77. Ir-rażan għas-Saltna tas-Smewwiet ma jfissirx li jbaxxi l-valur taż-żwieġ

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  07/04/1982.

1. B’ħarsitna mdawra lejn Kristu Redentur, issa nkomplu r-riflessjonijiet tagħna dwar iċ-ċelibat u l-verġinità “għas-Saltna tas-Smewwiet”,  skont il-kliem ta’ Kristu rrakkuntat fil-Vanġelu ta’ Mattew (Mt 19, 10-12).

Waqt li jipproklama r-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet”, Kristu jaċċetta għal kollox dak kollu li mill-bidu kien operat u stitwit mill-Ħallieq. Konsegwentement, minn banda, dak ir-rażan irid juri li l-bniedem, fl-iktar kostituzzjoni profonda tiegħu, mhuwiex biss “doppju”, imma wkoll (f’din id-dupliċità) “waħdu” quddiem Alla u ma Alla. Madankollu, mill-banda l-oħra, dak li fis-sejħa għar-rażan għas-saltna tas-Smewwiet huwa stedina għas-solitudni għal Alla, jirrispetta fl-istess ħin kemm id-“dupliċità tal-umanità” (jiġifieri il-maskulinità u l-frmminilità tagħha), kif ukoll dik id-dimensjoni ta’ komunjoni tal-eżistenza li hija propja tal-persuna konformi ma’ kliem Kristu, “jifhem” b’mod adegwat is-sejħa għar-rażan għas-Saltna tas-Smewwiet, isegwiha, u jżomm hekk l-verità ntegrali tal-propja umanità, mingħajr ma jitlef, waqt li jkompli għaddej, xejn mill-elementi essenzjali tal-vokazzjoni tal-persuna maħluqa “xbiha u xebħ ta’ Alla”. Dan huwa mportanti għall-idea nfisha jew pjuttost għall-idea tar-rażan, jiġifieri għall-oġġettiv kontenut tiegħu, li jidher fit-tagħlim ta’ Kristu bħala novità radikali. Huwa ugwalment importanti għat-twettiq ta’ dak l-ideal, jiġifieri sabiex id-deċiżjoni konkreta, meħudha mill-bniedem biex jgħix fiċ-ċelibat jew fil-verġinità għas-Saltna tas-Smewwiet (dak li “jagħmel lilu nnifsu” ewnuku, biex nużaw il-kliem ta’ Kristu) tkun għal-kollox awtentika fil-motivazzjoni tagħha.

2. Mill-kuntest tal-Vanġelu ta’ Mattew (Mt 19, 10-12) jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar li hawn m’għandux x’jaqsam ma’ tnaqqir fil-valur taż-żwieġ favur vantaġġ tar-rażan u lanqas li jisfà mċajpar valur minn ieħor. Hawn iżda, għandu x’jaqsam ma’ “ħruġ” b’għarfien sħiħ minn dak li fil-bniedem, bir-rieda tal-istess Ħallieq, iwassal għaż-żwieġ, u li jmur lejn il-rażan, li jiżvela lilu nnifsu quddiem il-bniedem konkret, maskju jew femmina, bħala sejħa u don ta’ elokwenza u ta’ sinifikat partikolari “għas-Saltna tas-Smewwiet”. Il-kliem ta’ Kristu (Mt 19, 11-12) jitlaq mir-realiżmu kollu tas-sitwazzjoni tal-bniedem u bl-istess realiżmu imexxih ‘il barra, lejn is-sejħa li fiha, b’mod ġdid, minkejja li jibqà min-natura tiegħu esseri “doppju” (jiġifieri dirett bħala raġel lejn il-mara u bħala mara, lejn ir-raġel) huwa jkun kapaċi li jiskopri f’din is-solitudni tiegħu, li ma jieqafx ikun dimensjoni personali tad-dupliċità ta’ kull wieħed,  forma ġdida u saħansitra  ferm iktar sħiħa ta’ komunjoni intersoġġettiva mal-oħrajn. Dan l-orjentament tas-sejħa jispjega b’mod espliċitu l-espressjoni: “għas-Saltna tas-Smewwiet”; infatti, it-twettiq ta’ din is-Saltna hemm bżonn li jinstab fuq il-linja tal-iżvilupp awtentiku tax-xbiha u tax-xebħ ta’ Alla, fis-sinifikat trinitarju tiegħu, jiġifieri propju “ta’ komunjoni”. Waqt li jagħżel ir-rażan għas-Saltna tas-Smewwiet, il-bniedem għandu l-għarfien li jistà, b’dan il-mod, jirrejalizza lilu nnifsu “b’mod differenti” u, f’ċertu sens, “iktar” milli fiż-żwieġ, billi jsir “don sinċier għall-oħrajn” (Gaudium et Spes, 24).

3. Permezz tal-kliem irrappurtat f’Mattew,(Mt 19, 11-12) Kristu jfiehem b’mod ċar li dak il-“mawrien” lejn ir-rażan għas-Saltna tas-Smewwiet huwa marbut ma’ ċaħda voluntarja għaż-żwieġ, jiġifieri għall-istat li fih ir-raġel u l-mara (skont is-sinifikat li l-Ħallieq ta fil-“bidu” għall-għaqda tagħhom) isiru rigal reċiproku permezz tal-maskulinità u l-femminilità tagħhom, ukoll permezz tal-għaqda korporali. Ir-rażan ifisser ċaħda konsapevoli u voluntarja għal tali għaqda u għal dak kollu li hu marbut magħha fid-dimensjoni wiesgħa tal-ħajja u tal-konvivenza umana. Il-bniedem li jiċċaħħad għaż-żwieġ jiċċaħħad ugwalment mill-ġenerazzjoni, bħala sies tal-komunità familjari magħmula mill-ġenituri u l-ulied. Il-kliem ta’ Kristu, li għalih qegħdin nirreferu, jindika bla ebda dubju dik l-isfera kollha ta’ ċaħda, għalkemm ma jiqafx fuq id-dettalji. U l-mod li bih dan il-kliem ġie ppronunzjat jippermetti li nissopponu li Kristu jifhem l-importanza ta’ tali ċaħda  u li jifhimha mhux biss imqabbla mal-opinjonijiet dwar tali tema użata fis-soċjeta Iżraelita ta’ dak iż-żmien. Huwa jifhem l-importanza ta’ din iċ-ċaħda wkoll imqabbla mat-tajjeb, li ż-żwieġ u l-familja jikkostitwixxu fihom infushom minħabba l-istituzzjoni divina. Għalhekk, permezz tal-mod tal-pronunzja tal-kliem rispettiv, ifiehem li dak il-ħruġ miċ-ċirku tat-tajjeb, għal-liema huwa nnifsu jsejjaħ “għas-Saltna tas-Smewwiet, hija marbuta ma’ ċertu sagrifiċċju tagħhom infushom. Dak il-ħruġ isir ukoll bidu ta’ ċaħdiet suċcessivi u ta’ sagrifiċċji voluntarji tagħhom infushom li huma indispensabbli, jekk l-ewwel u fundamentali għażla trid tkun konsistenti fid-dimensjoni tal-ħajja terrena kollha; u grazzi biss għal tali konsistenza, dik l-għażla hija raġonevoli internament u mhix kontradittorja.

4. B’tali mod, fis-sejħa għar-rażan hekk bħal ma kienet ippronunzjata minn Kristu – b’mod konċiż u fl-istess ħin bi preċiżjoni kbira – jieħdu forma il-profil u flimkien miegħu id-dimensjoni tal-misteru tal-Fidwa, kif diġa għidna qabel. U l-istess profil taħt liema Ġesù, fid-Diskors tal-Muntanja, ippronunzja l-kliem dwar il-bżonn tal-għassa dwar il-konkupixxenza tal-ġisem, ix-xewqa li tibda mill-“ħars lejn” u diġa ssir minn dak il-waqt “adulterju fil-qalb”.Wara l-kliem ta’ Mattew kemm fil-kapitolu 19 (cf Mt 19, 11-12) kif ukoll fil-kapitolu 5  (cf. Mt 5, 27-28), tinsab l-istess antropoloġija u l-istess ethos.  Fl-istedina għar-rażan għas-Saltna tas-Smewwiet, il-prospettivi ta’ dan l-ethos jiġu mwessgħa: fl-orizzont tal-kliem tad-Diskors tal-Muntanja tinsab l-antropoloġija tal-bniedem “storiku”; fl-orizzont tal-kliem dwar ir-rażan volontarju, tibqà essenzjalment l-istess antropoloġija, imma mdawla mill-prospettiva tas-“Saltna tas-Smewwiet”, jew aħjar, fl-istess ħin, mill-antropoloġija futura tal-qawmien mill-imwiet. Xejn inqas, fit-toroq ta’ dan ir-rażan volontarju fil-ħajja terrena, l-antropoloġija tal-qawmien mill-imwiet ma tiħux post l-antropoloġija tal-bniedem “storiku”. U huwa propju dan il-bniedem, hekk jew hekk dan il-bniedem “storiku”, li fih tkompli fl-istess ħin l-erdedità tal-konkupixxenza tripla, l-eredità tad-dnub u magħha l-eredità tal-fidwa, biex jieħu d-deċiżjoni dwar ir-rażan “għas-Saltna tas-Smewwiet”: din id-deċiżjoni huwa jrid jattwa, waqt li jissottometti l-pekkaminożità tal-propja umanità għall-qawwiet li jirriżultaw mill-misteru tal-fidwa tal-ġisem. Irid jagħmlu bħal kull bniedem ieħor, li ma jiħux deċiżjoni simili u li t-triq tiegħu tibqà dik taż-żwieġ. Differenti huwa biss l-ġeneru ta’ responsabiltà għall-ġid magħżul, bħal ma differenti huwa l-ġeneru stess tal-ġid magħżul.

5. Fl-espressjoni tiegħu, Kristu jenfasizza forsi s-superjorità tar-rażan għas-Saltna tas-Smewwiet fuq iż-żwieġ? Bla dubju huwa jgħid li din hija vokazzjoni “eċċezzjonali”, xejn “ordinarja”. Barra minn dan jiddikjara, li hija b’mod partikolari mportanti, u meħtieġa għas-Saltna tas-Smewwiet. Jekk nifhmu s-superjorità fuq iż-żwieġ f’dan is-sens, ikollna nammettu li Kristu jesponiha b’mod ċar u tond; madankollu ma jesprimihiex b’mod dirett. San Pawl jgħid li dawk li jagħżlu ż-żwieġ jagħmlu “sewwa”, u, in kwantu għal dawk li lesti jgħixu fir-rażan voluntarju, jgħid li jagħmlu “aħjar” (cf. 1 Kor 7, 38).

6. Tali hija wkoll l-opinjoni tat-Tradizzjoni kollha, kemm dik dottrinali kif ukoll dik pastorali. Din is-“superjorià” tar-rażan fuq iż-żwieġ ma tfisser qatt,, fit-Tradizzjoni awtentika tal-Knisja, żvalutazzjoni taż-żwieġ jew indeboliment tal-valur essenzjali. Lanqas ma tfisser posponiment, avolja mpliċitu, fuq il-pożizzjonijiet manikej, jew inkella sosten b’mod li jivvaluta jew li jopera li jinbnew fuq l-intenzjoni manikea tal-ġisem u tas-sess, taż-żwieġ u tal-ġenerazzjoni. Is-superjorità evanġelika u awtentikament kristjana tal-verġinità, tar-rażan, hija konsegwentement iddettata mill-mottiv tas-Saltna tas-Smewwiet. Fil-kliem ta’ Kristu, ikkwotat minn Mattew (cf. Mt 19, 11-12), insibu bażi solida għall-kwalunkwè ċensura taż-żwieġ, li setgħet qatt kienet preżenti fl-għarfien ta’ dik is-superjorità. Dwar din il-problema nerġgħu lura fir-riflessjoni tagħna li jmiss.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara d-diskors oriġinali bit-Taljan >

%d bloggers like this: