Ad Gentes: Digriet tal-Konċilju Vatikan II fuq il-Ħidma Missjunarja tal-Knisja

Ad Gentes u l-missjoni li tana l-Mulej Ġesù ftit qabel ma tela’ fis-sema

Ara dan id-dokument Ad Gentes bil-Malti …

Il-Knisja ma tistax tibqa’ magħluqa fiha nnifisha jew maqfula fis-sagristiji tagħha, iżda hi msejħa biex toħroġ fid-dinja u tiltaqa’ mal-bniedem fejn jinsab. Din kienet tema ċentrali fil-ħsieb ta’ Papa Franġisku, li spiss tkellem dwar Knisja li toħroġ, Knisja li tersaq lejn il-periferiji umani u spiritwali, Knisja li tisma’, takkumpanja u dejjem twassal il-ħniena ta’ Alla.

Madankollu, din il-viżjoni ma kientx xi ħaġa ġdida għall-Papa Franġisku, għaliex l-istess Konċilju Ekumeniku Vatikan II, kien tkellem dwarha fid-dokumenti tieghu, b’mod speċjali fid-Digriet Ad Gentes, li jfakkarna li l-Knisja hija missjunarja min-natura tagħha u msejħa biex twassal l-Evanġelju lill-popli kollha permezz tax-xhieda, tad-djalogu u tal-qadì.

Din is-seħja li għandha l-Knisja ġejja, minn Kristu nnifsu. Kien propju dak inhar stess tat-tlugħ tiegħu fis-sema, li ftit qabel ma mar lura għand Missieru qalilhom, “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien”. (Mt 28:19-20). Din hija il-missjoni ad gentes – lill-ġnus li wieħed mis-sittax il-dokument tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II jitratta speċifikament dwarha.

Id-Digriet Ad Gentes huwa wieħed mill-aktar dokumenti importanti tal-Konċilju Vatikan II dwar il-missjoni tal-Knisja. Ġie promulgat mill-Papa Pawlu VI fis-7 ta’ Diċembru 1965, u jibqa’ sa llum punt fundamentakli ta’ riferiment fil-ħsieb tal-Knisja dwar l-evanġelizzazzjoni, dwar id-djalogu bejn il-popli, u dwar is-sejħa universali għall-fidi u s-solidarjetà.

Il-Kuntest storiku tad-Digriet Ad Gentes

Il-Konċilju Vatikan II seħħ fi żmien ta’ bidliet profondi fid-dinja: il-gwerra bierda, id-dekolonizzazzjoni ta’ diversi popli, fosthom tagħna li kien qed jieħdu l-indipendenza, il-progress teknoloġiku, u l-kuntatt dejjem jikber bejn bosta kulturi differenti. F’dan il-kuntest, il-Knisja ħasset il-ħtieġa li terġa’ tirrifletti fuq il-missjoni tagħha fid-dinja moderna. Fil-konċilju nnifsu, ħadu sehem madwar 2,500 isqof mid-dinja kollha, u għalhekk ma setgħa qatt ikum hemm fora ta’ diskussjoni aktar addattat dwar dan is-suġġett.

Ad Gentes jinsisti li l-missjoni mhix biss ix-xogħol tas-saċerdoti jew missjunarji f’artijiet imbiegħda, iżda hija vokazzjoni tal-Poplu ta’ Alla kollu. Kull Nisrani hu msejjaħ biex ikun xhud tal-Evanġelju permezz tal-ħajja tiegħu, tal-ġustizzja, tal-paċi, u tal-imħabba lejn il-proxxmu.

Il-qalba tat-tagħlim tal-Ad Gentes

Wieħed mill-aktar punti importanti tad-dokument, Ad Gentes hu li l-Knisja hija missjunarja min-natura tagħha stess. Dan ifisser li hija ma teżistix biss għaliha nnifisha, iżda biex twassal il-Bxara t-Tajba lil kull bniedem.

Id-dokument jenfasizza diversi aspetti;

  • rispett ugwali lejn kulturi u popli differenti,
  • il-ħtieġa tad-djalogu ma’ reliġjonijiet oħra,
  • l-importanza tal-lajċi fil-missjoni tal-Knisja,
  • il-promozzjoni tad-dinjità tal-bniedem u l-ġustizzja soċjali,
  • u l-bini ta’ komunitajiet lokali ħajjin u responsabbli.

F’dawn naraw bidla kbira minn mentalità purament ta’ Knisja magħluqa fiha nfisha għal waħda ta’ kollaborazzjoni u rispett reċiproku. Il-pedament tat-teoloġija kattolika qabel il-Konċilju kien, “Extra Ecclesiam nulla salus – Barra mill-Knisja mhemmx salvazzjoni”. Sabiex issalva ħtieġlek tkun fuq id-dgħajsa ta’ Pietru.

L-Importanza ta’ Ad Gentes fi żmienna

Illum, 60 sena wara, id-dinja qed tgħix sfidi universali kbar; gwerer, migrazzjoni, kriżijiet ambjentali, sekularizzazzjoni, faqar, polarizzazzjoni politika, u nuqqas qawwi ta’ sens spiritwali. F’dan il-kuntest, Ad Gentes jibqa’ straordinarjament attwali.

1. Knisja li toħroġ lejn il-Popli

Il-viżjoni ta’ Ad Gentes dehret b’mod ċar matul il-pontifikati tal-papiet kollha mill-konċilju ‘l hawn. Il-Papa Pawlu VI nnifsu li fl-4 ta’ Ottubru 1965, sar l-ewwel Papa li żar Il-Ġnus Magħquda fi New York, u hemm, fl-Assemblea Ġenerali, għamel appell storiku għall-paċi fid-dinja u għad-diżarm.

2. Id-Djalogu u l-Paċi

F’dinja mifruda minn kunflitti u estremiżmu, Ad Gentes jenfasizza li l-evanġelizzazzjoni trid timxi id f’id mar-rispett reċiproku, id-djalogu u l-paċi. Il-Knisja mhijiex imsejħa biex timponi, iżda biex tkun xhur tal-Evanġelju permezz tal-imħabba u l-qadi. Dan għandu valur enormi f’soċjetajiet multi-kulturali bħal dawk Ewropej tal-lum, fejn Insara, Musulmani, Lhud u nies ta’ twemmin differenti jgħixu flimkien.

3. Il-Migrazzjoni u l-Universalità tal-Knisja

Il-movimenti kbar ta’ migranti u refuġjati mhux biss qed ibiddlu l-identità tradizzjonali tal-popli, imma wkoll il-wiċċ tal-Knisja. Illum fl-istess Knejjes lokali nfushom tidher qawwija l-universalità tal-Knisja. Ad Gentes ifakkarna li l-Knisja hija universali u miftuħa għal kull poplu u lingwa. Il-komunitajiet Insara huma msejħa jilqgħu lill-barrani u jaraw fih lil Kristu nnifsu. Għal pajjiżi Mediterranji bħal Malta, dan hu messaġġ partikolarment relevanti.

4. Il-Lajċi bħala Missjunarji

Illum il-missjoni tal-Knisja ma tistax tiddependi biss fuq il-kleru. Ad Gentes jagħraf il-vokazzjoni tal-lajċi u dan mhux għaliex naqas in-numru tas-saċerdoti u r-reliġjużi. Mill-Magħmudija tagħhom il-lajċi wkoll huma msejħa għall-missjoni, fil-familja, fuq il-post tax-xogħol, fil-politika, fl-edukazzjoni u fil-media. Kull nisrani jista’ u għandu jkun missjunarju permezz tal-ħajja tiegħu ta’ integrità u solidarjetà.

Għalhekk, Ad Gentes mhuwiex biss dokument storiku tal-Konċilju Vatikan II, imma huwa sejħa profetika għall-Knisja ta’ kull żmien. F’dinja globalizzata iżda mifruda, teknoloġikament avvanzata iżda spiritwalment bil-ġuħ, il-messaġġ tiegħu jibqa’ urġenti: Il-Knisja trid tkun sinjal ta’ tama, ta’ għaqda u ta’ servizz għall-familja umana kollha.

Il-missjoni Nisranija llum mhijiex dominazzjoni jew propaganda, iżda xhieda ta’ mħabba, verità u fraternità universali. Propju għalhekk, Ad Gentes jibqa’ wieħed mill-aktar testi importanti biex nifhmu x’għandha tkun il-Knisja fis-seklu wieħed u għoxrin.

Ara dan id-dokument Ad Gentes bil-Malti …

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading