F’Marija hemm l-għożża u l-ħarsien sħiħ tal-ħajja


Il-Ħadd, 12 ta’ Lulju 2020: Omelija fil-Quddiesa tal-Festa ta’ Marija Annunzjata mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi, fil-Knisja Parrokkjali tal-Lunzjata, Balzan

Omelija tal-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

F’Marija hemm l-għożża u l-ħarsien sħiħ tal-ħajja

Il-festa tal-parroċċa ta’ din is-sena qed issir f’ċirkustanzi partikulari. Aħna għexna dawn ix-xhur li għaddew, bl-esperjenza tal-pandemija li għadna taħt id-dell tagħha, u dan kien ifisser li ma niltaqgħux fil-knisja għal tliet xhur sħaħ, imma li nistgħu nsegwu l-quddiesa fuq it-TV jew online. Għalhekk li llum qegħdin miġburin flimkien hija okkażjoni ta’ ringrazzjament lil Alla, u dak li se nagħmlu llum fil-quddiesa u l-pellegrinaġġ hu proprju biex nirringrazzjaw lil Alla permezz ta’ Marija għal dak li għamel magħna matul dawn ix-xhur li għaddew, u nitolbuh ukoll l-għajnuna u l-barka tiegħu għaż-żmien li ġej, għax nafu li għad hemm ħafna inċertezza fuq ix-xhur li ġejjin.

Mill-ewwel mument

Nixtieq li aħna nħarsu lejn Marija u naraw x’tgħidilna f’dawn iċ-ċirkustanzi partikulari li qed ngħixu fihom. Żgur li waħda mill-iktar affarijiet importanti li tgħidilna Marija Annunzjata, proprju fil-ġrajja li aħna nfakkru u niċċelebraw fil-parroċċa tagħna, hija li aħna ngħożżu u nħarsu l-ħajja tagħna u tal-oħrajn. Fil-festa ta’ Marija Annunzjata aħna niċċelebraw il-mument meta hi aċċettat li ssir Omm Alla, u hemm tnissel fiha Ġesù. Ma kinetx xi ħaġa fiha li mbagħad xi mument żviluppat f’Ġesù, imma f’dak il-mument tnissel fiha Ġesù, u hi setgħet tgħid: il-ħajja tiegħi u l-ħajja tiegħu, il-ħajja tagħna flimkien. Din l-għożża tal-ħajja f’Marija narawha mill-ewwel mument tat-tnissil ta’ Ġesù fiha. Għalhekk il-festa ta’ Marija Annunzjata hi dejjem il-festa li lilna tħeġġiġna biex aħna ngħożżu u nħarsu l-ħajja tagħna u tal-oħrajn mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha u f’kull waqt tagħha.

Jien nixtieq li nħarsu llum lejn it-tliet miżuri prinċipali li kienu u għadhom rakkomandati mill-awtoritajiet tas-saħħa biex aħna nħarsu l-ħajja tagħna u tal-oħrajn, u nagħmlu eżerċizzju qisu kif kien jagħmel San Ġorġ Preca – l-eżerċizzju memorjali meta jistaqsi “fiex tiftakar?”, u jmur għal xi ħaġa aktar profonda. Inħarsu lejn dawn it-tliet miżuri.

Distanza soċjali

L-ewwel nett id-distanza soċjali. Aħna mħeġġin biex inħarsu d-distanza soċjali. Aħna mdorrijin li meta niltaqgħu flimkien, nieħdu b’idejn xulxin, nifirħu b’xulxin, inkunu qrib xulxin. Imma biex inħarsu l-ħajja u nevitaw il-possibiltà tat-tixrid tal-virus, imħeġġin biex inżommu d-distanza soċjali – id-distanza bejni u l-oħrajn.

Fiex niftakar meta nisma’ “distanza soċjali”? Jien niftakar ħafna f’din il-ġrajja ta’ Marija Annunzjata. Din il-ġrajja turik il-mument meta Alla neħħa d-distanza soċjali u kull distanza oħra bejnu u bejnna, għaliex “Il-Verb ħa l-ġisem u għammar fostna”. Rajna fil-ktieb tal-Profeta Iżaija kif sar “Alla magħna”, Alla qrib tagħna, b’mod li hu jixtieq ikun l-iktar qrib tagħna. Allura, jekk aħna nżommu d-distanza minn Alla, tkun ġejja minna; imma Alla jixtieq li jkun qrib ħafna tagħna, mhux li jkun hemm distanza minna.

Meta ngħixu hekk, nindunaw kif Alla hu dak li jgħinna tassew fil-ħajja, u jgħinna wkoll biex inżommu d-distanza minn dak li hu ta’ tfixkil f’ħajjitna. Alla qrib tagħna hu Alla li jgħinna nagħrfu kif għandna nżommu d-distanza mill-ħażen – per eżempju, minn dak li hu diżonest, mill-korruzzjoni, mit-tkasbir tad-dinjità u tal-ħajja tal-bniedem. Ma nkunux qrib u kompliċi f’dawn l-affarijiet, nagħrfu nżommu d-distanza minn dawn. Għalhekk Alla jixtieq li jkun qrib tagħna, u aħna qrib tiegħu, u meta nkunu hekk nagħrfu nżommu d-distanza mhux biss kif qed nagħmlu llum minħabba l-virus imma minħabba virus ieħor – dak kollu li jista’ jmermer is-soċjetà. Inżommu d-distanza li għandna nżommu minn dan.

Sanitizer

It-tieni miżura rakkomandata ħafna hi l-użu tas-sanitizer. Illum tara diversi nies jogħrku idejhom. Fil-passat, meta tara lil xi ħadd jogħrok idejh, taħseb li qed jifraħ, rebaħ xi ħaġa. Imma llum tfisser ħaġ’oħra. Is-sanitizer nużawh biex niddisinfettaw idejna jew oġġetti oħra, ħalli jkuu ħielsa minn dak li hu ta’ periklu, ħalli jkunu nodfa.

Fiex ifakkarni s-sanitizer? Ifakkarni f’dak li hu simbolu ta’ ndafa fil-milja tagħha. L-anġlu Gabrijel, meta deher lil Marija, qalilha: “Sliem għalik, Marija, mimlija bil-grazzja”. Qed jgħid: Inti fik m’hemmx x’tiddisinfetta, għax int nadifa b’mod sħiħ, mimlija bil-grazzja. Marija hija l-mudell ta’ din l-indafa. Hi kienet imnissla mingħajr ħtija, Immakulata, u hekk għexet ħajjitha kollha.

Imma hemm ħaġa oħra wkoll, għaliex il-mument li f’Marija tnissel Ġesù, hemmhekk sar bniedem biex lilna jifdina, biex lilna jista’ jippurifikana mid-dnubiet u min-nuqqasijiet tagħna. Ġesù Feddej jurina li aħna għandna bżonn is-sanitizer mhux biss għal idejna, imma aħna għandna bżonn il-purifikazzjoni minn ġewwa fil-ħajja tagħna. Għandna bżonn lil Alla li kontinwament inaddafna minn dak li hu ta’ tfixkil fil-ħajja tagħna. Dan hu l-mument tat-Tħabbira tal-Mulej meta hu sar bniedem fostna u magħna biex lilna jista’ jifdina u jippurifikana fil-ħajja tagħna.

Maskra

It-tielet miżura li hija rakkomandata hi l-użu tal-visor jew tal-maskra. Aħna nużaw il-visor jew il-maskra biex ma nxerrdux mikrobi u ma nilqgħux fina mikrobi. Li tolqotni f’dawn hi kif int tgħatti ħalqek u mnieħrek, u fil-każ tal-visor għajnejk ukoll, u x’jibqa’ l-iktar miftuħ? Widnejk.

Din il-ġrajja ta’ Marija Annunzjata hija ġrajja li turina li Marija sa minn dan il-mument u ħajjitha kollha għexet tisma’ qabel titkellem, qabel tparla. Tisma’ lil Alla u lill-oħrajn, imma meta tgħid, tgħid dak li hu ta’ ġid. Imma l-ewwel tisma’. Hekk narawha hawnhekk f’din il-ġrajja meta tisma’ l-messaġġ ta’ Alla, u meta fl-aħħar tgħid: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, isir minni skont kelmtek”. Jiġifieri: isir minni skont dak li smajt.

Imma mhux hawnhekk biss. Hawn hu l-bidu ta’ ħajja li dejjem għexet hekk. Marija għexet dejjem tisma’. Narawha meta ppreżentat lil Ġesù fit-tempju, tisma’ lil Xmun jgħidilha dak li kien se jgħaddi minnu Ġesù u tgħaddi minnu hi. Narawha meta tilfet u sabet lil Ġesù fit-tempju, tisma’ lilu, u tgħożż f’qalbha dak li tisma’. Taħt is-salib narawha tisma’ wkoll. U meta titkellem, il-kliem li tgħid hu kliem ta’ ġid jew inkella kliem ta’ parir bħal fit-tieġ ta’ Kana fejn tgħid: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” – jiġifieri: isimgħu, intom ukoll, dak li qed jgħidilkom Ġesù.

Din żgur għalina hi ta’ tagħlima importanti għall-ħajja tagħna, ħalli aħna bħalha nitgħallmu nisimgħu l-ewwel lil Alla, u lill-oħrajn qabel nitkellmu. Nagħmlu bħalma jgħid is-Salm “Mulej, agħmilli lġiem fuq xofftejja” biex ma nparlax żejjed. Marija tgħallimna li l-kliem tagħna m’għandux ikun kliem ta’ insult, ta’ mibegħda, kliem li jweġġa’, li joħloq konflitt, imma għandu jkun kliem li jagħmel il-ġid bħalma wrietna hi. Allura l-eżempju tagħha hu li l-ħin kollu nisimgħu, l-ewwel nisimgħu qabel ngħidu, u dak li ngħidu jkun kliem ta’ ġid.

Alla l-ewwel

Nindunaw li f’dawn l-affarijiet kollha hemm x’nitgħallmu għall-ħajja tagħna biex ma niqfux biss fuq dak li hu meħtieġ f’dan iż-żmien partikulari li qed ngħixu, imma mmorru aktar fil-profond. Jekk hemm xi ħaġa importanti li wrietna Marija fil-ħajja tagħha hija li għandna nagħżlu lil Alla l-ewwel u qabel kollox. Dak li qal Ġesù – l-ikbar kmandament li hu li tħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu u bil-qawwa tiegħek kollha – f’Marija għandna l-ikbar u l-isbaħ eżempju tiegħu.

Għalhekk ejjew nitolbuha llum biex aħna u naħdmu tassew biex inħarsu s-saħħa u l-ħajja tagħna fiċ-ċirkustanzi preżenti, fuq l-eżempju li tagħtina hi, immorru iktar fil-fond u naħdmu biex insaħħu l-ħajja tagħna ma’ Alla u l-ħarsien ta’ din il-ħajja ma’ Alla; b’mod li bħalha, xejn ma jiġi qabel Alla, xejn ma jkun minfloku, xejn ma jeħodlu postu. Tassew lilu nkunu qegħdin nagħtu l-ikbar glorja bħalma tgħallimna Marija speċjalment f’din il-ġrajja tal-lum, għaliex huwa Alla li fl-aħħar mill-aħħar jgħinna biex inħarsu tassew is-saħħa u l-ħajja tagħna.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.