IL-PAPA LJUN XIV
REGINA CAELI
Pjazza San Pietru
Is-VI Ħadd tal-Għid, 10 ta’ Mejju, 2026
Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!
Fl-Evanġelju tal-lum smajna kliem li Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu waqt l-Aħħar Ikla. Filwaqt li l-ħobż u l-inbid jagħmilhom sinjal ħaj ta’ mħabbtu, Ġesù jgħid: “Jekk tridu tħobbuni, osservaw il-kmandamenti tiegħi” (Ġw 14,15). Din l-affermazzjoni teħlisna minn ekwivoku, jiġifieri l-idea li aħna maħbubin jekk nosservaw il-kmandamenti: allura l-ġustizzja tagħna tkun kundizzjoni biex Alla jħobbna. Għall-kuntrarju, l-imħabba t’Alla hi kundizzjoni għal-ġustizzja tagħna. Nosservaw il-kmandamenti verament skont ir-rieda t’Alla, jekk aħna ngħarfu mħabbtu lejna, kif Kristu rrivelaha lid-dinja. Allura, kliem Ġesù huwa stedina għar-relazzjoni, mhux rikatt jew sospensjoni dubjuża.
Din hi r-raġuni għala l-Mulej jikkmandana biex inħobbu lil xulxin kif ħabbna Hu (cfr Ġw 13,34): hi l-imħabba ta’ Ġesù li tqanqal fina l-imħabba. Kristu nnifsu hu l-kriterju, il-liġi tal-imħabba vera: dak li hu fidil għal dejjem, safi u li ma jiddetta ebda kundizzjoni. Dak li ma jafx la “l-imma” u lanqas “il-forsi”, dak li jingħata bla ma jrid jiskeb lura, dak li jagħti l-ħajja bla ma jieħu xejn lura. Ladarba Alla ħabbna l-ewwel, aħna wkoll nistħu nħobbu; u meta nħobbu verament lil Alla, insiru nħobbu lil xulxin verament. Jiġri bħalma jiġri fil-ħajja: min irċevieha biss jista’ jgħix u l-istess l-imħabba, hu biss min hu maħbub li jista’ jħobb. Il-kmandamenti tal-Mulej, għalhekk, huma amar għall-ħajja nisranija li jfejquna minn imħabbiet foloz; huma stil spiritwali, triq lejn is-salvazzjoni.
Propju għax iħobbna, il-Mulej qatt ma jħallina waħedna fi żmien il-prova: iwegħedna l-Paraklitu, jiġifieri l-Avukat Difensur, “l-Ispirtu tal-verità” (Ġw 14,17). Hu rigal li d-dinja ma tistax tirċevih dment lil tibqa’ twebbes rasha u tgħakkes lill-fqir, twarrab lid-dgħajjef, toqtol l-innoċenti. Iżda min jikkorrispondi mal-imħabba li Ġesù għandu lejn kulħadd, fl-Ispirtu s-Santu jsib alleat li qatt ma jittradixxi: “Intom tafuh – jgħid Ġesù – għax Hu jibqa’ qribkom u jkun fikom” (ibid.). Allura kull fejn inkunu u dejjem, nistgħu nkunu xhieda ta’ Alla li hu mħabba: dil-kelma mhix idea tal-moħħ iżda r-realtà divina li permezz tagħha kollox inħalaq mix-xejn u nfeda bil-mewt.
Meta offrielna l-imħabba vera u eterna, Ġesù qasam magħna l-identità tiegħu ta’ Iben maħbub: “Jien fil-Missier, intom fija u jiena fikom” (v 20). Din il-komunjoni ta’ ħajja li tinvolvi lil kulħadd tiċħad lill-Akkużatur, jiġifieri l-avversarju tal-Paraklitu, l-ispirtu għadu tad-difensur tagħna. Infatti, filwaqt li l-Ispirtu s-Santu hu forza ta’ verità. dan l-Akkużatur hu “missier il-gideb” (Ġw 8,44), li jrid joħloq ġlieda bejn il-bniedem u Alla u l-bnedmin bejniethom: propju l-maqlub ta’ dak li jagħmel Ġesù, li jsalvana mill-ħażen u jgħaqqadna flimkien bħala poplu ta’ aħwa fil-Knisja.
Għeżież, mimlijin gratitudni għal dan id-don, nafdaw lilna nfusna fl-interċessjoni tal-Verġni Marija, Omm l-Imħabba Divina.
Wara r-Regina Caeli
Għeżież ħuti,
bi ħassib kbir waslitli l-aħbar li qed tiżdied il-vjolenza fir-reġjun ta’ Sahel, partikolarment fiċ-Chad u fil-Mali, li dan l-aħħar sofrew attakki terroristiċi. Niżgura talbi għall-vittmi u l-qrubija tiegħi lejn dawk li qed isofru. Nawgura li tieqaf kull forma ta’ vjolenza u ninkoraġġixxi kull sforz li jsir għall-paċi u l-żvilupp ta’ dik l-art maħbuba.
Fl-10 ta’ Mejju ta’ kull sena jkun iċċelebrat “Il-Jum ta’ ħbiberija bejn il-Kopti u l-Kattoliċi’. Insellem fraternament lill-Qdusija Tiegħu, il-Papa Tawadros II u niżgura talbi għall-maħbuba Knisja Kopta kollha, bit-tama li l-mixja ta’ ħbiberija tagħna twassalna għall-għaqda perfetta fi Kristu, li sejħilna “ħbieb” (cfr Ġw 15,15).
U issa nagħti merħba lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini minn diversi pajjiżi! Insellem partikolarment lill-grupp “Guardie d’Onore al Sacro Cuore di Ġesù” minn diversi bliet Taljani u lill-Volontarji għall-Evanġelizzazzjoni, marbutin mal-familja ta’ Radju Marija; kif ukoll lill-Assoċjazzjoni tal-Volontarjat “Komen Italia”, impenjata fil-prevenzjoni tal-kanċer tas-sider.
Nixtieq irrodd ħajr għall-akkoljenza tal-poplu tal-Gżejjer Kanarji li taw permess li l-vapur “Hondius” bil-morda tal-hantavirus jitrakka fil-port tagħhom. Jien kuntent li se nitlaqa’ magħkom ix-xahar id-dieħel meta nżur dawk il-gżejjer.
U llum infakkru speċjalment lill-ommijiet kollha! Bl-interċessjoni ta’ Marija, Omm Ġesù u Ommna, nitolbu bl-għożża u l-gratitudni għall-ommijiet kollha, speċjalment dawk li jgħixu f’kundizzjonijiet mill-aktar diffiċli. Grazzi! Alla jberikkom!
U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber