Lezzjoni II: San Lawrenz ta’ Brindisi

Print Friendly, PDF & Email

21 ta’ Lulju.  Lezzjoni II: San Lawrenz ta’ Brindisi, Sacerdot u Duttur tal-Knisja

Tifkira

Twieled fl-1559; daħal mal-patrijiet Kapuċċini u, barra minn ħafna dmirijiet oħra, għallem it-teoloġija lil ħutu r-reliġjużi. Ġera l-Ewropa kollha jippriedka bla heda: kelmtu kienet tqanqal. Kiteb ukoll bosta kotba biex ifisser dejjem aħjar il-fidi. Miet f’Lisbona fl-1619.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mid-diskorsi ta’ San Lawrenz ta’ Brindisi, saċerdot.

Il-predikazzjoni hija uffiċċju appostoliku

Aħna, u wkoll l-anġli tas-sema u l-ispirti qaddisa, ġejna maħluqa f’sura xbieha ta’ Alla, u għalhekk ilkoll neħtieġu l-ħobż tal-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu u ta’ l-imħabba ta’ Alla. Imma l-grazzja u l-imħabba ma huma xejn mingħajr il-fidi, għax mingħajr il-fidi ma jistax ikun li wieħed jogħġob lil Alla. Issa l-fidi ma tingħatax mingħajr ix-xandir tal-kelma ta’ Alla: Il-fidi tiġi mis-smigħ, u s-smigħ permezz tax-xandir tal-kelma ta’ Kristu. Għalhekk ix-xandir tal-kelma ta’ Alla hu meħtieġ għall-ħajja tar-ruħ bħalma ż-żrigħ hu meħtieġ għall-ħajja tal-ġisem.

Kristu qal: Wieħed bidwi ħareġ jiżra’! Dan il-bidwi li ħareġ jiżra’ huwa x-xandâr tas-sewwa. Naqraw li xi drabi s-sewwa kien jixxandar minn Alla, bħal meta fid-deżert semma’ leħnu quddiem il-poplu kollu u tahom il-liġi tas-sewwa; xi drabi kien ikun anġlu tal-Mulej, bħal meta niżel anġlu jwiddeb il-poplu għax kienu kisru l-liġi ta’ Alla, u għalhekk l-Iżraelin kollha, meta semgħu kliem l-anġlu, ħassew qalbhom minfuda, għollew leħenhom u bdew jibku biki ta’ mrar; u Mosè wkoll xandar il-liġi tal-Mulej lill-poplu kollu fir-raba’ ta’ Mowab, kif naqraw fid-Dewteronomju. Fl-aħħar ġie Kristu, Alla u bniedem, biex ixandar il-kelma tal-Mulej, u bagħat l-Appostli biex ixandruha huma wkoll, kif qabel kien bagħat il-profeti.

Mela l-predikazzjoni hija uffiċċju appostoliku, anġeliku, nisrani, divin, u b’hekk il-kelma ta’ Alla hi mimlija b’kull tjieba, għax qisha teżor ta’ kull ġid. Tassew, minnha tiġi l-fidi, it-tama, l-imħabba u kull virtù, kull don ta’ l-Ispirtu s-Santu, kull beatitudni evanġelika, kull opra tajba, kull mertu fil-ħajja u kull glorja fis-sema: Ilqgħu bil-ħlewwa ll-kelma mħawwla fikom, li tista’ ssalvalkom irwieħkom.

Għax il-kelma tal-Mulej hi dawl għad-dehen u nar għar-rieda, biex il-bniedem jista’ jagħraf u jħobb lil Alla; għall-bniedem tar-ruħ li, permezz tal-grazzja, jgħix bl-Ispirtu ta’ Alla, il-kelma tal-Mulej hi l-ħobż u l-ilma ħobż oħla mill-għasel u x-xehda, ilma itjeb mill-inbid u l-ħalib; hi teżor ta’ merti għar-ruħ qaddisa, u għalhekk ixebbhuha mad-deheb u l-ħaġar l-iżjed prezzjuż. Hija martell għall-qalb taż-żonqor li twebbes rasha fil-vizzji; hija sejf li jinfed lill-ġisem, lid-dinja u lix-xitan, biex jeqred kull dnub.

RESPONSORJU

  1. Itla’ fuq muntanja għolja, ħabbar tat-tajjeb għal Sijon; *Għid lill-ibliet ta’ Ġuda: Hawn hu Alla tagħkom.
  2. Imxi warajja, mur u xandar is-saltna ta’ Alla. *Għid lill-ibliet ta’ Ġuda: Hawn hu Alla tagħkom

Talba

O Alla, int tajt l-ispirtu ta’ l-għaqal u l-qawwa lis-saċerdot San Lawrenz ta’ Brindisi, biex jaħdem għall-glorja ta’ ismek u għas-salvazzjoni ta’ l-erwieħ; bit-talb tiegħu, agħti lilna lkolldan l-ispirtu, biex nagħrfu tajjeb x’għandna nagħmlu, u nagħmluh sewwa kif għandu jsir. B’Ibnek.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: