Il-Papa waqt iż-Żjara fil-Katidral, Victoria, Għawdex 1990

Print Friendly, PDF & Email

Waqt iż-Żjara fil-Katidral Rabat, Għawdex.

Għażiż Isqof Cauchi,

Ħuti,

  1. “Ikun imfaħħar Ġesu Kristu”. Hu b’ferħ kbir illi qed intenni dan il-kliem fostkom illum, għax huwa f’isem Kristu li jien qiegħed Malta bħala ragħaj u pellegrin. Lill-Knisja ta’Għawdex qed inwasslilha l-imħabba u t-tislijiet tal-poplu ta’ Alla kollu mxerred mad-dinja għaliex bħala membri tal-Ġisem ta’ Kristu aħna lkoll maqgħuda f’rabta ħajja ta’ mħabba u paċi; aħna lkoll ħaġa waħda fit-tifjħir tagħna lil Kristu r-Ras bis-setgħa ta’ l-Ispirtu s-Santu għall-gloria ta’ Alla l-Missier.

Nħossni profondament grat lejn l-Isqof Cauchi tal-kliem ġentili tiegħu ta’ merħba; u lejkom ilkoll talli ġejtu hawn illum biex tkunu mal-Papa f’dan il-Katidral sabiħ dedikat lil Marija Mtellgħa s-Sema. Din il-knisja matriċi ta’ Għawdex u l-knejjess l-oħra sbieħ li għalihom hi magħrufa d-Djoċesi tagħkom jerfgħu qlubna u mħuħna lejn il-ġmiel etern li hu Allah. Huma jispiraw it-talb u l-komtemplazzzjoni tal-misteri tal-fidi.

Iżda mingħajrkom – il-Poplu ta’ Alla li tiffurmaw din il-Knisja lokali – mingħajr il-fidi ħajja tagħkom jibqgħu dawn il-binjiet bil-ġmiel kollu tagħhom jibqgħu vojta u bla ħajja. Huma biss sinjali eterni tar-realta’ wisq aktar profonda li kellu f’moħħu San Pawl meta kiteb:  “Intom il-bini ta’ Alla” (1 Kor 3:9): “Intom mibnija lkoll fuq is-sisien ta’ l-apostli u tal-profeti, fejn Kristu hu l-ġebla tax-xewka. Fiħ il-bini kollu jintrabat sewwa, jitla’ f’tempju qaddis fil-Mulej; fih, intom ukoll fl-Ispirtu, tinbnew flimkien f’dar fejn igħammar Alla” (Efes 2:19-22).

  1. Għeżież ħbieb, il-preżenza tagħkom hawn illum qed tesprimi kemm il-  għaqda u kemm id-diversita; tat-tempju spiritwali li hu intom. Id-Djoċesi kollha hi reppreżentata hawnhekk: il-Kleru u l-poplu flimkien ma’ l-Isqof tagħkom. Hu sewwasew minn varjeta’ ta’ ministeri, kariżmi, u stati ta’ ħajja li intom “magħquda flimkien” permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu fix-xandir ta’ l-Evanġelu, fl-istqarrija tal-Kredu, fiċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti u billi tippruvaw tkunu il-melħ ta’ l-art u d-dawl tad-dinja (ara Mt 5:13-14).

Tabilħaqq, kif igħallem it-Tieni Konċilju Vatikan: “billi lil Alla għoġob u jsalva l-bnedmin mhux individwalment, mingħajr ebda rabta ma’ xulxin, iżda ried li jagħmel minnhom, poplu li jagħrafu fil-verita’ u jservih fil-qdusija” (Lumen Gentium, 9).

Illum inrodd ħajr għall-fidelta’ li biha l-Knisja locali tagħkom “tagħraf ‘l Alla u taqdih” fil-Fidi Kattolika. Intom tistgħu tkunu lkoll kburin bit-tradizzjonijiet reliġjużi qawwija tagħkom, bin-numru kbir ta’ qassisin u reliġjużi, bil ħafna inizjattivi Kattoliċi fl-oqsma soċjali, l-għadd ta’ movimenti lajċi u wkoll bis-sehem li qiegħed dejjem jiżdid tal-lajċi fil-ħajja djoċesana u parrokkjali. B’dawn il-modi kollha l-Knisja f’Għawdex hi “mibnija…f’dar fejn igħammar Alla fl-Ispirtu” (Efes 2:22).

San Pawl igħid li hu “fuq is-sisien ta’ l_Appostli u l-Profeti” li l-insara “jikbru f’tempju qaddis fil-Mulej” (Efes 2:20). L-iżvilupp hu sinjal ta’ ħajja. Bħala werrieta spiritwal ta’ dawk li l-kbir Appostlu evanġelizza f’Malta ftit wara l-bidu tal-Kristjaneżmu, intom jeħtieġ li ġġeddu t-tempju spiritwali ta’ Alla b’konverżjoni kontinwa bħala individwi u bħala kommunita’ biex twieġbu għall-isfidi ta’ llum. Billi ġejtu fdati bl-Aħbar it-Tajba tas-Salvazzjoni intom illum tridu tagħmlu kulma hu possibli biex tgħixu b’mod sħiħ u biex taqsmu  din il-ħajja ma’ ħaddieħor. Din hi l-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni, il-missjoni importanti li Kristu ħalla f’idejn l-ewwel Appostli u li issa qiegħed jafdaha f’idejkom.

  1.   Xi tfisser evanġelizzazzjoni? F’Għawdex ix-xogħol m’hux tant li twassal l-Evanġelju lil poplu li qatt ma sema’ bih daqskemm  li tgħix Evanġelju b’mod aktar sħiħ u perfett, sabiex id-dgħajfa, dawk li telqu u x-xettiċi ma jitbiegħdux minn Kristu iżda jħaddnu lilu u lir-rigal tas-salvazzjoni tiegħu. Fi kliem l-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Nuntiandi, l-esperjenza ta’ l-għaqda intima fost membri tal-Knisja bħalkom “tikseb it-tifsir tagħha sħiħ meta issier xhieda, meta tqanqal ammirazzjoni u konverżjoni, u meta hi nnifisha ssir priedka u proklamazzjoni ta’ l_Aħħbar it-Tajba” (N. 15)

Lanqas ma tieqaf l-evanġelizzazzjoni meta s-soċjeta’ taċċetta t-twemmin nisrani. Mingħajr l-“iżvilupp” li jsemmi San Pawl, ir-reliġjon tista’ malajr tirriduċi ruħħa fi tradizzjoni vojta. Fi kliem il-Mulej u Mgħallem tagħna, is-siġra tingħaraf mill-frott tagħha (Lq 6:44) u għalhekk soċjeta’ tas-sew nisranija tagħti l-frott it-tajjeb ta’ l-Ispirtu, jiġifieri, “mħabba, ferħ, paċi, sabar, ħniena, tjieba, fedelta’, ġentilessa u rażan” (Gal 5:22-23) u wkoll mogħdrija u maħfra reċiproka (ara Kol 3: 12-13).

Għalkemm il-prattika ta’dawn il-virtujiet tibda mill-individwi, l-għan ta’ l-evanġeizzazzjoni hu li tagħġinkom mas-soċjeta nnifisha u ma’ l-istituzzjonijiet soċjali: il-familja, l-edukazzjoni, il-politika, fuq ix-xogħol u f’kull settur tal-ħajja.

  1. Ħuti, ħafna minnkom diġa’ qed tagħtu sehem importanti fid-djoċesi u l-parroċċi tagħkom, u wkoll fis-soċjeta. Intom weġibtu b’mod ġeneriż għall-ħtiġijiet tal-Knisja f’Ġħawdex u anki f’pajjiżi oħra  permezz tal-ħidma tal-missjunari li nieshom qegħdin hawn illum u lilkom ilkoll li qed ixxerdu l-ħajja u l-missjoni tal-Knisja billi qed tagħmluha ta’ ministri straordinarji tat-Tqarbin tal-morda u bħala membri tal-kunsilli parrokkjali, membri ta’ għaqdiet imdaħħla f’diversi ħidmiet ta’ appostolat u b’ħafna modi oħra wkoll. Nixtieq insellem ukolll lill-qassisin hawn preżenti li, bil-kooperazzjoni tagħhom ma’ l-Isqof Cauchi, qed jaqdu ‘l merħla tal-Mulej bħala rgħajja għeżież u mexxejja ħerqana ta’ l-appostolat.

Lillkom ilkoll nistedinkom biex tiddedikaw ruħkom mill-ġdid  b’saħħa ġdida għall-ħidma importanti ta’ l-evanġelizzazzjoni. Inħeġġiġkom biex tistaqsu lillkom infuskom hawn bħala individwi u wkoll bħala Knisja lokali: kif tista’ s-setgħa li tfejjaq tat-tagħlim ta’ l-Evanġelju tiġi applikata fuq il-ħajja f’ Malta illum? B’liema mod Kristu m’hux preżenti fil-ħajja ta’ individwi u tas-soċjeta? X’jista jsir aktar biex il-kuxjenzi jiġu kristjanizzati, u biex id-dawl ta’ l-Evanġelju jinxteħet fuq problemi soċjali u umani, u b’mod partikolari biex tingħata għajnuna lill-foqra u ‘l min jinsab fl-inkwiet? Kif jistgħu d-doni ta’ l-Ispirtu jsiru jagħtu aktar dawl fi ħdan il-Knisja biex ikunu bħal fanal li jdawwal lill-oħrajn, speċjalment liż-żgħażagħ?

Hu billi nilqgħu dawn l-isfidi li l-ġmiel veru tad-dar ta’ Alla jikber u jiżdied fostkom: “it-tempju mqaddes li fih intom mibnija bħala dar fejn igħammar Alla fl-Ispirtu” (ara Efes 2:21)

Iva, għeżież ħbieb, intom “il-ġebel ħaj” (ara 1Pt 2:5) ta’ bini spiritwali li jisboq fil-kobor u l-ġmiel kull ħaġa oħra lis-sengħa u l-arti tal-bniedem jistgħu jfasslu. Hija kapolavur ta’ l-Ispirtu s-Santu  li qed jistieden il-kooperazzjoni tagħkom permezz ta’ kliem u għemejjel li jixirqu lis-sejħa nisranija tagħkom.

  1. Fuq kull wieħed  u waħda minnkom jiena nitlob li jinżel id-don ta’

l-għerf ta’l-Ispirtu sabiex intom tkunu tistgħu tagħarfu b’ mod ċar it-tifsira tas-sejħa tagħkom u d-dmirijiet tal-misjoni tagħkom lejn il-Knisja u lejn it-dinja llum. B’imħabba kbira nagħtikom il-Barka Appostolika  lilkom u lill-għeżież tagħkom kemm dawk li jinsbau hawn u kemm dawk li huma mbegħdin.

“Ikun imfaħar Ġesu’ Kristu.”

%d bloggers like this: