San Tumas ta’ Aquino, twieled madwar is-sena 1225 f’Roccasecca fl-Italja. Huwa kien patri Dumnikan, teologu u filosofu li kellu influwenza kbira fuq il-ħsieb Nisrani u fuq il-filosofija tal-Punent. Illum huwa meqjus bħala wieħed mill-akbar għorrief tal-Knisja Kattolika.
Minn età żgħira, Tumas wera intelliġenza kbira u interess profond fit-tagħlim u fir-reliġjon. Studja fl-Università ta’ Napli u aktar tard ingħaqad mal-Ordni Dumnikan, deċiżjoni li ma tantx għoġbot lill-familja nobbli tiegħu. Wara, kompla l-istudji tiegħu f’Pariġi u Cologne taħt il-gwida tal-filosfu magħruf Albertu l-Kbir.
San Tumas ipprova jgħaqqad il-fidi Nisranija mal-filosofija ta’ Aristotle. Huwa sostna li r-raġuni u l-fidi ma jmorrux kontra xulxin, iżda jistgħu jgħinu lil xulxin biex il-bniedem jasal għall-verità.
L-aktar xogħol magħruf tiegħu huwa l-ktieb Summa Theologica, li fih spjega b’mod sistematiku ħafna tagħlim tal-Knisja Kattolika dwar Alla, il-moralità, is-sagramenti u n-natura tal-bniedem. Dan ix-xogħol għadu studjat sal-lum fis-seminarji u fl-universitajiet madwar id-dinja.
San Tumas miet fis-sena 1274 waqt li kien sejjer għall-Konċilju ta’ Lyon. Aktar tard ġie ddikjarat qaddis mill-Knisja Kattolika u ngħata t-titlu ta’ “Duttur tal-Knisja” minħabba l-għerf u t-tagħlim tiegħu.
Il-festa tiegħu tiġi ċċelebrata fit-28 ta’ Jannar. San Tumas ta’ Aquino jibqa’ simbolu ta’ għaqda bejn il-fidi, ir-raġuni u t-tfittxija għall-verità.
Jekk tixtieq tara filmat bil-Malti dwar San Tumas ta’ Aquino li jista’ jkunlek ta’ introduzzjoni dwar dan il-qaddis, allura tista’ tara dan ta’ hawn taħt. Fih ftit inqas minn kwarta. Imma aktar ‘l isfel issib dokumentarju bl-Ingliż li jidħol f’aktar dettal u jagħti aktar tagħrif …

Xi tagħrif dwar id-dokumentarju ta’ hawn taħt …
Dan il-filmat huwa bijografija tal-Qaddis Tumas ta’ Aquino; filosfu medjevali, teologu Kattoliku, u patri Dumnikan li rrikonċilja l-fidi mar-raġuni, lil Aristotli mal-Kristjaneżmu, u sawwar il-filosofija u t-teoloġija tal-Punent għal aktar minn seba’ sekli.
Id-dokumentarju ta’ hawn taħt jesplora l-ħajja kollha ta’ San Tumas ta’ Aquino, minn twelifu fil-Kastell ta’ Roccasecca fl-Ewropa medjevali sal-edukazzjoni tiegħu fl-Abbazija ta’ Monte Cassino, it-tradiment drammatiku tal-familja tiegħu, il-ħabs, u t-tkabbir intellettwali tiegħu fl-Università ta’ Pariġi taħt Albertu l-Kbir. Id-dokumentarju jesplora l-kriżi medjevali kbira kkawżata mir-ritorn tal-filosofija ta’ Aristotli, u kif Tumas wieġeb għaliha permezz ta’ xogħlijiet monumentali bħas-Summa kontra l-Ġentili u s-Summa Teoloġika
Hawn naraw ukoll fuq it-tagħlim ta’ Tumas ta’ Aquino dwar il-liġi naturali, l-etika, ir-raġuni umana, u t-teoloġija Nisranija.
Nota ta’ l-aħħar: Il-produtturi tal-filmat jirrakmandawlma li d-dokumentarju narawh f’ħin li nkunu rilassati, forsi filgħaxija qabel l-irqad. Hu x’inhu, id-dokumentarji jistedinna nistrieħu waqt li nesploraw wieħed mill-aktar ħassieba influwenti fl-istorja tal-bniedem.
Hu x’inhu, id-dokumentraju huwa twil ftit aktar minn sagħtejn, għalhekknikun tajjeb li nsibu l-aktar ħin addattat għalina.