Il-Papa fil-Laqgħa Ekumenika fil-Katidral, Mdina. 1990


Laqgħa Ekumenika Fil-Katidral tal-Imdina.

27 ta’ Mejju 1990

Ħuti għeżież,

  1. Nħossni ferħan ħafna li għandi din l-opportunitàli niltaqa’ ma’ membri tad-diversi Knejjes u komunitajiet ekkleżjali li hawn f’Malta. Nagħtikom merħba f’isem il-Mulej u Salvatur wieħed tagħna Ġesù Kristu u naċċertakom mill-gratitudni tiegħi talli ġejtu hawn illum wara nofsinhar.

            Aħna miġbura hawn bħala nsara bi tweġiba għas-sejħa t’Alla. Il-moviment ekumeniku, li hu ħidma mhux l-aktar tal-bniedem imma tal-Ispirtu s-Santu, huwa grazzja għaż-żminijiet li fihom qegħdin ngħixu. Huwa rigal li għalih hija ħaġa f’waqtha li nroddu ħajr u nfaħħru ‘l Alla. Matul l-għexieren ta’ snin ta’ dan is-seklu għajnejna nfetħu u qed naraw aktar biċ-ċar li l-għaqda tal-insara hija tabilħaqq ir-rieda t’Alla u li aħna msejħin biex nikkooperaw biex din l-għaqda sseħħ. It-tiftix għall-għaqda nisranija jitlob minna li niskopru mill-ġdid il-wirt komuni tal-fidi u tal-valuri morali.  Ifisser li neżerċitaw il-memorja komuni tagħna biex flimkien nagħmlu tagħna l-veritajiet kbar tal-fidi u niftħu beraħ il-ġrieħi tal-imgħoddi għall-imħabba fejjieda tas-Salvatur Glorjuż tagħna mqajjem mill-mewt. Il-komunjoni sħiħa tal-ġnus kollha fil-fidi u fil-ħajja sagramentali hija l-pjan t’Alla għall-familja tiegħu. Dan il-pjan intwera lilna fi Kristu u minn żmien għal ieħor qed isir dejjem aktar ċar għalina taħt it-tmexxija tal-Ispirtu s-Santu fil-Knisja.

  1. Hemm tifsira speċjali fil-fatt li aħna qegħdin nirriflettu dwar din l-isfida fil-post fejn ninsabu miġburin illum.  Hawn, fil-Katidral tal-Imdina, qegħdin fil-belt il-qadima – il-“Vecchia Città” – ta’ Malta. Skont tradizzjoni popolari dan il-Katidral inbena fil-post fejn qabel kien hemm il-palazz ta’ Publju, il-“protos” tal-Gżira, li laqa’ lil Pawlu ta’ Tarsu meta dan sofra n-nawfraġju fi triqtu lejn Ruma.Il-Ktieb tal-Atti tal-Appostli jirrakkonta: “il-gżira kien jisimha Malta. In-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa, għax kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard.” (Atti 28:1-2)

            Il-figura ta’ San Pawl iddawwal il-ħidma ekumenika u missjunarja li l-insara jħabbtu wiċċhom magħha llum. Il-kitbiet tiegħu jqegħdu quddiemna, b’mod vivaċi, il-qalba tal-messaġġ tal-Evanġelju: li Ġesù Kristu hu s-Salvatur waħdieni tagħna u li bil-fidi fih aħna nsibu l-ħajja ta’ dejjem. Il-ħidma ta’ Kristu – il-Mewt u l-Qawmien tiegħu li jwasslulna s-salvazzjoni – huma l-qofol tal-fidi tagħna. Din  hi l-Aħbar it-Tajba li aħna lkoll irċevejna.  Huwa messaġġ li l-poplu ta’ Malta laqa’ matul iż-żminijiet. Dan il-messaġġ nebbaħhom biex jimxu fuq il-passi ta’ San Pawl billi jxerrdu l-Aħbar it-Tajba f’ħafna nħawi tad-dinja, huma u jimitaw il-kuraġġ u l-ħeġġa tiegħu u r-rieda tiegħu li jagħmel sagrifiċċji kbar għat-tixrid tal-Evanġelju.

            Illum, aħna u resqin lejn it-tielet millennju tal-era nisranija, jeħtieġ li aħna lkoll li tgħammidna fi Kristu nagħtu xhieda qawwija u dejjem iżjed magħquda tiegħu. Id-differenzi li jfixkluna milli ngawdu s-sħuħija tal-għaqda fil-fidi u l-ħajja sagramentali, kif inhi r-rieda ta’ Kristu għas-segwaċi tiegħu, m’għandhomx jaljenawna mill-meravilja ta’ dak li hu komuni għalina: Salvatur personali li miet u qam mill-mewt biex aħna nkunu nistgħu jkollna l-ħajja. It-tiftix għall-għaqda u s-sejħa li nkunu xhieda nisranija huma qrib ħafna ta’ xulxin.   Qatt ma għandu wieħed jaħseb li l-ħidma missjunarja u l-ħidma ekumenika huma b’xi mod f’kompetizzjoni ma’ xulxin, jew li xi waħda minnhom tiżviluppa b’dannu tal-oħra. L-istess ħidma tagħna lejn l-għaqda fiha nnifisha tagħti xhieda għall-ħidma t’Alla li tfejjaqna u tirrikonċiljana .  Aħna nfittxu dejjem rikonċiljazzjoni aktar fil-fond bejnietna biex id-dinja tagħraf aktar biċ-ċar li “Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu” (2 Kor 5:19).

  1. Huwa fil-kuntest ta’ dawn ir-riflessjonijiet li nixtieq nieħu din l-opportunità biex infaħħar il-ħidma tal-Kummissjoni Ekumenika Kattolika.  Il-poplu Malti huwa kważi kollu Kattolika u l-Insara l-oħra fil-biċċa l-kbira tagħhom jiġu minn barra l-pajjiż. Imma l-kattoliċi ta’ Malta ma naqsux li jifhmu li l-Knisja Kattolika hija impenjata fil-moviment ekumeniku b’deċiżjoni li ma tistax titreġġa lura u tixtieq tagħti s-sehem tagħha fih bil-possibiltajiet kollha tagħha.(Indirizz lill-Kurja Rumana, 29 ta’ Ġunju 1985).

            Ir-responsabbilità li sseħħ din il-ħidma mhix qegħda biss f’dawk l-artijiet fejn hemm preżenza qawwija ta’ Ortodossi, Anglikani jew Insara Protestanti flimkien mal-Knisja Kattolika. Għall-kuntrarju, dawk il-pajjiżi għandhom ħtieġa kbira tat-talb, l-interess u l-għajnuna ta’ pajjiżi b’maġġoranza kbira Kattolika. Meta xi Knisja oħra jew komunità ekkleżjali oħra taqbel li tidħol fi djalogu mal-Knisja Kattolika, hija tidħol f’relazzjoni ġdida mal-Knisja Kattolika kollha. Il-Kummissjoni Ekumenika f’Malta, hi u tagħraf dan il-fatt, ippruvat tmexxi ‘l quddiem spirtu ekumeniku fost il-komunità Kattolika.  Dan imbagħad wassal għal relazzjoni kordjali bejn il-Kattoliċi u l-Insara l-oħra li qed igħixu hawn. L-importanza ta’ din il-ħidma tagħkom lokali u ta’ dawn ir-relazzjonijiet tajba m’għandha titnaqqas fil-qies tagħha b’ebda mord.

  1. Għeżież ħbieb, aktar minn elf u disa’ mitt sena ilu Malta laqgħet u tat merħba mimlija mħabba lill-kbir Appostlu Pawlu li wasslilha messaġġ ta’ rikonċiljazzjoni. Il-Maltin laqgħuh bi tjubija u mħabba u l-messaġġ tiegħu rabba l-għeruq f’din l-art.  Jien inħeġġiġkom ilkoll illum biex għal darb’oħra tilqgħu l-messaġġ ta’ Pawlu li “Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu” (2 Kor 5:19). Jien inħeġġiġkom biex tidħlu aktar fil-fond fit-talba ta’ Kristu: “Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni” (Ġw 17:21).

            Lir-rappreżentanti tal-komunità Musulmana rrid infissrilhom ix-xewqat tajba minn qalbi u nirringrazzjakom talli ġejtu hawn.  Naċċertakom li l-Knisja Kattolika tħares lejkom b’sentimenti ta’ fraternità u ta’ stima, għax tittama li ħafna ġid ta’ fejda għall-umanità jista’ joħroġ minn aktar kompresjoni u djalogu bejnietna.  Huwa tabilħaqq importanti li dawk kollha li jemmnu f’Alla Ħanin u li jista’ kollox iħabirku flimkien biex imexxu ‘l quddiem u jħarsu, għall-umanità kollha, il-ġustizzja soċjali, il-valuri morali, il-paċi u l-libertà reliġjuża effikaċi u reċiproka (ara Nostra Aetate, 3).

            Ejjew inkunu mħeġġin fit-talb u qawwijin fil-fidi. J’Alla Alla li beda din il-ħidma tajba fina jwassalha sat-tmiem. Ammen