Fl-24 ta’ Lulju l-Knisja tfakkar lil Beata Marija Mercedes Prat, Verġni u Martri li għexet bejn is-snin 1880 sa 1936.
Mercedes Prat twieldet f’Barċellona, fis-6 ta’ Marzu, 1880. L-għada, hija ġiet mgħammda. Għamlet l-ewwel tqarbina tagħha, fit-30 ta’ Ġunju, 1890.
Minn ċkunitha Mercedes ingħatat kompletament lil Alla. Ma kinitx tgħaddi ġurnata li hija ma tersaqx biex tirċievi l-Ewkaristija.
Kellha mħabba kbira għall-proxxmu u għamlet dak li setgħet sabiex tnibbet din il-kwalità ta’ mħabba f’ħaddieħor.
Meta kienet fl-iskola, kienet magħrufa għat-tjubija tagħha u għad-dedikazzjoni tagħha għall-istudju. Kienet eċċellenti fil-ħjata u fit-tpinġija, għaliex kienet imżejna bit-talent tal-arti.
Fl-1904, hija ngħaqdet mas-Soċjetà ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù, f’Tortosa, u bdiet in-novizzjat tagħha. Hija għamlet l-ewwel professjoni tagħha, fl-1907.
Fl-1920, Swor Mercedes inbagħtet il-Motherhouse, Barċellona. Kien hemm taqlib sħiħ, il-Gvern kien anti-kattoliku u ma kellu l-ebda simpatija lejn il-Knisja.
Minn hawn beda l-martirju għal Swor Mercedes. Fis-19 ta’ Lulju tal-1936, il-komunità kellha tħalli l-iskejjel tagħha u taħrab. Hija kienet waħda mir-reliġjużi, u fit-23 ta’ Lulju ġiet arrestata u xkubettatha, għaliex kienet soru.
Hija mietet filgħodu kmieni nhar l-24 ta’ Lulju, 1936. Ġiet ibbeatifikatha mill-Qaddis Papa Ġwanni Pawlu II, fid-29 ta’ April, 1990.
Aktar dettalji
Il-Beata Marija Mercedes Prat kienet reliġjuża għal qalb t’Alla: sinċiera u dejjem prudenti fi kliemha, kalma, ġentili, ta’ tjieba kbira għal kulħadd iżda ta’ karattru sod. Hija tħarrġet b’żelu u dedikazzjoni fl-appostolat tat-tagħlim f’diversi skejjel. Il-ħajja reliġjuża tagħha kienet immarkata minn sempliċità qawwija u għotja sħiħa ta’ mħabba lejn Alla u l-aħwa. Alla kien il-maħbub tagħha u l-imħabba tagħha għalih kompliet dejjem tikber, sal-punt li kienet lesta li tagħti ħajjitha għal Alla.
L-ewwel jiem tal-gwerra Spanjola għamlu minnha waħda mill-ewwel vittmi tal-gwerra. Ġiet arrestata mill-militanti flimkien ma’ soru oħra tal-komunità, u wara ġurnata ta’ turmenti morali, ġiet fuċillata ma’ priġunieri reliġjużi oħra. Mietet wara agunija twila, li matulha ħafret lill-eżekuturi tagħha, fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu.