Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Eliżabetta tal-Portugall


Fl-4 ta’ Lulju l-Knisja tfakkar lil Santa Eliżabetta tal-Portugall, Reġina li għexet bejn is-snin 1271 sa 1336.

Santa Eliżabetta twieldet f’Aragona, il-Portugall, f’familja rjali. Missierha kien ir-Re Pietru III ta’ Aragona.

Meta kellha tnax il-sena, iżżewġet lir-Re Denis tal-Portugall. Kellhom żewġt itfal.

Minkejja l-infedeltà ta’ żewġha, hija baqgħet devota lejh, tant li saħansitra kienet tieħu ħsieb it-tfal illeġittimi tiegħu u ma ttraskuratx il-ħajja spiritwali tagħha.

Hija tat ruħha għas-servizz tal-fqar, u fetħet sptar f’Coimbra, orfanatrofju u dar għan-nisa f’Torres Novas.

Barra mill-ħajja ħażina ta’ żewġha, kellha tħabbat wiċċha ma’ ħafna ġlied serju fil-familja, li hi b’ħafna għaqal u paċenzja kienet tagħraf issolvi, u tnissel il-paċi. Bħal meta darba żewġha ġġieled ma’ ħuh fuq xi propjetà. Darb’oħra binha Alfonso qajjem armata biex jeħodha kontra missieru li kien jagħmel preferenzi mal-ulied illeġittimi tiegħu, u hi ta’ 52 sena daħlet bejn l-armati li kienu lesti għall-ġlied u baqgħet sa ma ġabet il-paċi. Darb’oħra, binha Alfonso ried joqtol lir-raġel ta’ bintu Marija għax kien jaħqarha u Santa Eliżabetta ta’ 65 sena ħalliet il-kunvent biex iġġib il-paċi bejniethom.

Wara l-mewt ta’ żewġha, daħlet Terzjarja Franġiskana u marret tgħix f’kunvent tal-Klarissi.

Mietet fl-4 ta’ Lulju 1336, wara li rċeviet is-sagramenti waqt li kienet qed titlob mas-sorijiet.

Xi mitejn sena wara, meta kien hemm bżonn li jinfetaħ il-qabar fejn kienet midfuna sabu ġisimha talikwali, bla ma tħassar. Il-Papa Urbanu VIII iddikjaraha Qaddisa fl-1625.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com