75. Ir-rażan “għas-saltna tas-smewwiet” jindika li wara l-qawmien mill-imwiet la nieħdu mara u lanqas raġel

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  24/03/1982.

1. Inkomplu r-riflessjonijiet tagħna dwar iċ-ċelibat u dwar il-verġinità “għas-saltna tas-smewwiet”.

Ir-rażan “għas-saltna tas-smewwiet” huwa bla ebda dubju marbut mar-rivelazzjoni tal-fatt li “fis-saltna tas-smewwiet” la nieħdu mara u linqas raġel” (Mt 22, 30). Dan huwa sinjal kariżmatiku. L-esseri bniedem viventi, maskju u femmina, li fis-sitwazzjoni terrena, fejn soltu “jieħdu mara u jieħdu raġel” (Lq 20, 34), jagħżel b’rieda ħielsa r-rażan “għas-saltna tas-smewwiet”, jindika li f’dik is-saltna, li hija “d-dinja l-oħra” tal-qawmien mill-imwiet, “la nieħdu mara u linqas raġel” (Mk 12, 25), għaliex Alla jsir “kollox f’kulħadd” (1 Kor 15, 28). Tali esseri bniedem, maskju u femmina, juri mela l-“verġinità” eskatoloġika tal-bniedem irxuxtat, li fih jirrivela ruħu, ikolli ngħid, is-sinifikat sponsali tal-ġisem assolut u etern tal-ġisem igglorifikat fl-għaqda ma’ Alla stess, permezz tal-viżjoni tiegħu “wiċċ ‘imb  wiċċ”; u gglorifikat, ukoll, permezz tal-għaqda ta’ intersoġġettività perfetta, li tgħaqqad lil dawk kollha “parteċipi tad-“dinja l-oħra”, irġiel u nisa, fil-misteru tal-komunjoni tal-qaddisin. Ir-rażan terren “għas-saltna tas-smewwiet” huwa bla ebda dubju sinjal li jindika din il-verità u din ir-realtà. Huwa sinjal li l-ġisem, li t-tmiem tiegħu mhix il-mewt, ifittex il-glorifikazzjoni u huwa diġa minħabba dan stess, ikolli ngħid, fost il-bnedmin xhieda li jantiċipa l-futur qawmien mill-imwiet. Madankollu, dan is-sinjal kariżmatiku tad-“dinja l-oħra” jesprimi l-qawwa u d-dinamika l-iktar awtentika tal misteru tal-“fidwa tal-ġisem” : misteru, li minn Kristu kien miktub fl-istorja terrena tal-bniedem u f’din l-istorja minnu profondament radikata. Hekk, mela, ir-rażan “għas-saltna tas-smewwiet” iġib fuq kollox it-timbru tax-xebħ ma’ Kristu, li fl-opra tal-fidwa, għamel huwa stess din l-għażla “għas-saltna tas-smewwiet”.

2. Anzi, il-ħajja kollha ta’ Kristu, sa mill-bidu, kienet distakk diskret iżda ċar minn dak li fit-Testment il-Qadim hekk profondament iddetermina s-sinifikat tal-ġisem, Kristu – kważi kontra l-mistennija tat-tradizzjoni kollha vetero-testementarja – twieled minn Marija, li fil-waqt tal-annunzjazzjoni tġħid b’mod l-iżjed ċar dwarha nfisha: “Kif jistà jkun dan? M’għaraft ebda raġel” (Lq 1, 34), u tipprofessa, jiġifieri, il-verġinità tagħha. U għalkemm huwa jitwieled minnha bħal kull bniedem, bħala iben minn ommu, għalkemm din il-miġja tiegħu fid-dinja hija akkumpanjata wkoll mill-preżenza ta’ raġel li huwa l-għarus ta’ Marija u, quddiem il-liġi u l-bnedmin żewgħa, madankollu l-maternità ta’ Marija hija verġinali: u għal din il-maternità verġinali ta’ Marija jikkorrispondi l-misteru verġinali ta’ Ġużeppi, li, waqt li segwa l-leħen mill-għoli, ma jaħsibhiex biex “ħu l-Marija . . . għax dak li ġġenera fiha ġej mill-Ispirtu Santu” (Mt 1, 20). Għalkemm, mela, il-konċepiment verġinali u t-twelid fid-dinja ta’ Ġesù Kristu kienu moħbija għall-bnedmin, għalkemm quddiem l-għajnejn tal-pajeżani ta’ Nażżaret huwa kien miżmum bħala “bin il-mastrudaxxa” (Mt 13, 55) (ut putabatur filius JosephLq 3, 23), madankollu l-istess realtà u verità essenzjali tal-konċepiment u tat-twelid tiegħu jinqatà fih innifsu minn dak li fit-tradizzjoni tat-Testment il-Qadim kien b’mod esklussiv a favur taż-żwieġ, u li kien jirrendi r-rażan inkomprensibbli u soċjalment sfavorit. Għalhekk, kif setà jkun mifhum “ir-rażan għas-tas-smewwiet”, la darba l-Messija mistenni kellu jkun “dixxendent ta; David”, u allura, kif kien emmnut, kellu jkun iben ta’ nisel irjali “skont il-ġisem”? Marija u Ġużeppi biss, li għexu l-misteru tal-konċepiment tiegħu u tat-twelid tiegħu, saru l-ewwel xhieda ta’ fertilità differenti minn dik karnali, jiġifieri l-fertilità tal-Ispirtu; “Dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu Santu” (Mt 1, 20).

