Omelija tal-Papa f’ Ta’ Pinu, Għawdex. 1990

Omelija waqt il-Quddiesa Solenni f’ Ta’ Pinu – Għawdex                                          

26 ta’ Mejju 1990

Għeżież ħuti fi Kristu,

  1. “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” (Lq, 1:46). Dawn il-kliem ta’ ferħ, meħudin mis-Salm Responsorjali tal-liturġija ta’ llum, tlissnu l-ewwel darba mill-Imqaddsa Verġni Marija waqt li kienet qed tirrifletti fuq “il-ħwejjeġ kbar” li Alla  għamel magħha u mal-Poplu Magħżul.  Kemm hija ħaġa xierqa li l-Knisja f’Għawdex għandha tkun eku tal-għanja ta’ tifħir ta’ Marija f’dan is-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu, waqt li niċċelebraw il-fidi antika tal-poplu Malti u Għawdxi u nifirħu bir-rabtiet ta’ komunjoni ekkleżjali li minn dejjem għaqqdithom mas-Santa Sede!

F’din l-ewwel quddiesa li qiegħed niċċelebra minn mindu wasalt Malta, qiegħed nagħti ħajr għall-ħafna barkiet li Alla ta lill-poplu ta’ dawn il-gżejjer sa minn meta l-Appostlu Pawlu għall-ewwel darba ppriedka l-Evanġelju fostkom.   Jiena u nsellmilkom b’imħabba fil-Mulej, nassigurakom mit-talb tiegħi biex il-paċi ta’ Kristu tgħammar dejjem fi qlubkom u fi djarkom.  Nesprimi  l-gratitudni tiegħi lill-Isqof Cauchi għall-kliem tiegħu ta’ merħba li taw vuċi lill-fidi tradizzjonali tal-poplu Għawdxi,  lill-imħabba kbira tiegħu għal din l-art sabiħa u t-tama tiegħu li l-barka tan-natura li Alla ddestina għall-umanità kollha tista’ titħares għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet futuri.

2. Dal-għodu qegħdin niċċelebraw il-komunjoni tagħna mal-Knisja ta’ kull żmien u post, dik il-Knisja li tagħha l-Imqaddsa Verġni Marija tispikka bħala membru pre-eminenti  (ara Lumen Gentium 53).F’dan is-Santwarju venerabbli tal-Madonna Ta’ Pinu nroddu ħajr lil Sidna Ġesù Kristu  għall-preżenza u l-protezzjoni mimlija mħabba tal-Omm Verġni tiegħu li l-Knisja f’Malta u Għawdex ilha tesperjenza tul l-istorja kollha tagħha. Għal sekli sħaħ, il-fidili ta’ dawn il-gżejjer qorbu lejn Marija fit-talb u talbu għall-interċessjoni mimlija mħabba tagħha biex tgħinhom fi ħtiġiethom u ssabbarhom fin-niket tagħhom. Huma u jsejħu lil Marija mbierka fost in-nisa, kienu qegħdin jidwu l-kliem tal-Anġlu Gabriel fit-tħabbira ( Lq 1:28)  u wettqu l-profezija li hi stess qalet lill-qariba tagħha Eliżabetta: “Minn issa ‘l quddiem kull nisel isejjaħli hienja” (ibid., v.48).

F’mod speċjali ħafna, Marija minn dejjem kienet il-patruna tal-familji nsara ta’ Malta u Għawdex waqt li huma fittxew li jwettqu r-rwol uniku tagħhom fil-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni tar-razza umana. Nistgħu nkunu fiduċjużi li b’imħabba ta’ omm Marija qatt ma naqset fl-interċessjoni tagħha għal ġenerazzjonijiet ta’ ġenituri u tfal, tispira fihom il-biża’ tal-Mulej li huwa l-bidu tal-għerf (ara Salm110:10) u takkumpanjhom fil-pellegrinaġġ tagħhom ta’ fidi.

Illum, il-familji ta’ Malta jridu xorta waħda jiddependu fuq il-protezzjoni u l-imħabba materna ta’ Marija waqt li jiffaċċaw sfidi ġodda fit-twettiq tal-missjoni vitali tagħhom ma’ individwi u s-soċjetà kollha!  Fil-pjan ta’ Alla, il-familja hija fejn it-tfal jitgħallmu xi tfisser li jkunu individwi responsabbli u membri ta’ komunità akbar, fejn jiltaqgħu għall-ewwel darba mal-virtujiet ta’ mħabba li mhix egoista u s-sagrifiċċju personali, u fejn jibdew jifhmu għall-ewwel darba l-misteru tal-imħabba ta’ Alla kif tesprimiha l-imħabba tal-ġenituri tagħhom. Billi l-familja hija l-ewwel ċellula vitali tas-soċjetà  (Apostolicam Actuositatem, 11), is-saħħa spiritwali tal-familji se tkun għal dejjem il-kejl fundamentali tas-saħħa ta’ soċjetà. J’Alla l-familji ta’ Malta u Għawdex  qatt ma jeżitaw milli jduru lejn Marija, l-Omm tal-Familja Mqaddsa ta’ Nażaret u l-Omm tal-umanità kollha fl-ordni tal-grazzja (ara Lumen Gentium,62), bħala gwida żgura fost l-isfidi u l-provi tal-ħajja.

3. Fl-Evanġelju tal-Quddiesa ta’ llum, aħna mistiedna li nirriflettu fuq il-ko-operazzjoni materna ta’ Marija fil-missjoni divina ta’ Binha. San Ġwann jgħidilna li fit-tieġ ta’ Kana, meta Ġesù beda l-ministeru pubbliku tiegħu billi bidel l-ilma f’inbid, hu għamel miraklu għax talbitu Ommu li kienet qed tinkwieta minħabba l-ħtiġiet tal-mistednin. Hi u timmedita tul is-snin fuq dan il-passaġġ mill-Iskrittura, il-Knisja waslet biex tifhem li l-kliem mimlijin fiduċja li Marija qalet lill-qaddejja: “Agħmlu dak kollu li jgħidilkom”(Ġw 2:5), huma indikazzjoni misterjuża tar-rwol matern uniku ta’ Marija fl-ekonomija kollha tal-grazzja ta’ Ġesù.  Bħala omm, “Marija tpoġġi lilha nnifisha bejn Binha u l-umanità fir-realtà tan-nuqqasijiet, ħtiġiet u tbatija” (Redemptoris Mater, 21).  Minħabba fil-ħsieb mimli mħabba tagħha għall-oħrajn, hija twassal il-ħtiġiet tal-umanità fil-wisa’ tal-qawwa tas-salvazzjoni ta’ Kristu.

Lejn tmiem l-Evanġelju ta’ Ġwanni, Marija terġa’ tidher, din id-darba wiefqa fejn is-Salib. Liema xbieha aktar qawwija seta’ l-Evanġelista jagħtina tar-rabta spiritwali profonda ta’ Marija mal-missjoni ta’ salvazzjoni ta’ Binha?  Meta minn fuq is-Salib Ġesù jgħid lid-dixxiplu maħbub “Ara ommok!” (Ġw 19:27),  hu jafda lil Marija f’idejna, lil kull wieħed mid-dixxipli tiegħu, biex tkun Ommna wkoll. F’riġel is-Salib Marija tintwera kompletament bħala Omm il-Knisja, Mater Ecclesiae, tistieden kull wieħed minna biex jafda fit-talb tagħha. M’għandna qatt naħsbuha darbtejn qabel ma nduru lejha!

Kemm-il darba, fil-familji tagħkom, ħassejtu li intom bla saħħa quddiem sitwazzjonijiet li jweġġgħukom u li jidhru li ma tistgħux issolvuhom? Kemm nies isibu li hi ġlieda kontinwa biex jaħfru piki li ilhom snin, jew biex jirbħu emozzjonijiet  ta’ rabja, ostilità, għira jew riżentiment li jkunu daħlu ‘l ġewwa? Kemm hawn nies li għandhom xewqa ddisprata biex xi ħadd maħbub jitlaq mod ta’ ħajja jew kors ta’ azzjoni li huma jafu li jista’ jwassal biss għall-frustrazzjoni u nuqqas ta’ kuntentizza? U kemm drabi nħossu għal xi ħadd li jkun maqbud fit-taqbid ta’ wġigħ mentali jew dwejjaq qarsa li ma jagħraf ebda konsolazzjoni? F’waqtiet bħal dawn m’għandniex nafdaw fl-interċessjoni mimlija mħabba ta’ Marija, fiduċjużi li s-sitwazzjonijiet umani fejn ma tidher ebda tama jistgħu jinbidlu mill-qawwa ta’ salvazzjoni ta’ Ġesù, li bi tweġiba għat-talba tagħha bidel l-ilma f’inbid, li miet fuq is-Salib biex aħna nkunu nistgħu ngħixu għal dejjem?

  1. Il-kooperazzjoni ta’ Marija fil-misteru tal-pjan t’Alla kif deher fl-Inkarnazzjoni ta’ Binha tistieden lill-ġenituri u wlied insara biex jaħsbu fuq il-vokazzjoni tagħhom biex ikunu kooperaturi fil-misteru tal-grazzja t’Alla li taħdem fil-familji tagħhom. Il-fidi tagħna tgħallimna li kull ħajja umana, mill-mument tat-tnissil, hija rigal mill-Ħallieq u hija mimlija b’valur infinit f’għajnejh. Il-fidi tagħna tfakkarna li l-bnedmin kollha nħolqu fix-xbieha u s-sura ta’ Alla u ngħataw vokazzjoni u destin li jsibu t-twettiq tagħhom ‘l hemm minn din il-ħajja dinjija f’komunjoni ta’ ħajja u mħabba mat-Trinità Qaddisa.  Il-fidi tgħallimna wkoll li aħna marbutin mal-membri l-oħra kollha tar-razza umana f’solidarjetà morali li tmur fil-fond, li l-azzjonijiet u l-għażliet tagħna  għandhom konsegwenzi mhux biss għalina nfusna imma għal oħrajn, u li se nkunu ġġudikati bil-kejl tal-imħabba u l-ħsieb tagħna għall-iżgħar fost ħutna.

Mhux fil-ħajja tal-familja tagħhom li l-kotra tan-nies jitgħallmu l-verità meraviljuża li hemm fl-istqarrijiet profondi tal-fidi nisranija?  Sfortunatament, hija ħaġa sempliċi għal individwi u familji li tant jinqabdu fil-ħafna ansjetajiet tal-ħajja ta’ kuljum li jonqsu milli joqogħdu lura, iqiegħdu ħajjithom f’perspettiva spiritwali,  u jerġgħu jiskopru l-verità tal-vokazzjoni tagħhom. Kemm hija ħaġa traġika din, għax mingħajr spirtu ta’  talb u meditazzjoni kif nistgħu nagħrfu r-rieda t’Alla għalina, induru lejh b’ubbidjenza u mħabba, u hekk nesperjenzaw l-hena u l-paċi li għalihom ħalaqna!

Għal din ir-raġuni ninkoraġġikom kollha kemm intom biex titolbu bla heda (ara Tess 5;17), l-aktar fil-familji tagħkom, f’radd ta’ ħajr umli għal dak kollu li Alla takom fit-tjubija tiegħu. Itolbuh kuljum biex igħinkom biex tibqgħu fidili lejn il-vokazzjoni tagħkom fi Kristu! Tibżgħux tressqu quddiemu t-tamiet, ħtiġiet u nkwiet kollha tagħkom. Ġenituri, itolbu għal uliedkom, ħalli jkunu jistgħu jikbru fil-ħajja ġdida li rċevew fil-Magħmudija. Tfal, itolbu għall-ġenituri tagħkom, għax intom ukoll għandkom sehem x’tagħtu biex tqaddsuhom (ara Gaudium et Spes, 48). Aktar minn hekk, bħala membri ta’ familja akbar, itolbu f’rabta mal-Ġisem ta’ Kristu madwar id-dinja kollha għall-bżonnijiet tal-umanità kollha: għall-morda u l-imgħakksin, għall-mexxejja tan-nazzjonijiet, għal dawk li jaħdmu għall-ġustizzja u l-paċi fost il-ġnus, u għal dawk li jħeġġu l-ħarsien responsabbli tal-ambjent naturali. Itolbu għal dawk kollha li b’xi mod jagħtu glorja lil Alla billi jaqdu b’umiltà l-bżonnijiet ta’ ħuthom. U kemm jekk xogħlok huwa d-dar, fl-għelieqi jew fuq il-baħar, fil-fabbriki  jew fl-industrija turistika dejjem tikber ta’ Malta, offrih lill-Mulej bħala sagrifiċċju li jogħġob bi tħejjija għall-miġja ta’ saltnatu!

Fl-imgħoddi, il-ħajja tal-familja b’saħħitha ta’ Malta pprovdiet bażi soda għall-istabbilità u l-iżvilupp armonjuż tas-soċjetà. Fiż-żmien ta’ llum, jistgħu l-familji ta’ Malta u Għawdex jibqgħu jilqgħu din l-isfida urġenti? Bħal ħafna soċjetajiet, tagħkom m’għandhiex immunità minn xorta ta’ diżorjentament spiritwali kkawżat  minn bidliet soċjali mgħaġġla u l-attrazzjoni ta’ sistemi u modi ta’ valuri li jmorru kontra l-konvinzjonijiet l-aktar profondi li  għaġnu l-identità tagħkom bħala poplu. Illum, waqt li nitlob l-interċessjoni tal-Imqaddsa Verġni Marija, Omm ir-Rikonċiljazzjoni u Reġina tal-Paċi, nitlobkom ilkoll biex titolbu miegħi li l-familji ta’ Malta jkunu ħawt li fih is-soċjetà tagħkom tfondi l-impenn imġedded għall-valuri tal-Evanġelju li huma l-aktar wirt prezzjuż li ġej mill-imgħoddi!

  1. Waqt li “l-Knisja tivjaġġa tul iż-żmien lejn il-quċċata taż-żmenijiet u tmur tiltaqa’ mal-Mulej li jiġi…. hija timxi tul il-passaġġ li diġà mxiet fuqu l-Verġni Marija, li ‘avanzat fil-pellegrinaġġ tagħha ta’ fidi, u żammet iebes lealment fir-rabta tagħha ma’ Binha sas-Salib’”(Redemptori Mater,2).Ħuti: Hekk kif tfittxu li żżommu iebes fil-pellegrinaġġ tagħkom ta’ fidi, nafda ‘l-familji tagħkom lill-ħarsien u t-talb matern  ta’ Marija. J’Alla hi, li “ħasbet f’qalbha” (Lq 2:51) fuq il-misteru  tal-Imħabba t’Alla kif intweriet fil-ħajja ta’ Binha, tiggwida ‘l-ġenituri u lil uliedhom biex iwieġbu bis-sħiħ għall-vokazzjoni li  huma rċevew bħala wlied Alla, mifdija minn Kristu u mweldin mill-ġdid fl-Ispirtu s-Santu (ara Ġw 3:5). J’Alla tiggwida r-rgħajja tal-Knisja fil-katekeżi u l-ministeru tagħhom maż-żgħażagħ li waslu biex jiżżewġu. U j’Alla tiggwida lil dawk kollha responsabbli b’xi mod għall-ġid pubbliku biex huma jirrispettaw u jsaħħu l-ħajja tal-familja permezz ta’ leġiżlazzjoni għarfa u prudenti, iwarrbu bħala ta’ deni għall-ġid tas-soċjetà kull ma jinjora jew jiċħad il-pjan ta’ Alla għall-familja u jnaqqas ir-rispett għar-rigal tal-ħajja umana.

Hekk kif inkomplu ċ-ċelebrazzjoni tagħna tal-Ewkaristija f’dan is-Santwarju li l-imħabba u d-devozzjoni ta’ ġenerazzjonijiet Kattoliċi Maltin waqqfu għal Marija Omm Alla, j’Alla l-ilħna tagħna jingħaqdu  ma’ tagħha hekk kif infaħħru lil Alla għal ħafna grazzji li hu ta lill-poplu tiegħu f’Malta u Għawdex:“is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar!”  Iva “Is-Setgħani għamel ħwejjeġ kbar” fostna! Hu għamel “ħwejjeġ kbar”  għall-poplu tiegħu kollu! Ammen.