L-Omm li tħobb, tħaddan, tinterċedi u tieħu ħsiebna


Il-Ħamis, 16 ta’ Lulju 2020: Quddiesa u pellegrinaġġ mal-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu, fil-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, il-Belt Valletta.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fit-tgħanniqa ta’ mħabba taż-żewġ persuni Anna u Ġwakkin, il-Mulej joħloq lill-Verġni Marija. L-isem tagħha jfisser qatra f’oċean (għalhekk Marjan). Imma hija qatra li l-ħlewwa tagħha taf tbiddel l-imluħa tal-ibħra kollha f’ilma safi u tajjeb għax-xorb.

Meta l-Mulej ried li fil-ġuf purissmu tagħha tnissel lil ibnu, ried jafdaha f’idejn San Ġużepp. Fil-ħolm qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu” (Mt 1:20).

Fit-tmiem ta’ ħajtu, waqt li qiegħed f’turment kbir, Ġesù jaħseb ukoll f’ommu li qiegħda ħdejn is-salib tiegħu u jafdaha f’idejn id-dixxiplu l-maħbub Ġwanni. Lil Ġwanni jistiednu wkoll biex jilqa’ għandu lil Marija: “Hawn hi ommok” (Ġw 19:27). Ma qallux hawn hi ommi, imma jafda lil Marija bħala omm Ġwanni. Ġwanni kellu omm; kienet omm ulied Żebedew, hekk hi magħrufa fl-Evanġelu. Kienet mara li għal uliedha kienet lesta tinżel b’umiltà kbira quddiem il-Mulej u titolbu li fis-saltna tiegħu jieħu ħsieb lil uliedha, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug. Imma issa, Marija ta’ Nazaret, fil-maternita tagħha spiritwali, issir ukoll omm Ġwanni.

L-istedina li Alla l-Missier għamel lil Ġużeppi u l-istedina li Ġesù għamel lil Ġwanni, il-Mulej qed jagħmilha llum ukoll lil kull wieħed u waħda minnha: tibżgħux tilqgħu għandkom lil Marija. Għal Ġużeppi kienet il-mara tiegħu, aħna, bħal Ġwanni, nilqgħuha bħala ommna, mhux għax m’għandniex l-omm ta’ din id-dinja imma l-Mulej jixtieq ħafna li ommu tkun ommna wkoll.

Min hi l-omm għalik, anke jekk qiegħda fil-ġenna? Hija dik li tħobbok b’imħabba speċjalissima. Hi min hi, hija ommok! U int min int, binti binha jew bintha. L-omm mhux biss tilqgħana imma tħobbna, tagħdirna, tifhimna, tidħol għalina u tieħu ħsiebna.

Ejjew nippruvaw nifhmu x’ried jagħmel il-Mulej meta lil ommu tahielna bħala ommna. Ried jgħidilna li tant iħobbna li — l-imħabba Ii ħa minn dik il-qalb li bħalha ma hemmx, għax hi qalb l-iżjed safja — jixtieqna li nduqu minn dik l-imħabba. Qed jgħidilna: tibzgħux tilqgħu lil Marija fil-ħajja tagħkom; ilqgħuha bħala ommkom.

Meta nilqgħu lil Marija ma nkunux qed nonqsu mir-rispett lejn dik il-mara li ġabitna fit-dinja, lejn omna fl-ordni tan-natura. Għaliex aħna nilqgħu li Marija bħala l-omm spiritwali tagħna. Marija hija dik li aħna, u bir-raġun, fis-Salve Reġina nsejħulha “Omm tal-ħniena, ħajja, ħlewwa u tama tagħna”.

Il-Ġnien tal-Mulej

M’ilux, il-Papa Franġisku approva tliet invokazzjonijiet għeżież fil-litanija tal-Madonna: “Omm tal-Ħniena” u “Omm it-Tama” u kif ukoll “Faraġ tal-Migranti”. Il-Madonna kienet taf xi tfisser titlaq minn pajjiżek minħabba l-periklu li jkollok iġġarrab. Fil-fatt lil Ġużeppi, il-Mulej qallu biex jaqbad lill-omm u lil binha u jmur l-Eġittu għax hemm min irid joqtolhom.

Skont it-tradizzjoni, l-Għolja tal-Karmelu, hija l-ġnien tal-Mulej, għaliex il-kelma ‘karmel’ tfisser “il-ġnien tal-Mulej”. Kemm hu sabiħ dan it-tiflu li bih qed inqimu lil Omm Alla u wkoll ommna. It-tradizzjoni tgħidilna wkoll li l-Familja Mqaddsa waqfet tistrieħ f’dan il-ġnien tal-Mulej fuq l-għoljiet u l-muntanji tal-Karmelu hi u tirritorna lejn Nazaret mill-Eġittu.

X’irridu nifhmu meta nsejħulha b’dan it-titlu sabiħ? Sidtna Marija tal-ġnien tal-Mulej, Sidtna Marija tal-Karmelu, filġgnien issib minn kull tip ta’ xitel ta’ ħxejjex, ta’ ward ta’ fjuri u ta’ siġar. Aħna, ilkoll kemm aħna, ilkoll fjura fil-ġnien tal-Mulej. Taħt it-titlu tal-Karmelu, taħt it-tilu tal-ġnien tal-Mulej, nitolbuha biex nibqgħu dejjem fjuri friski fil-ġnien tal-Mulej.

Qatt irċevejtu bukkett sabiħ? Ikun sabiħ meta tirċevih imma mbagħad jibda jitbiegħel. Aħna nitolbuh biex nibqgħu fjuri friski. Imma kif? Billi l-Mulej isaqqina bil-grazzja tiegħu. Il-grazzja tiegħu hi l-ħniena; iħares lejna u jħenn għalina, għax hekk jaqblilna. San Ġorġ Preca għandu din l-esperjessjoni sabiħa: “Li ma kontx int għalina, Sinjur”. Allaħares ma kienx hu jew ommu għalina, għax kieku min jaf fiex qegħdin.

Din is-sena, u f’dan iż-żmien ta’ pandemija, nitolbu lil ommna spiritwali biex iżżommna qawwijin u sħaħ. Illum fil-pellegrinagg, kif xtaqu wkoll il-patrijiet, nitolbuha tbierek lil pajjiżna bid-don tas-saħħa u tal-għożża. Din is-sena nitolbu b’mod speċjali mhux biss għall-morda tagħna imma wkoll għal min jieħu ħsiebhom u għal kull wieħed u waħda minna biex ikollna l-ħarsien tal-Verġni Mbierka.

Nitolbuk, o ġmiel tal-Karmelu, li permezz tal-grazzja ta’ ibnek Ġesù, fil-ġnien tal-Mulej issibna dejjem il-fjuri friski li jagħtuk għaxqa u mħabba.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Slat 18, 42b-45a
Salm: 14, 1-4
Evanġelju: Ġw 19:25-27

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.