Fid-9 ta’ Lulju l-Knisja tfakkar lil San Ġwann minn Kolonja u sħabu, Martri ta’ Gorcum li ħadu l-martirju fis-sena 1572.
Ftit il-bogħod minn Gorcum, kien hemm post jissejjaħ Hooraer.
Il-kappillan ta’ din il-paroċċa kien Ġwann Heer (Ġwann ta’ Kolonja) li kien twieled fil-Ġermanja fil-bidu tas-seklu sittax u daħal fl-Ordni Dumnikana fil-kunvent ta’ Kolonja.
Fil-ħeġġa għall-fidi kattolika u l-ħerqa tiegħu għas-salvazzjoni tal-erwieħ, huwa mar jaħdem l-Olanda bħala kappillan ta’ Hoornaer. Kien ilu jaħdem hemmhekk għal madwar għoxrin sena.
Meta waslet l-aħbar li saċerdoti u reliġjużi f’Gorcum ġew arrestati, imqanqal minn imħabba ta’ qalb kbira mar jagħti l-għajnuna tiegħu. F’Gorcum hu kien jamministra s-sagramenti, speċjalment l-Ewkaristija.
Iżda l-movimenti ta’ Ġwanni bdew jiġu nnotati u darba minnhom waqt li kien sejjer jgħammed tarbija, ġie arrestat. Ġie akkużat li fil-viżti tiegħu kien qed jispjuna għar-Re ta’ Spanja.
Fid-9 ta’ Lulju 1572, dsatax, bejn reliġjużi u saċerdoti, ġew mogħtija t-tgħalliq f’Brielle (Olanda). Ġew maqtulin mill-Kalvanisti għax kienu jiddefendu l-awtorità tal-Knisja ta’ Ruma u l-preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija.
Ħdax minnhom kienu Franġiskani tal-kunvent ta’ Gorcum, fosthom il-Patri Gwardjan Nikola Pick u l-vigarju Ġirolmu Werden; wieħed Dumnikan (Ġwann ta’ Kolonja), tnejn Norbertjani, wieħed kanonku regulari ta’ Santu Wistin u erba’ qassisin.
Dawn kienu magħduda mal-qaddisin tal-Knisja mill-Papa Piju IX. Il-fdal tagħhom jinsab f’Santwarju għad unur tagħhom ġewwa Brielle, l-Olanda.