76. Il-Vanġelu ta’ Mattew dwar it-tema taċ-ċelibat u tal-verġinità għas-saltna tas-Smewwiet

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  31/03/1982.

1. Inkomplu nirriflettu fuq it-tema taċ-ċelibat u tal-verġinità għas-saltna tas-Smewwiet, waqt li nibbażaw fuq it-test tal-Vanġelu skont Mattew (cf. Mt 19, 10-12).

Waqt li nitkellmu mir-rażan “għas-saltna tas-Smewwiet u waqt li nibbażaw fuq l-eżempju  tal-propja ħajtu, Kristu kien jixtieq bla ebda dubju, li d-dixxipli tiegħu kienu jqisuh speċjalment fejn tidħol is-“saltna”, li hu kien ġie biex iħabbar u li għaliha kellu jindika t-toroq ġusti. Ir-rażan, li dwaru kien jitkellem, huwa appuntu waħda minn dawn it-toroq u kif diġa jirriżulta mill-kuntest tal-Vanġelu ta’ Mattew, din hija triq partikularment valida u pprivileġġjata. Infatti, dik il-preferenza mogħtija liċ-ċelibat u lill-verġinità “għas-saltna” kienet novità assoluta fil-konfront tat-tradizzjoni tal-allejanza l-qadima, u kellha sinifikat deċiżiv kemm għall-ethos kif ukoll għat-tejoloġija tal-ġisem.

2. Kristu, fl-espressjoni tiegħu, jinnota speċjalment l-iskop. Igħid li t-triq tar-rażan, li tagħha huwa stess jagħti xhieda b’ħajtu stess, mhux biss teżisti u mhux biss hija possibbli, imma hija b’mod partikolari valida u mportanti “għas-saltna tas-Smewwiet”. U hekk għandu jkun, meta tqis li Kristu għażilha għalih. U jekk din it-triq hija hekk valida u mportanti, għar-rażan għas-saltna tas-Smewwiet wieħed għandu jistenna valur partikolari. Bħal ma diġa aċċennajna qabel, Kristu ma kienx jiffaċċja l-problema fuq l-istess livell u fl-istess linja ta’ raġunament, li fih kienu għamluhielu d-dixxipli, meta kienu qalulu: “Jekk din hija l-kondizzjoni . . . ma jaqbillekx tiżżewweġ” (Mt 19, 10). Kliemhom kien jaħbi fl-isfond ċertu utilitariżmu. Kristu, iżda, fit-tweġiba indika b’mod indirett li, jekk iż-żwieġ, fidil għall-istituzzjoni oriġinarja tal-Ħallieq (infakkru li l-Imgħallem propju għal dan il-punt kien irrifera għall-“bidu”), jippossiedi konsistenza sħiħa u valur tiegħu għas-saltnatas-Smewwiet, valur fondamentali, universali u ordinarju, min-naħa tiegħu r-rażan jippossiedi għal din is-saltna valur partikolari u “eċċezzjonali”.  Ħaġa ovvja li hawn qed nitkellmu mir-rażan magħżul b’mod konxju għal motivi soprannaturali.

3. Jekk Kristu jinnota fl-espressjoni tiegħu, qabel kollox. Il-għana soprannaturali ta’ dak ir-rażan dan jagħmlu b’sens mhux biss oġġettiv, imma wkoll  espliċitament suġġettiv, jiġifieri jindika l-bżonn ta’ motivazzjoni tali li tikkorrispondi b’mod adegwat u sħiħ mal-għan oġġettiv li jiġi ddikjarat mill-espressjoni “għas-saltna tas-Smewwiet”. Biex iwettaq il-fini involut – jiġifieri biex jiskopri fir-rażan dik il-fertilità spiritwali partikolari li tiġi mill-Ispirtu Santu – hemm bżonn li jkun iridu u li jagħżlu taħt fidi profonda, li ma turix biss is-saltna ta’ Alla fit-twettiq futur tagħha, imma li tippermettilna u tirrendilna possibbli b’mod partikolari li nidentifikaw ruħna mal-verità u r-realtà ta’ dik is-saltna, hekk kif hu jiġi rivelat minn Kristu fil-messaġġ evanġeliku u speċjalment bl-eżempju personali ta’ ħajtu u ta’ mġiebtu. Għalhekk, hawn fuq ingħad li r-rażan “għas-saltna tas-Smewwiet” in kwantu sinjal bla dubju tad-“dinja l-oħra” – iġorr fih speċjalment id-dinamiżmu intern tal-misteru tal-fidwa tal-ġisem (cf. Lq 20, 35), u f’dan is-sinifikat jippossiedi wkoll il-karatteristika ta’ xebħ partikolari ma’ Kristu. Min jagħżel konxjament tali rażan, jagħżel, f’ċertu sens parteċipazzjoni partikulari fil-misteru tal-fidwa (tal-ġisem); irid b’mod partikolari jkompliha biex ngħidu hekk f’ġismu propju  (cf. Col 1, 24), waqt li f’dan isib ukoll il-marka ta’ xebħ ma’ Kristu.

4. Dan kollu jirreferi għall-motivazzjoni tal-għażla (jew aħjar għall-finalità tagħha f’sens soġġettiv): waqt li jagħżel ir-rażan għas-saltna tas-Smewwiet, il-bniedem “irid” iħalli lilu nnifsu jitmexxa appuntu minn tali motivazzjoni. Kristu, fil-każ in kwestjoni, ma jgħidx li l-bniedem huwa obligat (ikun xi jkun hawn m’aħniex nitkellmu bla dubju dwar id-dmir li joħroġ minn kmandament); madankollu, bla dubju, il-kliem konċiż tiegħu dwar ir-rażam “għas-saltna tas-Smewwiet” iġegħlu jispikka b’qawwa kbira propju il-motivazzjoni tiegħu. U hu jinnotaha (jiġifieri jindika l-finalità, ta’ liema s-suġġett huwa konxju), kemm fl-ewwel parti tal-espressjoni, kif ukoll fit-tieni, jindika li hawn għandha x’taqsam għażla partikolari: jiġifieri propju vokazzjoni pjuttost eċċezzjonali li mhix universali u ordinarja. Fil-bidu, fl-ewwel parti tal-espressjoni tiegħu, Kristu jitkellem dwar fehim (“mhux kulħadd jistà jifhmu, imma dawk biss li lilhom ġie mogħti”) (Mt 19, 11); u dan mhux “fehim” astratt, imma tali li jinfluwixxi fuq id-deċiżjoni, fuq l-għażla personali, li fiha “id-don”, jiġifieri l-grazzja, irid isib risonanza adegwata fir-rieda umana. Tali “fehim” jinvolvi mela l-motivazzjoni. Wara, il-motivazzjoni tinfluwenza fuq l-għażla tar-rażan, aċċettata wara li tkun fhimt is-sinifikat għas-“saltna tas-Smewwiet”. Kristu fit-tieni parti tal-espressjoni tiegħu, jiddikjara mela li l-bniedem “isir” ewnuku meta jagħżel ir-rażan għas-saltna tas-Smewwiet u jagħmel is-sitwazzjoni fundamentali jew aħjar l-istat tal-ħajja propja kollha terrena. F’deċiżjoni hekk imsaħħa teżisti l-motivazzjoni soprannaturali, li minnha d-deċiżjoni nfisha kienet oriġinata. Teżisti waqt li tiġġedded, ikolli ngħid, kontinwament.

5. Diġa qabel dawwarna l-attenzjoni għas-sinifikat partikolari tal-aħħar dikjarazzjoni. Jekk Kristu, fil-każ ikkwotat, jitkellem dwar li “ssir” ewnuku, mhux biss jemfasizza il-piż speċifiku ta’ din id-deċiżjoni, li tispjega ruħha bil-motivazzjoni mnissla minn fidi profonda, imma ma jfittixx, lanqas li jaħbi it-tbatija, li tali deċiżjoni u l-konsegwenzi persistenti tagħha jistgħu jkollhom għall-bniedem, għall-inklinazzjonijiet normali ( u barra minn dan nobbli) tan-natura tiegħu.

Ir-referenza “għall-bidu” fil-problema taż-żwieġ ippermettitilna li niskopru is-sbuħija kollha oriġinarja ta’ dik il-vokazzjoni tal-bniedem, maskju u femmina; vokazzjoni, li tiġi minn Alla u tikkorrispondi għall-kostituzzjoni doppja tal-bniedem, kif ukoll għas-sejħa għall-“għaqda tal-persuni”. Waqt li ppriedka r-rażan għas-saltna tas-Smewwiet, Kristu mhux biss ippronunzja kontra t-tradizzjoni kollha tal-allejanza l-qadima, skont liema ż-żwieġ u l-prokrejazzjoni kienu, kif għidna, ipprivileġgjati reliġjożament, imma jippronunzja, f’ċertu sens, ukoll il-kuntrast ma’ dak il-“bidu”, għal-liema huwa stess għamel referenza u forsi wkoll minħabba dan jisfuma l-kliem propju ma’ dik ir-“regola ta’ fehim” partikolari, għal-liema aċċennajna hawn fuq. L-analiżi “tal-bidu” (speċjalment a bażi ta’ test jahwista) kien infatti, wera li, għalkemm huwa possibbli li tikkonċepixxi l-bniedem bħala solitarju quddiem Alla, madankollu Alla stess qalgħu minn din is-“solitudni” meta qal: “Mhux sewwa li l-bniedem jinsab waħdu: irrid nagħmillu għajnuna li tixbħu” (Ġen 2, 18).

6. Hekk, mela, id-dupliċità Maskju-femmina propja tal-kostituzzjoni stess tal-umanità u l-unità tat-tnejn li tibbaża ruħha fuqha, jibqgħu “mill-bidu”, jiġifieri sal-profondità ontoloġika nnifisha, opra ta’ Alla. U Kristu, waqt li jitkellem dwar ir-rażan “għas-saltna tas-Smewwiet, għandu quddiemu din ir-realtà. Mhux ta’ b’xejn li jitkellem (skont Mattew) fil-kuntest l-iktar immedjat, li fih appuntu jagħmel referenza “għall-bidu”, jiġifieri gl-bidu divin taż-żwieġ fil-kostituzzjoni nfisha tal-bniedem.

Fuq l-isfond tal-kliem ta’ Kristu wieħed jistà jistqarr li mhux biss iż-żwieġ jgħinna biex nifhmu r-rażan għas-saltna tas-Smewwiet, imma wkoll l-istess rażan jitfà dawl  partikolari fuq iż-żwieġ li deher fil-misteru tal-Ħolqien u tal-Fidwa.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Ara d-diskors oriġinali bit-Taljan >