Il-Verġni Marija, mudell tal-Knisja. Id-9 katekeżi tal-Papa Ljun XIV dwar il-Lumen Gentium

LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 13 ta’ Mejju 2026

Katekeżi. Id-Dokumenti tal-Konċilju Vatikan II.
II. Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium.
9. Il-Verġni Marija, mudell tal-Knisja

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba u merħba!

Il-Konċilju Vatikan II ried jiddedika l-aħħar kapitlu tal-Kostituzzjoni dommatika fuq il-Knisja lill-Verġni Marija (ara Lumen gentium, 52-69). Hi “magħrufa bħala membru għoli u singulari tal-Knisja u bħala x-xbieha u l-mudell tagħha l-aktar perfett fil-fidi u fil-karità” (n. 53). Dawn il-kelmiet jistednuna nifhmu kif f’Marija, li bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu laqgħet u nisslet lill-Iben ta’ Alla li ġie fil-ġisem, nistgħu nagħrfu kemm il-mudell, kemm il-membru l-aktar għoli u kemm l-omm tal-komunità ekkleżjali kollha.

Marija ħalliet l-opra tal-Grazzja ssawwarha, u titwettaq fiha, u filwaqt li bil-fidi tagħha u bl-imħabba verġinali tagħha laqgħet id-don tal-Aktar Għoli, saret mudell perfett ta’ dak li l-Knisja kollha hi msejħa tkun, ħlejqa tal-Kelma tal-Mulej u omm tal-ulied ta’ Alla mnissla fid-doċilità tal-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu. Imbagħad, ladarba hi l-persuna ta’ fidi per eċċellenza, li fiha hi offruta lilna l-forma perfetta tal-ftuħ bla ebda kundizzjoni għall-misteru divin fil-komunjoni tal-poplu qaddis ta’ Alla, Marija hija membru l-aktar għoli tal-komunità ekkleżjali. Fl-aħħar nett, bħala dik li tnissel l-ulied fl-Iben, maħbuba fil-Maħbub etern li ġie fostna, Marija hija omm il-Knisja kollha, li lejha tista’ ddur bil-fiduċja ta’ wlied, fiċ-ċertezza li tiġi mismugħa, imħarsa u maħbuba.

Nistgħu nesprimu l-ġabra flimkien ta’ dawn il-karatteristiċi tal-Verġni Marija billi nitkellmu dwarha bħala mara ikona tal-Misteru. Fit-terminu mara tidher il-konkretezza storika ta’ din ix-xebba bint Iżrael, li lilha ngħata li tgħix l-esperjenza straordinarja li ssir omm il-Messija. Bl-espressjoni ikona nuru kif fiha jseħħ il-moviment doppju ta’ nżul u ta’ tlugħ: fiha jilmaw kemm il-ħatra b’xejn min-naħa ta’ Alla, u kemm il-kunsens ħieles tal-fidi fih. Marija hija allura l-mara ikona tal-Misteru, jiġifieri tal-pjan divin tas-salvazzjoni, darba mistur imma issa rrivelat fil-milja tiegħu f’Ġesù Kristu.

Il-Konċilju ħallielna tagħlim ċar fuq il-post singulari li għandha l-Verġni Marija fl-opra tal-Fidwa (ara Lumen gentium, 60-62). Fakkar li l-Medjatur waħdieni tas-salvazzjoni hu Ġesù Kristu (ara 1 Tim 2:5-6) u li l-Omm Imqaddsa tiegħu “bl-ebda mod ma ddallam jew tnaqqas il-medjazzjoni ta’ Kristu, iżda turi kemm hi qawwija” (ara LG, 60). Fl-istess waqt, “il-Verġni Mbierka kienet mill-eternità ppredestinata biex tkun Omm Alla b’digriet wieħed flimkien mal-Inkarnazzjoni tal-Verb ta’ Alla. […] B’hekk hi kellha sehem speċjali fil-ħidma tas-Salvatur, u bl-ubbidjenzna tagħha, bil-fidi, bit-tama u l-ħeġġa tal-karità tagħha, hi kkoperat miegħu biex l-erwieħ jiksbu mill-ġdid il-ħajja sopranaturali. Minħabba f’hekk hija kienet għalina omm fl-ordni tal-grazzja” (ibid., 61).

Fil-Verġni Marija hu rifless ukoll il-misteru tal-Knisja: fiha l-poplu ta’ Alla jsib irrappreżentati l-oriġni tiegħu, il-mudell tiegħu u l-patrija tiegħu. F’Omm il-Mulej il-Knisja tikkontempla l-misteru tagħha stess, mhux biss għax issib fiha l-mudell tal-fidi verġinali, tal-imħabba ta’ omm u tal-patt sponsali, li għalihom imsejħa, imma anki u fuq kollox għax tagħraf fiha l-arċitip tagħha, il-figura ideali ta’ dak li hi msejħa biex tkun.

Kif nistgħu naraw, ir-riflessjonijiet fuq il-Verġni Marija miġbura fil-Lumen gentium jgħallmuna nħobbu lill-Knisja u naqdu fiha t-twettiq tas-Saltna ta’ Alla li ġejja u li sseħħ b’mod sħiħ fil-glorja.

Għalhekk, inħallu jċaqlaqna dan il-mudell l-aktar għoli li hi Marija, Verġni u Omm, u nitolbuha tgħinna bl-interċessjoni tagħha biex inwieġbu għal dak li jiġi mitlub minna permezz tal-eżempju tagħha: jien qed ngħix b’fidi umli u attiva l-appartenenza tiegħi għall-Knisja? Nagħraf fiha l-komunità tal-patt li Alla tani biex inwieġeb għall-imħabba bla tarf tiegħu? Inħossni parti ħajja mill-Knisja, f’ubbidjenza għar-ragħajja mogħtija minn Alla? Inħares lejn Marija bħala mudell, membru l-aktar għoli u omm tal-Knisja, u nitlobha tgħinni nkun dixxiplu fidil ta’ Binha?

Ħuti, l-Ispirtu s-Santu, li niżel fuq Marija u msejjaħ minna b’umiltà u fiduċja, jagħtina li ngħixu b’mod sħiħ dawn ir-realtajiet tal-għaġeb. U, wara li nżilna fil-fond tal-Kostituzzjoni Lumen gentium, nitolbu lill-Verġni tiksbilna dan id-don: ħa tikber fina lkoll l-imħabba għal Ommna l-Knisja Mqaddsa. Hekk ikun!

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading