Lectio Divina tas-17-il Ħadd matul is-Sena “A”

Vanġelu (Mt 13, 44-52): Ġesù jkompli bil-parabboli tas-Saltna.  L-ewwel itina tnejn magħrufin bħala tewmin, għax għandhom l-istess messaġġ, għalkemm kull waħda għandha xi partikularita’ sinifikattiva. 

  1. “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbaħ lil teżor moħbi f’għalqa.”  Fi żmien Ġesu`, kienu jiġru ħafna xnihat li xi fortunat sab teżor f’għalqa.  Dan għaliex sikwit kienet tinqala’ xi gwerra jew xi ġlied ieħor.  Xi wħud, qabel ma jaħarbu dan l-għawġ, kienu jaħbu ġidhom fl-għalqa biex, meta jispiċċa l-inkwiet, jerġgħu lura għalih.  Imma ta’ spiss kien jiġri li, għal xi raġuni jew oħra, xi wħud ma kinux jirritornaw.  Allura, min jikri jew jixtri dik l-għalqa kien isib teżor.  Fl-ewwel parabbola nsibu personaġġ: raġel li jsib teżor b’kumbinazzjoni.  Fit-tieni, nsibu neguzjant li jsib ġawhra wara li jkun ilu jfittixha.  Imma l-vera protagonisti ta’ dawn il-parabboli huma t-teżor u l-ġawhra, għax kollox idur fuq it-tfittxija, is-sejba u l-ferħ tas-sejbin tagħhom. It-teżor/ġawhra hu Ġesu` li xi wħud jinzertaw isibuh, u oħrajn isibuh wara li jdumu xi ftit jew wisq ifittxuh: forsi għax ma jkunux kuntenti b’ħajjithom u kienu qed ifittxu xi ħaġa jew xi ħadd li jagħti sens għall-eżistenza tagħhom.  Teżor, ġawhra, ġojja ta’ ħajti, ruħi, maħbub/a tiegħi huma espressjonijiet komuni fost il-maħbubin.  Il-fidi fi Kristu hi dik ta’ wieħed li jħobb (namrat, għarus) u li, malli jsib dik il-Persuna maħbuba li jista’ jafda f’idejha l-istess ħajtu, l-istess Fidi ssir teżor prezzjuż li wieħed m’għandu jħalli qatt jaħrablu minn taħt idejh.  Meta tfajla tiġġennen wara ġuvni, x’ma tagħmilx biex togħġbu?  Titlef rasha, tibda tħobb il-ħwejjeġ li jħobb hu, tiskarta li ma jogħġbux, eċċ.  Pietru l-ewwel darba li ltaqa’ ma’ Ġesu` kien permezz ta’ ħuh. Wara li għammed lil Ġesu`, Ġwanni qal lil Indri li issa kellu jimxi wara Ġesu`.  Indri mill-ewwel ħa lil Ġesu` biex jiltaqa’ ma ħuh Xmun Pietru.  Inkomplu l-parabbola: malli raġel sab it-teżor, ħbieh, għax irrejalizza li dak kien biss parti mit-teżor.  Żgur li aktar ma jħaffer aktar kien se jsib ġid bla qies.  Hekk jiġrilu min jiltaqa’ ma’ Ġesu` għall-ewwel darba: jirrejalizza li hemm ħafna aktar x’wieħed jiskopri fuq din il-persuna meraviljuża, bil-proposti stupendi Tiegħu.  Għalhekk ikompli ħajtu kollha jiskopri dejjem xi ħaġa ġdida u friska f’Ġesu`.  Ir-raġel mar ibiegħ kull m’għandu biex jixtri l-għalqa bit-teżor fiha.  Kif għamel Mattew u tant u tant oħrajn li ħallew kollox warajhom u marru wara Ġesu`.  Dil-ħaġa ġabet lil dawn in-nies ferħ kbir, li hi t-tema ċentrali tal-qari tal-lum.  Hawn min kien u għadu jgħid li aħna qegħdin fid-dinja biex inbatu, niċċaħdu l-ħin kollu u nkunu mdejqin.  Imbagħad nifirħu meta naslu l-Ġenna.  Din idea żbaljata.  Veru li rridu niċċaħdu u nagħmlu ċertu għażliet.  Jekk dawn isiru sew, għandhom iġibulna ferħ kbir MINN ISSA.  Ir-raġel ma qgħadx iqis kemm swietlu l-għalqa u għamel il-buli, imma x’ferħ kbir kellu bl-akkwist tat-teżor.  Jekk aħna noqogħdu nqisu x’se nitilfu (flus, poter, karriera, eċċ) u mhux x’se nakkwistaw, jiġrilna bħaż-żagħżugħ għani:  “… u telaq imdejjaq” għax m’għarafx li Ġesu` kien teżor ħafna aqwa mill-ġid kollu li kellu.  Ħasra li anki llum, mhux kull min jiltaqa’ ma’ Ġesu` iqisu bħala teżor imprezzabbli.
  2. Fil-kultura orjentali, il-ġawhra kienet l-isbaħ ħaġa u l-aktar prezzjuża fid-dinja. Ħafna kienu jsemmu l-bniet tagħhom “Perla.”  (Anki llum hawn xi wħud jagħmlu hekk).   Mhux ta’ b’xejn li dan in-nuguzjant mar ifittex il-prezzjuż u s-sabiħ.  Hawn min hu ikrah (mhux minn barra) għax hu kattiv, egoist, aggressiv, eċċ.  L-oppost ta’ dan hu l-bniedem is-sabiħ.  In-nuguzjant, wara ħafna tfittxija, fl-aħħar sab l-iktar bniedem sabiħ – Kristu.  Sabiħ għax mimli mħabba.  Min jiltaqa’ u jaċċetta lil Ġesu`, hu wkoll isir bniedem sabiħ għax ikun mimli mħabba għall-oħrajn, akkoljenti, ġeneruż, simpatiku, dispost biex iservi u moħħu fil-bżonnijiet tal-oħrajn.  “Araw li l-imġieba tagħkom tkun sabiħa” (Ittra ta’ S. Pietru).  Anki n-neguzjant biegħ kull m’għandu biex jakkwista dil-perla sabiħa.  Sawlu minn Tarsu għall-ewwel ħaseb li s-sabiħ jinsab fir-regoli tal-Fariżej.  Meta sab lil Kristu stqarr: “Minn barra Kristu, inqis kollox bħala knis” (Fil.).
  3. Fiż-żewġ parabboli nsibu ċertu għaġla, urġenza.  It-tnejn marru malajr ibiegħu kulma kellhom. Hekk ukoll fil-ħajja tan-Nisrani: min jiltaqa’ ma’ Kristu jrid jiddeċiedi: jew jimxi fuq it-tagħlim u l-passi tiegħu lew le.  Laqgħa ma’ Ġesu` hija opportunita’ kbira li forsi ma terġax tirrepeti ruħha.  Min jittratjeni, aktarx ikun moħħu f’teżori oħra, li ma jkunux ġenwini imma tlellix minn barra biss.  Min jagħżel dawn it-teżori jkun ħela ħajtu fix-xejn.
  4. Meta jtellgħu ix-xibka mill-baħar ikun fiha minn kollox: tajjeb u ħażin.  Dawn mhux qed jirrappreżentaw żewġ tipi ta’ nies, imma l-istess bniedem li llum jgħix tajjeb u l-għada jidneb.  Kif għidna l-Ħadd li għadda: din il-parti tal-Vanġelu ma tfissirx li t-tajbin sejrin il-Ġenna u l-ħżiena sejrin l-Infern.  Imma Ġesu` jrid jgħallimna li għandna bżonn, bl-għajnuna t’Alla u ta’ l-Anġli tiegħu,  naħarqu d-dnubiet u xi ħażen ieħor fina fin-nar tal-Imħabba u l-Ħniena Tiegħu.  Jekk xi ħadd qatt ma jagħmel hekk, tkun ħaġa tassew tal-biki u tat-tgħażżiż tas-snin, għax ikun ħela ħajtu fix-xejn.     

Sors: lachiesa/it/liturgia/omelie/frfernandoarmellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading