Lezzjoni II: San Pietru Krisologu

30 ta’ Lulju. Lezzjoni II: San Pietru Krisologu, Isqof u Duttur tal-Knisja.

Tifkira

Twieled f’Imola, l-Emilja, għal xi s-sena 380; daħal fil-kleru lokali, u fis-sena 424 sar isqof ta’ Ravenna. Kien mimli ħeġġa għall-merħla tiegħu, u għallimha bil-priedki u l-kitba. Miet għall-ħabta tas-sena 450.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mid-diskorsi ta’ l-isqof San Pietru Krisologu.

Il-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni

Meta xebba tnissel fil-ġuf, meta xebba tagħti iben lid-dinja, u tibqa’ xebba, dan ma jkunx xi ħaġa tas-soltu, imma jkun sinjal, ma jkunx xi ħaġa skond l-ordni tan-natura, imma jkun dehra tal-qawwa ta’ Alla; ħaġa bħal din jagħmilha Alla u mhux in-natura; din m’hijiex ħaġa li ssir dejjem, imma saret darba biss; din hi ħaġa ta’ Alla u mhux tal-bnedmin.

Kristu twieled bil-qawwa ta’ Alla, u mhux għax hekk kien jitlob l-ordni tan-natura; it-twelid tiegħu hu l-misteru tar-reliġjon tagħna; hu t-tiġdid tas-salvazzjoni tagħna. Meta kien għadu ma twelidx bħala bniedem mit-tajn mhux mittiefes huwa sawwar il-bniedem; meta twieled bħala bniedem sawwar il-ġisem tiegħu ta’ bniedem minn ġisem mhux mittiefes. Dak li għoġbu jieħu ftit tajn f’idu biex jagħmel il-bniedem, għoġbu wkoll jieħu ġisem għas-salvazzjoni tagħna. Mela m’huwiex nuppas ta’ ġieħ għal Alla, il-ħallieq ta’ kollox, imma ġieħ li ma bħalu għall-bniedem maħluq, li l-Ħallieq jinstab f’ġisem li ħalaq, u Alla f’ġisem ta’ bniedem.

Ja bniedem, għaliex tistħajjel lilek innifsek hekk bla siwi, meta inti ta’ siwi hekk kbir għal Alla? Jekk Alla tak daqshekk ġieħ, għaliex tnaqqas daqshekk ġieħek? Għaliex tfittex minn xiex int magħmul, u ma titkixxifx għalfejn ġejt maħluq? M’hux għalik saret din id-dinja fejn tgħammar? Għalik sar id-dawl, biex iħarrablek id-dlamijiet minn kull imkien; għalik ġie ffissat it-tul tal-lejl u d-dewmien tal-jum; għalik is-sema jiddi bid-dawl tax-xemx u l-qamar u tal-kwiekeb kotrana; għalik imżejjna l-art bil-ward u bis-siġar u bil-frott; għalik inħalqet il-kotra ta’ l-għaġeb ta’ l-annimali ta’ l-ajru, tar-raba’ u tal-baħar; u dan kollu sar biex l-hena li int issib fil-ħolqien ġdid ma jiġix fix-xejn minħabba d-diqa li kont iġġarrab kieku sibt ruħek waħdek fid-dinja.

U Alla li ħalqek għadu jaħseb x’jista’ jżidlek għall-ġieħ tiegħek. Għamlek xbieha tiegħu biex hu, li ma jidhirx, iqiegħed fid-dinja xbieha tiegħu li tidher. Tak ħjiel ta’ għemil idejh f’kull ma hawn fid-dinja, biex da nil-ġid kollu ma jqarraqx bik, inti li bik Alla jidher fid-dinja. Dak li Alla għamel fik għalih, fil-ħniena tiegħu, ħadu wkoll għalih kollu kemm hu, biex hu, li qabel ried jidher fid-dinja biss b’dehra tax-xbieha tiegħu fil-bniedem, issa jidher hu stess bħala bniedem tassew.

Twieled Kristu biex iġedded in-natura mħassra tagħna, beda jgħix ta’ tifel, trabba, għadda ż-żmien minn fuqu, biex iġedded iż-żmien wieħed li ħalaq, ħa jkun perfett u jibqa’ għal dejjem. Ħa n-natura tagħna l-bnedmin biex il-bniedem ma jiġġarrafx aktar; hu li ħalaq il-bniedem ta’ l-art, ried jagħmlu ukoll bniedem tas-sema; tah il-ħajja bl-ispirtu tal-ħajja ta l-art, u qawwieh bl-ispirtu tal-ħajja tas-sema; b’hekk refgħu u għaqqdu man-natura tiegħu ta’ Alla biex fih ma jibqa’ xejn li hu tad-dinja, xejn li hu dnub u taħbit u hem u niket. Dan kollu seħħ permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu li jgħix u jsaltan mal-Missier flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu issa u dejjem, u għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

RESPONSORJU

  1. Ersqu lejn Ġesù, il-ġebla tal-ħajja, *U fuqu nbnew bħala ġebel ħaj.
  2. Din hi l-ġebla li saret il-ġebla tax-xewka. *U fuqu nbnew bħala ġebel ħaj.

Talba

O Alla, int għażilt lill-isqof San Pietru Krisologu biex b’qawwa kbira jxandar il-misteru ta’ l-inkarnazzjoni tal-Verb tiegħek; bit-talb tiegħu, agħtina li nimmeditaw bla head l-misteri tas-salvazzjoni u bl-għemil nagħtu xhieda tal-fidi tagħna fihom. B’Ibnek.