L-ewwel quddiesa

Print Friendly, PDF & Email

Kien il-Ħadd, l-14 ta’ Ġunju 2020, il-Festa ta’ Corpus Christi, eżattament fis-6.30 am, meta, fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, fejn il-Mulej għoġbu jqegħdni bħalissa, bdejna l-quddies. Il-ħsieb biss tani kuraġġ li issa, f’din l-istorja daqshekk twila u dinjija, kienet bdiet paġna ġdida. Intant …

Ħejjejt sewwa għaliha din il-quddiesa. Għax bdejt inħossha ġewwa fija sa minn meta tħabbar li l-Knejjes tagħna kienu se jinfetħu għall-quddies għall-pubbliku. Kelli lejl fil-kwiet. Għalhekk, filgħodu, stajt inqum bil-mod il-mod u nerħilha fis-sliem lejn il-Kappella taċ-Ċentru Onkoloġiku. Hekk kif dħalt ħassejt dak is-sliem imqaddes iħaddanni miegħu. Kien sliem mhux ta’ din id-dinja ħbieb. Il-Kappella taċ-Ċentru Onkoloġiku Sir Anthony Mamo, għalkemm ċkejkna, tiġbrok bil-bosta. L-għaliex tgħinek tinżel għal dak li hu mudullun fil-ħajja. Tniżżlek għaċ-ċellola taċ-ċelloli. Jiġifieri, għal dak li hu tassew importanti u essenzjali f’ħajjitna. Anki jekk ma jidhirx. Għalkemm l-effetti tiegħu aqta’ kif jisparaw f’wiċċek u f’wiċċi! Ruħna kollox! Għax dik hi li int. Tagħmlek int. U li biha ma tistax ma tkunx dak li int. U biha żgur li ma toħlomx xi ħaġa oħra għajr dak li hu int!

Ftaħt u bdejt inħejji. Fis-skiet. U t-tifkiriet ġrew f’leħħa ta’ berqa ma’ kullimkien! Ma’ dak kollu li hu jien. U kif nista’ jien, għiduli, għal waqt wieħed biss, nagħti ħtija lil ħabib u Imgħallem tiegħi, il-kbir Wistin, meta jgħid li l-moħħ jinxtered u dejjem qiegħed fi tfittxija ma taqta’ xejn għal dak li jgħaqqdu mal-Wieħed? Ah! Il-Wieħed! Xi ġmiel! X’kuraġġ! Imma, il-Wieħed, mhuwiex waħdu! Għax il-Wieħed hu Tlieta: Missier, Iben u Spirtu s-Santu! Inkella jiġi Alla waħdu! Maqtugħ għal kollox mir-rejaltà! U, jekk hemm xi ħaġa li żgur ma rridux aħna fil-ħajja li sseħħ, hi li jkollna Alla waħdu! Li ma jimpurtahx minn dak li ngħaddu minnu! Għax moħħu fih innifsu!

Imma mhux hekk l’Alla li jemmnu bih l-Insara! Sar bniedem bħalna. Bata’ minn kull xorta ta’ tbatija. Ħalli, meta int u jien nitolbuh biex jgħinna fid-diffikultajiet tagħna, Hu jidħol għalina. U mhux le joqgħod jittratieni u jħallina waħidna. Għax qisu jitħawwad fiH innifsu għax ma jafx eżattament xi tfisser tbati, tiġi miċħud u miċħuda, ittradut u ittraduta, misħut u misħuta u meqjus u meqjusa bħala kriminal! Hu, li m’għamel xejn, għajr ġid, hekk spiċċa: imdendel ma’ Salib! Imma, Alla l-Missier, qajmu minn bejn l-Imwiet! Bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu!

Hi din it-tbatija li fdientna u li lili imlietni b’kuraġġ ta’ sur biex nissokta tħejjijieti għal dik il-quddiesa. Issa l-kalċi, imbagħad l-impulluzzi, u wara l-kotba tal-quddiesa, il-mixgħela tax-xemgħat u s-sanitizer fuq l-altar. Il-ħwejjeġ sagri. U l-bqija. Ħaġa ħaġa. Waħda waħda. U, meta kollox kien lest, intasabt bilqiegħda fuq is-siġġu u strieħajt fiH. F’dak li Hu l-kollox f’kollox.

Sakemm wasal il-waqt għall-quddiesa. Erġajt dħalt fis-sagristija. Ilbist. U ħriġt. Bdejna bl-Innu mill-isbaħ Dieħla ġo qalbi. L-ewwel linja fissret dak li kelli f’qalbi f’dak il-waqt: Dieħla ġo qalbi, Hena ttini u ħlewwa. F’qalbi kelli dieħla l-paċi li Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li hu fuq kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd (Efes 4:6). Dak Alla li jiġbor f’Saltnatu nies mil-Lvant u mill-Punent, mit-Tramuntana u min-Nofsinhar, u joqogħdu għall-mejda fis-Saltna ta’ Alla (Lq 13:29).

Hu dan Alla li kien hemm jistennieni fil-ġemgħa liturġika, imħallta, bejn Maltin u mhux Maltin. Dak Alla li ħalaq lir-raġel u l-mara. Il-ġemgħa ta’ ħames nisa lili fakkrittni f’ħaġa tabilħaqq importanti: Il-Mulej imexxi kollox bl-għerf ġentili tiegħU. Għerf mimli sabar li jaf meta għandu jħabbtilna bieb qalbna! U li joħodna għand kull bniedem u bniedma, hi x’inhi l-kultura, ir-reliġjon u l-mod ta’ għejxien tiegħu u tagħha!

Taf x’naf ingħid ħbieb? Li l-istess Kristu fis-Sagrament tal-altar hu l-istess Kristu fil-marid, fil-batut, fl-emigrant, u, iva, f’dak li jien inqis b’għadu tiegħi! Għalhekk lil dan Kristu ma nurihx le wiċċ tal-plastik jew ħalq mgħotti b’ċaruta imma wiċċ tad-demm u l-laħam u fomm li minnu toħroġ l-imħabba minsuġa fi kliem u espressjonijiet li jibnu u mhux li jħottu bil-mibegħa u l-odju ta’ ġo fihom!

X’messaġġ tad-demm u l-laħam hux għall-ewwel quddiesa! Għall-ewwel tqarbina! Għall-ewwel laqgħa ma’ Kristu moħbi fl-ispeċi tal-ħobż u l-inbid imma mikxuf kixfa tajba fina l-bnedmin, Ħutu! X’hena! Xi ħlewwa!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading