Quddiesa mill-Kappella tal-Madonna tal-Fidwa, Selmun – 19 ta’ Lulju


Il-Ħadd, 19 ta’ Lulju 2020: Quddiesa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Kappella tal-Madonna tal-Fidwa, Selmun …

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelju minn San Mattew li għadna kemm smajna huwa pjuttost twil. Ġesù juża tliet tixbiehat: l-ewwel il-parabbaola tal-qamħ u s-sikrana, it-tieni dik taż-żerriegħa tal-mustarda u t-tielet waħda hi dik tal-ħmira.

Permezz ta’ dawn it-tixbiehat il-Mulej qiegħed jispjegalna x’inhi s-saltna tas-smewwiet. Ma ninsewx li meta nitolbu t-talba li għallimna Ġesù, bħalma nagħmlu f’kull quddiesa, nitolbuh dejjem “tiġi saltnatek”. Allura tajjeb li nifhmu x’qed jipprova jgħidilna Ġesù meta jispjegalna x’inhi din is-saltna.

X’inhuma t-tliet tagħlimiet li Ġesù jixtieq jaqsam magħna?

L-ewwel waħda, li tiġi mill-parabbola tal-qamħ u s-sikrana, tista’ tinġabar f’kelma waħda: paċenzja. Alla, għax hu qawwi u jista’ kollox, magħna juża paċenzja kbira. Fi żmien Ġesù diġà kien hemm min jaħseb li l-Poplu ta’ Alla jrid ikun dak li qatt ma għamel ħażin, jew nies puri bla dnub. Kienu għalhekk li kienu jiddisprezzaw lill-persuni dgħajfa u kienu jinsew id-dgħufija tagħhom stess. Kultant ikollna wkoll fostna min jaħseb li għax hu fi grupp se jsalva, u l-oħrajn huma dubbien, biex ngħiduha b’mod pulit. Ġesù ma jrid xejn minn dan; kulhadd huwa midjun mal-ħniena ta’ Alla u kulħadd jibbenefika mill-paċenzja tiegħu.

L-Appostlu Missierna San Pawl jistqarr li huwa l-ewwel wieħed, il-protos, fost il-midinbin. “Alla wera ħniena miegħi,” jgħid San Pawl, sabiex biex b’hekk, quddiem il-poplu u sħabu, tidher il-paċenzja kbira ta’ Ġesù. Mela jekk il-Mulej jieħu paċenzja bina, aħna kif nistgħu nċaħħdu l-paċenzja lil xulxin? Meta taqbiżli u nitlef il-paċenzja, għandi nieqaf ftit u ngħid: ‘Kemm kont ħmar li tlift il-paċenzja’. Meta tieħu paċenzja tgħix ta’ nies.

Darba minnhom, it-tabib ta’ San Ġorġ Preca, Dott. Spiteri, u qallu: “Sinjur, se niżżewweġ, tagħtini parir?” Dun Ġorġ qallu: “Ibni, mur fid-dar li bnejtu u fuq il-blata ta’ kull bieb ikteb tliet kelmiet: paċenzja, paċenzja u paċenzja. Mhux fuq il-bieb tad-dar biss, imma fuq il-blata ta’ kull bieb biex meta tgħaddi minn kamra għal oħra tiftakar li hemm bżonn tieħu paċenzja”. San Ġorġ Preca kien iħobb jgħid ukoll: Ġejna għal erbat ijiem biex nieħdu paċenzja”. Paċenzja bil-mard, bid-difetti u d-dnubiet tagħna jew ta’ xulxin, u paċenzja anke b’dak kollu li jista’ jdejjaqna fil-ħajja.

It-tieni tixbieha hija dwar iż-żerriegħa ċkejkna tal-mustrarda li Ġesù jgħid li ssir arbuxell kbir, kważi siġra u anke l-għasafar jistrieħu fiha. Is-saltna ta’ Alla tibda fiċ-ċokon, anke fil-ħajja tiegħi. Il-grazzja ta’ Alla tagħmel l-effett tagħha bil-mod il-mod. Anke hemmhekk hemm ir-regola li wieħed irid jistenna, imma li jistenna fit-tama.

Hekk ukoll il-ħmira. Ftit ħmira ttella’ għaġna kbira. Dawk it-tliet sigħat li jsemmi Ġesù, tafu kemm huma? 45 kilogramma ta’ għaġna. Ġesù qed jgħidilna li bi ftit ħmira ttella’ għaġna enormi, hekk kienu jiżnu tliet sigħat.

Bħalma għedna fl-ewwel qari mill-Ktieb tal-Għerf, il-Mulej illum qed ifakkarna li hu, li huwa qawwi, jaf jagħti; hu li huwa ġust, huwa wkoll ħanin. Meta tiltaqa’ ma’ Alla ta’ Ġesù Kristu, kif kien iħobb isejjaħlu Dun Ġorġ Preca, kif tista’ taqta’ qisek? Kif tista’ ma tiftakarx fil-paċenzja ta’ Alla u tieħu paċenzja bik innifsek u paċenzja bl-oħrajn?

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Għerf 12, 13.16-19
Salm: 85 (86), 5-6.9-10.15-16a
Qari II: Rum 8, 26-27
Evanġelju: Mt 13, 24-43

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.