Quddiesa u Rużarju mill-Kurja tal-Arċisqof – 9 ta’ Lulju


Il-Ħamis, 9 ta’ Lulju 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Kurja tal-Arċisqof. Quddiesa offruta għalina biex inkunu nistgħu nilqgħu lill-barranin, billi nkunu nilqgħu lil Ġesù.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù jagħti missjoni straordinarja lill-appostli tiegħu u permezz tagħhom jagħtiha lid-dixxipli kollha tiegħu. Hu jibgħathom ixandru s-saltna tas-smewwiet, ifejqu, iqajmu mill-mewt, ikeċċu x-xjaten, ifejqu l-lebbrużi. Jagħtihom qawwa straordinarja ta’ fejqan.

Imma wkoll javżahom li m’għandhomx jibbażaw il-fiduċja tagħhom fuq il-flus jew il-poter tad-dinja imma jgħallimhom ukoll li “l-ħaddiem ħaqqu ħobżu”. Huma se jingħataw għas-saltna u l-Mulej se jipprovdilhom permezz tal-komunitajiet li jilqgħuhom. Javżahom ukoll li se jkun hemm min jilqagħhom u se jkun hemm ukoll min ma jilqagħhomx, min ma jilqax il-messaġġ għax ma jridx ikun parti mis-saltna.

Il-martri, din il-ħaġa ħassewha, mhux biss fil-qalb tagħhom imma saħansitra f’ġisimhom stess. Min ma riedx jilqa’ l-messaġġ tagħhom, ried jeliminahom, ried jeqridhom; mhux biss jeqred il-messaġġ ta’ Ġesù imma wkoll joqtol lix-xhieda tiegħu.

Fis-sena 2000, San Ġwann Pawlu II ikkanonizza dawn il-120 martri taċ-Ċina u dakinhar tal-1 ta’ Ottubru tas-sena 2000, San Ġwann Pawlu II ta anke xhieda ta’ wħud mill-esperjenzi ta’ dawn il-martri. Uħud minnhom kienu isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa, imma wkoll kien hemm lajċi, familji u anke żgħażagħ.

Waħda minnhom kienet Anna Wang ta’ 14-il sena. Ikkundannawha għall-mewt għax ma riditx tiċħad lil Ġesù u qabel ma qatgħulha rasha baqgħet tlissen l-isem qaddis ta’ Ġesù. Kien hemm żgħażugħ ieħor ta’ 18-il sena, Chi Zhuzi, li mhux biss qattgħuh biċċa biċċa, imma l-ewwel riedu jaqtgħulu seba’, u mbagħad id u anke riedu jqaxxruh ħaj bħalma għamlu lil San Bartilmew. Imma hu ma riedx jiċħad lil Ġesù. Fost uġigħ kbir, skont il-Papa, Chi Zhuzi għajjat hekk: “Kull biċċa tal-laħam tiegħi, kull qatra ta’ demmi jgħidu li jiena Nisrani”.

Jekk virus jista’ jagħmel effett tant qawwi, hekk ukoll l-imħabba.

Dawn huma stejjer ta’ vera, u mhux leġġendi, u saru fi żminijiet mhux ħafna mbiegħda. M’aħniex qed nitkellmu fuq il-martri tal-ewwel sekli imma qed nitkellmu fuq il-martri tas-seklu 18, tas-seklu 19 u tas-seklu 20. Fil-fatt, il-martri ikkanonizzati fis-sena 2000 u li qed niċċelebraw illum, imorru lura mis-sena 1645 sal-1930. L-istejjer tagħhom huma stejjer tal-biki imma juru li hemm min lest joqtol l-Insara biex ma jirċevix lil Ġesù. U dawn ma kinux nies ħafna iżjed b’saħħithom minna, imma kienu bħalna u ngħataw il-grazzja kbira li jixhdu għal Ġesù sal-aħħar qatra ta’ demmhom.

Nitolbu l-interċessjoni ta’ dawn il-qaddisin martri, għaċ-Ċina u għall-pandemija li ġiet miċ-Ċina u li issa laqtet id-dinja. Jekk virus jista’ jagħmel effett tant qawwi, hekk ukoll l-imħabba. Ftakru li San Wistin ZhaoRong li qegħdin niċċelebraw ukoll llum bħala l-kap ta’ dawn il-120 martri, tqanqal ilsien Nisrani bix-xiehda ta’ nies debboli li ġew maqtula għal Ġesù. Hemm ukoll l-effett tal-imħabba, li huwa ħafna iżjed qawwi mill-virus. Jalla nifhmu li att wieħed ta’ mħabba jista’ jkollu effett fuq l-umanità kollha.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ħos 11:1-4.8ċ-9
Salm: 79 (80), 2aċ u 3b.15-16
Evanġelju: Mt 10:7-15