L-omeliji fil-funerali


Waħda mill-isfidi li kull saċerdot jkollu, jrid jew ma jridx, u li jkollu jħabbat wiċċu magħha hi, mingħajr dubju, l-omelija tal-funeral. Il-mistoqsija tqum spontanja: X’ħa naqbad ngħid f’funeral?

Il-kelma diġà mhix sabiħa! Funeral! U, ismu miegħu, il-konnotazzjoniet marbuta ma’ funeral huma bil-qabda negattivi. Dan l-għaliex il-funeral hu okkażjoni fejn nitnikktu bil-bosta għall-mewta ta’ xi ħadd għażiż. Irrispettivament min hi l-persuna diġà il-mewta tagħha toħloq uġiegħ kbir. Kull min imut ajma qalbi! Għax persuna! Tad-demm u l-laħam! Bħali u bħalek! U l-għaliex ma’ dik il-persuna hemm minsuġa familja li qed tissapportjaha.

Nafu li xi funerali jafu jkunu aktar ta’ għadma iebsa minħabba ċ-ċirkustanzi li jdawwruhom. L-aktar meta jkun hemm it-tfal inkella trabi involuti. Mhux faċli li tagħmel omelija meta xi tifel jew tifla jkunu mietu. Daqskemm lanqas mhi tazza ilma li tinseġ omelija meta xi ħadd jisfa’ maqtul u maqtula. L-għajta tal-ġustizzja tkun, tista’ tgħid, mhux biss qed tiċċirkola iżda taħkem dak il-funeral. Imbagħad hemm dawk il-funerali fejn xi ħadd, wara marda terminali, jispiċċa jħalli dan il-wied tad-dmugħ b’tant tbatija. Kemm tkun diffiċli jekk dik il-persuna tkun żgħażugħ u żgħażugħa inkella raġel jew mara li ma jkollhomx wisq età!

Hemm imbagħad il-funerali fejn persuni jispiċaw imutu għall-għarrieda minħabba xi inċident mill-aktar ikrah tat-traffiku. Anki hawn problema kbira x’ħa tgħid! Aktar u aktar jekk dawn il-persuni jkunu ħallew warajhom tfal żgħar jew li għadhom żgħażagħ. Ma rridx lanqas ninsa’ il-funerali ta’ persuni li, b’qasma ta’ qalb, ikunu ħallewna l-għaliex ikunu temmew ħajjithom b’idejhom minħabba suwiċidju. Anki hawn, x’ħa taqbad tgħid? Fl-aħħar nett, lanqas ma rrid nagħlaq għajnejja għal dawk il-funerali fejn hemm imdaħħla x-xjuħ. Mhux faċli li tinseġ omelija fejn ikun hemm ommijiet jew missirijiet xjuħ. Aktar u aktar jekk ikunu tassew marbuta ma’ wliedhom u wliedhom magħhom.

Meta dehrli li semmejt lil kulħadd propju issa l-Mulej qed ifakkarni f’kategoriji oħra ta’ persuni li qed ibatu sewwa fis-soċjetà tagħna: dawk li huma waħedhom. Ġieli assistejt għall-funerali ta’ persuni li propju ma kellhom lil ħadd. U mietu hekk, waħedhom. Agħar mill-annimali. Anki hawn, xi kliem se taqbad tgħid?

Fl-esperjenza tiegħi, qabel ninseġ omelija minn qalbi nitlob lill-Ispirtu s-Santu biex jagħtini kliemU f’dawn iċ-ċirkustanzi daqshekk delikati fil-ħajja. Sentimenti għandu kulħadd. Għalhekk, qabel ninseġ omelija nitlob ħafna lill-Mulej biex isemmagħli kelmtU li tiltaqa’ mas-sitwazzjonijiet iebsa li jkunu għaddejjin minnhom in-nies. Liema sitwazzjonijiet ikollhom il-marka tat-tbatija kbira. Kemm hu għaqli mela li s-saċerdot, dejjem meta jkun possibbli, ikun jista’ jiltaqa’ mal-familja li tkun tilfet lil xi ħadd għażiż qabel il-funeral.

Bil-ktieb tal-ħajja l-Mulej il-ħin kollu jgħallimni li kull persuna hi misteru. U, tant kemm hi misteru li lanqas hi stess ma tkun taf tassew min hi. Għalhekk hu tabilħaqq importanti li l-omelija tkun mezz ta’ kif il-misteru ta’ Kristu jiltaqa’ mal-misteru tagħna l-bnedmin. Hu, li għalija li nemmen Hu l-blata tiegħi, fortizza u ħellies tiegħi, Alla tiegħi, sur tal-kenn tiegħi u tarka tiegħi, qawwa tas-salvazzjoni tiegħi u kenn tiegħi! (S 183:1) jinżel fis-sitwazzjoni ċkejkna, imwegħra u muġugħa tiegħi biex permezz taż-żejt tal-faraġ u t-tama li bih jidlikni u lill-kalċi ta’ qalbi li jfawwarli, hekk miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena l-jiem kollha ta’ ħajti (S 23:6).

Kemm tolqotni r-riflessjoni li jagħmel Papa Franġisku dwar l-omelija fl-eżortazzjoni appostolika tiegħu li titħaddet dwar it-tħabbir tal-Vanġelu lid-dinja tallum, Evangelii Gaudium (Il-Ferħ tal-Vanġelu), meta jgħid: “L-omelija hi l-kejl li bih ir-Ragħaj jista’ jqis kemm hu qrib u kemm għandu ħila jidħol f’laqgħa mal-poplu tiegħu. Fil-fatt, nafu li l-fidili jagħtuha importanza kbira; u huma, bħall-istess ministri ordnati, spiss ibatu, tal-ewwel biex jisimgħu u l-oħrajn biex jipprietkaw. Din hi ħaġa ta’ swied il-qalb. L-omelija tista’ tkun tabilħaqq esperjenza qawwija u hienja tal-Ispirtu, laqgħa kollha faraġ mal-Kelma, għajn kostanti ta’ tiġdid u maturità” (no.135).

Kif għandha tkun mela omelija f’funeral? Nista’ jien, bħala ragħaj ta’ dik il-komunità, nagħmel eloġju tal-persuna li tkun mietet mingħajr l-ebda riferiment għal Kristu? Nista’ insejħilha din omelija Nisranija? Minn naħa l-oħra, nista’ nagħmel omelija f’funeral ta’ persuna u, fl-ebda waqt, ma nsemmi mqar isimha jew nirreferi ħarira għaliha? Tagħmel sens omelija bħal din? Jew inkella, nista’ ngħid li omelija f’funeral hi f’lokha meta tinjora għal kollox lin-nies li ġew għal dak il-funeral?

Fil-bibjoteka tal-ħajja, jiġifieri fil-laqgħa tiegħi ma’ għadd ta’ persuni, il-Mulej bihom aqta’ kemm jgħallimni xorti! Waħda minnhom hi li kien hemm persuni li daru lejn il-Mulej sewwasew l-għaliex semgħu omelija qawwija u li għamlitilhom ħafna u ħafna ġid. Anki f’funeral, u ngħid illum, aktar u aktar permezz ta’ funeral, jista’ il-Mulej jolqotna bil-grazzja tiegħU! U jolqotna biex jiżra’, isaqqi u jkabbar fina KelmtU setgħana li tagħti frott bir-rimi!

Għalhekk hu tabilħaqq siewi li f’omelija ta’ funeral nistaqsu ftit dawn il-mistoqsijiet daqshekk bażiċi mal-poplu tal-Mulej: Nemmen fil-Mulej Ġesù? Inħobbu lil Ġesù? Irrid inħallieh ikun l-uniku Sid ta’ ħajti? Nemmen fil-ħajja ta’ dejjem? U jekk inħobb lil Ġesù u rrid ngħix miegħU għal dejjem fl-eternità nista’ ma nitlobx? Ma naqrax il-Kelma ta’ Alla kuljum? Nista’ ngħaddi mingħajr il-quddiesa tal-Ħadd u fil-Festi u l-btajjel l-oħra? Nista’ ma nqerrx? Għaliex ingerger li jien imdejjaq u imdejqa meta jien paljazza ta’ dak li nħoss u mhux iben u bint ubbidjenti għall-Kelma ta’ Missieri tas-Sema kif ippreżentata lili fil-Bibbja u fit-tagħlim tal-Knisja? Qed naħfer? Qed nitlob lill-Ispirtu s-Santu ħa jagħtini dawlU biex nagħmel deċiżjonijiet skont l-għerf tiegħU u mhux skont kif jaqbilli? Qed niddefendi l-ħajja mill-bidu sat-tmiem naturali tagħha? Min hu l-alla ta’ ħajti: Ġesù jew il-ħbieb, jiena nnifsi jew il-flus, il-ġid u x-xalar li fih qed niffanga?

Ħbiebi u ħuti, tajjeb li waqt funeral nsemmu l-persuna u nisiltu tagħlimiet mill-ħajja tagħha imma ejjew ma nieqfux hemm. Wara kollox, dik il-persuna issa marret quddiem il-Mulej għall-ġudizzju tagħha. Hu x’inhu. Imma, jien u int, li għadna hawn, ejjew infarrġu lil xulxin bi kliem ta’ fidi. U li dan il-kliem jinkludi wkoll li niftħu għajnejn xulxin. Wara kollox, il-mewt, il-ġudizzju, il-purgatorju, l-infern u l-ġenna hemm qiegħdin! Insemmuhom jew le!

Mhux aħjar mela jekk ninkluduhom fl-omelija ħalli hekk l-omelija tkun waħda ibbilanċjata u aktar rejali u pastorali?

Patri Mario Attard OFM Cap