3.L-istorja tat-twelid ta’ Ġesù bla dubju tinsab f’linja mar-rivelazzjoni ta’ dak “ir-rażan għas-saltna tas-smewwiet”, li dwaru Kristu, jum wieħed għad jitkellem dwaru mad-dixxipli tiegħu. Din il-ġrajja, però, tibqà moħbija għall-bnedmin ta’ dak iż-żmien kif ukoll għad-dixxipli. Gradatament biss dan jiżvela ruħu quddiem għajnejn il-Knisja a bażi tax-xhieda u tat-testi tal-Vanġelu ta’ Mattew u ta Luqa.  Iż-żwieġ ta’ Marija ma’ Ġużeppi (li fih il-Knisja tonora lil Ġużeppi bħala l-għarus ta’ Marija u lil Marija bħala l-għarusa ta’ Ġużeppi), jaħbi fih, fl-istess ħin, il-misteru tal-komunjoni perfetta tal-persuni, tar-Raġel u tal-Mara fil-patt konjugali, u fl-istess ħin il-misteru ta’ dak “ir-rażan għas-saltna tas-smewwiet” singulari: rażan li kien iservi, fl-istorja tal-fidwa, għall-iktar perfetta “fertilità tal-Ispirtu Santu”. Anzi, hija kienet f’ċertu sens, il-milja assoluta ta’ dik il-fertilità spiritwali, meta tqis li propju fil-kondizzjonijiet nażżarateni tal-patt ta’ Marija u Ġużeppi fiż-żwieġ u fir-rażan, twettaq id-don tal-inkarnazzjoni tal-Verb Etern: l-Iben t’Alla, konsostanzjali mal-Missier, ġie kkonċepit u twieled bħala bniedem minn Marija Verġni. Il-grazzja tal-għaqda ipostatika hija marbuta propju ma’ din, ikolli ngħid il-milja assoluta tal-fertilità soprannaturali, fertilità fl-Ispirtu Santu, ipparteċipata minn krejatura umana, Marija, fl-ordni tar-“rażan għas-saltna tas-smewwiet”. Il-maternità divina ta’ Marija hija wkoll, f’ċertu sens, rivelazzjoni sovrabbundanti ta’ dik il-fertilità fl-Ispirtu Santu, li għaliha il-bniedem jissottoponi l-ispirtu tiegħu, meta b’mod liberu jagħżel ir-rażan “fil-ġisem”: appuntu, ir-rażan “għas-saltna tas-smewwiet”.

4. Tali immaġni kellha b’mod gradat tinkiseb quddiem il-kuxjenza tal-Knisja fil-ġenerazzjonijiet dejjem ġodda tal-konfessuri ta’ Kristu, meta – mal-Vanġelu tal-infanzja – kienet tikkonsolida fihom iċ-ċertezza dwar il-maternità divina tal-Verġni, li kienet ikkonċepiet bl-opra tal-Ispirtu Santu. Għalkemm b’mod indirett – madankollu b’mod essenzjali u fundamentali – tali ċertezza kellha tgħin biex tifhem, minn banda, il-qdusija taż-żwieġ u mill-oħra n-nuqqas ta’ nteress in vista “tas-saltna tas-smewwiet”, li dwarha Kristu kien tkellem mad-dixxipli tiegħu. Xejn inqas, meta hu kien kellimhom għall-ewwel darba dwar (kif jgħid l-Evanġelista Mattew fil-kapitolu 19, 10-12), dak il-kbir misteru tal-konċepiment tiegħu u tat-twelid tiegħu li għalihom kien għal-kollox mhux magħruf, kien moħbi għalihom bħal ma kien għas-semmiegħa u l-interlokuturi ta’ Ġesù ta’ Nażżaret. Meta Kristu kien jitkellem dwar dawk li “saru ewnuki għas-saltna tas-smewwiet” (Mt 19, 12) id-dixxipli kienu kapaci jifhmuh  biss a bażi tal-eżempju tiegħu personali. Tali rażan kellu jittimbra fil-kuxjenza tagħhom bħal trattat partikolari ta’ xebħ ma’ Kristu, li kien baqà ċelibi “għas-saltna tas-smewwiet”. Id-distakk mit-tradizzjoni tal-allejanza l-qadima, li fiha ż-żwieġ u l-fertilità prokrejattiva “fil-ġisem” kienu kondizzjoni reliġjożament privileġġjata, kellha taffettwa speċjalment a bażi tal-eżempju ta’ Kristu stess.  Naqra naqra biss setgħet trabbi l-għeruq il-kuxjenza li għas-“saltna tas-smewwiet” ghandha sinifikat partikolari dik il-fertilità spiritwali u soprannaturali tal-bniedem, li tiġi mill-Ispirtu Santu (Spirtu ta’ Alla) u li għaliha, f’sens speċifiku u f’każi deċiżivi, iservi propju r-rażan, u dan huwa appuntu r-rażan “għas-saltna tas-smewwiet.

Ftit jew wisq dawn l-elementi kollha tal-kuxjenza evanġelika (jiġifieri kuxjenza propja tal-allejanza l-ġdida fi Kristu) rigwardanti r-rażan, nerġgħu nsibuha f’Pawlu. Dan nippruvaw nuruh fiż-żmien propizju.

Waqt li niġbru fil-qosor, nistgħu ngħidu li t-tema ewlenija tar-riflessjoni tallum kien ir-rapport bejn ir-rażan “għas-saltna tas-smewwiet”, ipproklamat minn Kristu, u l-fertilità soprannaturali tal-ispirtu uman, li tiġi mill-Ispirtu Santu.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara d-diskors oriġinali bit-Taljan >