Sbatax-il mitt sena wara l-Konċilju ta’ Niċea

Il-Kriżi Arjana u t-twelid tal-Ortodossija Nisranija

Il-Konċilju ta’ Niċea kien wieħed mill-aktar avvenimenti importanti fl-istorja tal-Kristjaneżmu u tal-Imperu Ruman. Qabel xejn, dan kien l-ewwel konċilju ekumeniku tal-Knisja u tlaqqa fis-sena 325 W.K. fil-belt ta’ Niċea. Ħadu sehem fih mijiet ta’ isqfijiet minn madwar id-dinja nisranija ta’ dak iż-żmien u l-iskop tagħhom kien li jsolvu tilwima teoloġika kbira li kienet qed thedded l-għaqda tal-Knisja u tal-imperu nnifsu.

Il-belt antika ta’ Niċea tinsab fit-Turkija tal-lum, fil-provinċja ta’ Bursa, fil-majjistral tal-pajjiż. Fi żmienna, il-belt hija magħrufa bl-isem ta’ Iżnik. Niċea kienet qrib il-Lag Iżnik u kienet parti mir-reġjun storiku ta’ Bithynia fl-Asja Minuri. Kien post importanti ħafna fi żmien l-Imperu Ruman u aktar tard fl-Imperu Biżantin, għax kien qrib Kostantinopli, Istanbul tal-lum, li kienet il-kapitali imperjali. Il-belt għadha teżisti u fiha għad hemm fdalijiet storiċi importanti, bħal ħitan antiki, knejjes Biżantini u siti marbuta ma’ dan l-ewwel Konċilju tal-Knisja.

L-Isfond storiku

Fil-bidu tas-seklu erbgħa, il-Kristjaneżmu kien għadu kif ħareġ minn żmien twil ta’ persekuzzjonijiet taħt diversi imperaturi Rumani. Meta Kostantinu l-Kbir sar imperatur u rebaħ il-Battalja tal-Pont Milvjan fl-312 W.K., huwa beda jiffavorixxi lill-Insara. Bl-Editt of Milan, il-Kristjaneżmu kien mogħti rikonoxximent u libertà legali fl-imperu kollu.

Iżda hekk kif waqfu l-persekuzzjonijiet minn barra, qamu kunflitti fuq ġewwa. L-akbar waħda kienet il-kontroversja Arjana, imsemmija għal Arju, qassis minn Alessandrija. Arju sostna li Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla, ma kienx etern bħall-Missier, iżda kien maħluq minnu. Skont it-tagħlim tiegħu, kien hemm żmien meta l-Iben ma kienx jeżisti.

Din il-fehma qanqlet reazzjoni qawwija minn ħafna isqfijiet, partikolarment minn Atanasju Isqof ta’ Alessandrija. Huwa sostnew li Kristu kien tassew divin u etern, kif ukoll tal-istess sustanza mal-Missier.

Għaliex ġie msejjaħ dan il-Konċilju

L-Imperatur Kostantinu kien konvint li l-għaqda reliġjuża fil-Knisja kienet essenzjali għall-istabbiltà politika fl-imperu. Il-kunflitt bejn l-Arjani u l-avversarji tagħhom beda jinfirex mal-Lvant kollu tal-imperu u kien qed joħloq tensjonijiet serji fost il-poplu u l-kleru. Biex isolvi din il-kriżi, Kostantinu sejjaħ konċilju ekumeniku — jiġifieri laqgħa universali tal-isqfijiet tal-Knisja. Minn dan jidher li kienx minn dejjem li l-Papa jsejjaħ konċilju, imma fil-bidu, kien Imperatur. Kien hemm diversi konċilji ekumeniċi oħra tal-ewwel sekli tal-Knisja kienu msejħa mill-imperaturi Biżantini, fil-każ ta-Tieni Konċilju ta’ Niċea, fis-sena 787, dan kien imsejjaħ mill-Imperatriċi Irene.

Fik-konċilju ħadu sehem bejn 250 u 318 isqof, l-aktar mil-Lvant, għalkemm kien hemm ukoll xi rappreżentanti tal-Punent.

Il-ġrajja tal-Konċilju

Il-konċilju nfetaħ formalment fis-sajf tal-325 W.K. Għalemm ma kienx teologu, Kostantinu nnifsu ppresieda ċ-ċerimonja tal-ftuħ, fejn ħeġġeġ lill-isqfijiet biex jaslu għal ftehim u hekk jgħaqqdu lill-Knisja, u sintendi wkoll lill-imperu. Il-punt ċentrali tad-dibattitu kien dwar in-natura ta’ Kristu. Dawk li opponew lil Arju saħqu li Kristu kien tassew l-Iben ta’ Alla u natura waħda mal-Missier. Għal dak iż-żmien din kienet dikjarazzjoni tassew qawwija li Ġesù kien tassew Alla, mhux ħlejjqa inferjuri.

Wara dibattiti intensi, il-konċilju kkundanna t-tagħlim ta’ Arju bħala ereżija. Hemm kien ifformulat il-Kredu ta’ Niċea, professjoni ta’ fidi li għadna sal-lum nistqarru fil-quddies tal-Ħdud, solenitajiet u festi. Il-kredu ddikjara li Kristu huwa, “Alla minn Alla, Dawl minn Dawl, Alla veru minn Alla veru, imnissel mhux magħmul, u natura waħda mal-Missier.”

Arju u dawk li baqgħu jappoġġjawh ġew eżiljati, u l-kitbiet tiegħu kienu maħruqa

Deċiżjonijiet oħra tal-Konċilju

Minbarra l-kwistjoni Arjana, il-konċilju ħa diversi deċiżjonijiet importanti oħra:

  • Ġie stabbilit metodu komuni biex tiġi ċċelebrata l-festa tal-Għid.
  • Ġew promulgati kanoni dixxiplinari dwar l-imġiba tal-kleru.
  • Ġiet imsaħħa l-awtorità ta’ ċerti sedi episkopali ewlenin fosthom dik ta’ Ruma, ta’ Alessandrija, u ta’ Antjokja.

Għalkemm il-konċilju deher li solva l-kriżi, il-kontroversja Arjana ma spiċċatx immedjatament. Fil-fatt, għal ħafna snin wara, il-Knisja baqgħet maqsuma. Xi imperaturi li ġew wara Kostantinu appoġġjaw lill-Arjani, filwaqt li oħrajn appoġġjaw id-deċiżjoni ta’ Niċea.

Atanasju ta’ Alessandrija kien wieħed mill-ikbar difensuri tad-duttrina Niċejana. Huwa ġie eżiljat diversi drabi minħabba l-pożizzjoni tiegħu, iżda baqa’ jikteb u jiġġieled kontra l-Arjaniżmu.

Fl-aħħar, il-pożizzjoni ta’ Niċea rebħet u gradwalment, speċjalment wara l-Ewwel Konċilju ta’ Kostantinopli, li kkonferma u saħħaħ il-Kredu Niċen.

L-Importanza Storika

Il-Konċilju ta’ Niċea kellu u għad għandu importanza enormi għal diversi raġunijiet:

  1. Kien l-ewwel konċilju ekumeniku tal-Knisja.
  2. Stabbilixxa l-bażi tad-duttrina Nisranija dwar it-Trinità.
  3. Wera r-relazzjoni dejjem aktar qrib bejn il-Knisja u l-istat imperjali.
  4. Ħoloq mudell għal konċilji futuri li kienu jiddeċiedu kwistjonijiet ta’ duttrina u dixxiplina.

Il-konċilju baqa’ simbolu tal-għaqda tal-Knisja u tal-isforz biex il-fidi Nisranija tiġi definita b’mod ċar fi żmien ta’ kriżi teoloġika.

Illum, 1,700 sena wara, il-Konċilju ta’ Niċea għadu meqjus bħala mument ta’ bidla fundamentali fl-istorja tal-Kristjaneżmu u tal-Ewropa Nisranija.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading