iżur Knisja tal-Karmnu: “Hawnhekk id-devozzjoni lejha ssir neċessarja, lejn il-Madonna tal-Karmnu aħna lkoll miġbudin b’ġibda mill-aktar tenera u ħelwa li ma tistax tirreżistieha”

– Il-Beatu Papa Pawlu VI (1963-78) li kien kiteb l-eżortazzjoni apostolika ‘Marialis Cultus’ billi kien qed jara id-devozzjoni lejn il-Madonna qed tonqos qal “Ħalli l-insara kollha jżommu fil-għoli il-prattika tad-devozzjonijiet approvati mill-awtorità tat-tagħlim tal-Knisja lejn l-Imqaddsa Verġni Marija. Aħna nemmnu li r-Rużarju ta’ Marija u l-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu huma l-iktar rakkomandati. Il-Labtu huwa espressjoni tad-devozzjoni li għas-sempliċità tiegħu huwa ta’ siwi għal kulħadd”.

San Ġwanni Pawlu II

L-aħħar li ħa nsemmu u mhux inqas huwa il-Papa San Gwann Pawlu II (1978-2005) li kif jaf kulħadd kellu devozzjoni kbira lejn il-Madonna. Tant hu hekk, li meta sar Papa għażel l-arma tal-pontifikat tiegħu “Totus tuus”, li tfisser “Kollni tiegħek”. Fost ħafna drabi li tkellem fuq il-Labtu tal-Karmnu huwa qal: “Jien, sa minn tfuliti, żammejt imdendel ma’ għonqi l-Labtu tal-Madonna u nistkenn b’fiduċja taħt il-mant tal-Imqaddsa Verġni Marija Omm Ġesù”.

Partikolarment liż-żgħażagħ kien qalilhom: “Irrid ngħidilkom li sa minn żgħożiti, meta jiena kont bħalkom, Marija għenitni. Għenitni ħafna nsib il-grazzja proprja għall-età tiegħi, il-grazzja tal-vokazzjoni.

San Ġwanni Pawlu II f’żgħożitu bil-Labtu

Ukoll fl-ittra li bagħat lill-Karmelitani kollha nhar il-25 ta’ Marzu 2001, fl-okkażżjoni ta’ għeluq is-750 sena mill-għoti tal-Labtu kiteb hekk: “Tnejn huma l-veritajiet li s-sinjal tal-Labtu jfakkarna fihom. Min-naħa waħda, ifakkarna fil-ħarsien ma jaqta’ xejn tal-Verġni Mqaddsa, mhux biss tul il-mixja tagħna f’din il-ħajja, imma wkoll waqt li nkunu se ngħaddu għall-milja tal-glorja ta’ dejjem.  Min-naħa l-oħra, jurina li d-devozzjoni lejha ma tistax tieqaf f’talb u sinjali oħra ta’ qima lejha f’xi ċirkustanzi, imma għanda ssir “drawwa”, jiġifieri mod permanenti ta’ kif ngħixu l-ħajja nisranija tagħna, minsuġa mit-talb u l-ħajja nterjuri, permezz tat-tisħib spiss fis-sagramenti u t-tħaddim konkret tal-għemejjel tal-ħniena spiritwali u korporali.  Hekk il-Labtu jsir sinjal ta’ “patt” u għaqda bejn Marija u n-nisrani. Huwa jfisser b’mod konkret l-għotja ta’ Ommu li Ġesù minn fuq is-salib għamel lil Ġwanni, u fih lilna lkoll, u t-telqa tal-appostlu l-maħbub u tagħna f’idejn dik li ngħatatilna bħala Omm spiritwali”.

Patri karmelitan iġorr il-Labtu tal-Karmnu li kien jilbes San Ġwanni Pawlu II

Tajjeb wieħed jiftakar li fl-okażżjoni tal-festa tal-Madonna tal-Karmnu li saret l-Imdina nhar it-23 u 24 ta’ Lulju 2016, kellna fostna r-relikwja tal-Labtu tal-Karmnu li kien jilbes il-Papa San Ġwann Pawlu II. Dan il-Labtu kien ngħata mill-Kardinal Stanislaw Dsiwisz, li kien segretarju personali tal-istess Papa sa’ ma’ miet. Dan il-Labtu ingħata lill-Ordni Karmelitan permezz ta’ patri Lucio Zappatore O.Carm, u jinsab miżmum b’għożża kbira f’kappella tal-knisja tal-ordni Karmelitan, f’Torre Spaccata ġewwa Ruma. Inħeġġeġ lid-devoti tal-Madonna tal-Karmnu u ta’ San Ġwanni Pawlu II, biex xi darba żżuru din ir-relikwa sagra. Nħeġġiġkom ukoll biex tinkitbu fil-Labtu tal-Karmnu u/jew tinkitbu bħala Terzjarji Karmelitani.

Nitolbu lill-Madonna, taħt it-titlu tal-Karmelu, biex tibqa’ tħalli frott spiritwali kotran fil-Provinċja tagħna.    

Minn Patri Hermann Duncan O.Carm