Tibżgħux mill-imħabba; mingħajrha ħajjitna ssir wied xott


Is-Sibt, 4 ta’ Lulju 2020: Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr mill-Arċisqof Charles J. Scicluna mas-saċerdoti li għadhom kemm ġew ordnati fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa …

Capture.PNGlll

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

It-talba tiegħi għalikom hija li tkunu dan l-inbid ġdid għall-Knisja u li l-qalb tagħkom tkun damiġġjana mġedda. Ftakru li għandkom teżor u li qegħdin iġġorruh f’ġarar tal-fuħħar (2 Kor 4:7). It-teżor huwa s-saċerdozju li mhuwiex għalina imma għall-poplu. Mhuwiex sellum biex nitla’ imma pjuttost salib.

F’waħda mill-omeliji sbieħ tiegħu Papa Benedittu XVI uża din l-immaġini li dejjem tolqotni. Qal: ‘l-uniku mod kif titla’ fis-saċerdozju huwa li titla’ fuq is-salib’. Ħarsu lejn l-ebda mod ieħor. U tgħidli: ‘Kif u meta?’ Ħalli lill-ubbidjenza tieħu ħsieb hi għax hekk tkun taf li s-salib jiġik. Jekk tobdi inti għandek din il-konsolazzjoni li s-salib jiġik. Ovvjament jekk ikun hemm diffikultajiet trid titkellem ukoll. Dixxernment isir bis-smigħ imma ma tistax tisma’ jekk dak li jkun ma jitkellimx. Imma mbagħad fid-djalogu tal-ubbidjenza inti dejjem tintreħa f’idejn is-superjuri u f’idejn l-isqof.

Ġesu huwa ħerqan li jħaddan fikom l-grazzja tiegħu biex permezz tagħkom imiss il-qalb ta’ ħafna nies.

Ġesù huwa ħerqan li jħaddan fikom l-grazzja tiegħu biex permezz tagħkom imiss il-qalb ta’ ħafna nies. L-għarus huwa magħna imma kultant f’mumenti ta’ dlam inħossuh li tteħdilna; ikunu mumenti ta’ sawm. Jiena ma nistax inwegħedkom saċerdozju mingħajr dlam. Li nista’ nwegħedkom f’isem Ġesù huwa l-għajnuna tal-grazzja tiegħu.

L-isqof fil-Ġimgħa l-Kbira jinża’ ċ-ċurkett anke Sibt il-Għid sakemm mal-Knisja tħabbar il-qawmien għax dawk il-ġranet l-isqof li huwa l-għarus, irid jifhem li l-għarus jittieħed. Tela’ fuq is-salib biex iwelled lill-għarusa tiegħu.

Ħudu ħsieb u għafsu fuq qalbkom biex l-imħabbiet tagħkom ikunu imħabbiet safja imma konkreti. Tibżgħux mill-imħabba għax mingħajr l-imħabba l-ħajja tagħna ssir wied niexef.

U nitolbuh l-interċessjoni qawwija ta’ Marija.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Għam 9, 11-15
Salm: 84 (85), 9.11-12.13-14
Evanġelju: Mt 9, 14-17