Il-Papa waqt ikla fis-Seminarju, Victoria, Għawdex. 1990

Diskors ta’ ĠWANNI PAWLU II
waqt agape fraterna mal-Isqfijiet, Professuri u Studenti tas-Seminarju Maġġuri

Rabat, Għawdex – Is-Sibt, 26 ta’ Mejju 1990.

Ma nistax ħlief nifraħ u nammira lil Malta għall-vokazzjonijiet li hawn, speċjalment f’din id-djoċesi ta’ Għawdex: hawn tant vokazzjonijiet fi djoċesi daqshekk żgħira.  Ngħid lilkom ilkoll u lill-komunità tagħkom: Il-Mulej jibgħatna fid-dinja kollha.  In-numru ta’ vokazzjonijiet saċerdotali mhuwiex biżżejjed.  Hemm    postijiet  fid-dinja fejn il-vokazzjonijiet huma skarsi: per eżempju  fl-Amerika Latina, hemm saċerdot għal kull għaxart elef ruħ, u dan fejn is-sitwazzjoni hi tajba. Naturalment, dan joħloq diffikultà u joħloq ukoll “aptit” ieħor, mhux l-aptit li jiġik  fuq il-mejda waqt l-ikel imma dak tas-setet, li jridu jikkonkwistaw il-poplu li mhux sostnut biżżejjed bl-Ewkaristija u bil-Kelma t’Alla.

Allura nirringrazzja l-providenza u l-grazzja t’Alla għal din l-abbundanza ta’ vokazzjonijiet f’Malta tagħkom, speċjalment f’din id-djoċesi ta’ Għawdex.  U fl-istess ħin nawgura  li l-Knisja universali,  l-aktar lil xi partijiet reġjonali  tagħha li  jkunu tistgħu jagħmlu bħalkom. Ma nafx liema soluzzjoni tista’ tkun l-aħjar: forsi jkun tajjeb li bħala kriterju għall-vokazzjonijiet, wieħed jieħu dak tal-“aptit”.   Nibdew mill-“Aptit it-tajjeb”…… Forsi dawn iż-żgħażagħ, dawn is-seminaristi fl-Amerika Latina u f’postijiet oħra, anki fl-Ewropa, m’għandhomx “aptit tajjeb” biżżejjed. Hemm bżonn ta’ bidla, jeħtieġ li jtejbu l-aptit tagħhom….. Allura, meta mmur inżur xi pajjiż ieħor fejn is-sitwazzjoni tal-vokazzjonijiet mhux  qed tagħti daqshekk frott, ngħidilhom dak li għidt hawnhekk. Ngħid lill-isqof u lill-oħrajn: forsi mhux qed tikkunsidraw biżżejjed  dan il-kriterju tal-“aptit tajjeb”. Dawn in-nies tal-Amerika Latina jew tal-oċċident, tal-Ewropa m’għandhomx aptit tajjeb biżżejjed, allura kif jista’ jkun hemm vokazzjonijiet?

Imma dan mhux l-uniku kriterju. Hemm kriterji oħra li huma aktar sublimi, irrid ngħid aktar essenzjali, aktar sostanzjali. U naħseb li dawn il-kriterji jinsabu  f’Malta u f’Għawdex ukoll. Dawn huma l-kriterji tal-ħajja spiritwali, tat-talb, tal-komunità nisranija, ibda mill-familja. Dawn il-kriterji jwasslu għall-vokazzjonijiet. Nawguralkom li dan il-proċess pożittiv jibqa’ anki għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni…. Fittxu li tkun lkoll qrib ta’ Ġesù.