Ġwanni Pawlu II mal-Morda


QUDDIESA FLIMKIEN MAL-MORDA GĦALL-ANNIVERSARJU TAD-DEHRA TAL-VERĠNI F’LOURDES

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II. It-Tnejn, 11 ta’ Frar 1980

Meqjuma ħuti u wliedi l-iktar għeżież!

  1. Huwa b’emozzjoni ħajja u b’ferħ profond li llejla nindirizza t-tislima kordjali tiegħi lis Sinjur Kardinal Vigarju, l-ewwel nett, u lill-porporati l-oħra preżenti; lill-meqjumin ħuti fl-episkopat, lis-saċerdoti tal-kleru sekulari u regolari, u b’mod partikolari lil dawk li se jikkonċelebraw miegħi din l-ewkaristija, li qed narahom miġburin hawn madwar l-altar ta’ Kristu, biex ifakkru l-meravilji tal-grazzja mwettqa f’dik li nsejħu b’mod fiduċjuż bħala Avukata qawwija u Omm l-iktar ħelwa. It-tislima tiegħi hija mbagħad indirizzata, lir-reliġjużi preżenti wkoll f’din iċ-ċirkustanza f’numru konsiderevoli; u mill-ġdid lill-persuni li jagħmlu parti, għal raġunijiet differenti, tad-diversi assoċċjazzjonijiet marjani, kif ukoll lil dawk kollha li nġibdu lejn din iċ-ċelebrazzjoni mid-devozzjoni li jħossu għall-Verġni Santissma.

Kelma partikolari ta’ tislima nixtieq nirriserva għall-morda, li huma l-mistiedna tal-unur ta’ din il-laqgħa; bil-prezz ta’ mhux ftit sagrifiċċji, huma riedu jkunu preżenti llejla biex jixhdu personalment l-imħabba li torbothom mal-Omm Ċelesti, li għas-santwarju tagħha ta’ Lourdes bosta minnhom diġa bla ebda dubju marru pellegrinaġġ; merħba bikom f’nofsna, flimkien ma’ dawk kollha li li joffru lilhom infushom biex jagħtuhom għajnuna.

It-tislima tiegħi, mela, tinfirex għal dawk kollha miġbura f’din il-Bażilika patrijarkali ta’ San Pietru, li llum tirċievi żjara hekk eċcezzjonali. Lil kulħadd nixtieq nesprimi r-rikonoxxenza tiegħi. Uliedi l-iktar għeżież, inħossni midjun magħkom kollha. Huwa grazzi lilkom, infatti, jekk illum tiġi trasferita f’din il-Bażilika dik ir-realtà partikolari li ġgib l-isem ta’ Lourdes. Realtà tal-fidi, tat-tama u tal-karità, Realtà tat-tbatija santifikata u santifikanti. Realtà tal-preżenza tal-Ġenitriċi ta’ Alla fil-misteru ta’ Kristu u tal-Knisja tiegħu fuq l-art: preżenza partikolarment ħajja f’dak il-porzjon elett tal-Knisja, li huwa kostitwit mill-morda u mill-batuti.

  1. Għaliex huma propju l-morda li jippellegrinaw lejn Lourdes? Għaliex – nistaqsu – dak il-post sar għalihom kważi “Kana tal-Galilea”, li għalija jħossuhom mistiedna b’mod speċjali? X’hemm li jiġbidhom b’tant qawwa lejn Lourdes?

It-tweġiba hemm bżonn li nfittxuha fil-kelma ta’ Alla, li hija lilna offruta mil-liturġija fil-quddiesa li qegħdin niċċelebraw. F’Kana kien hemm festa tat-tieġ, festa tal-ferħ għaliex festa tal-imħabba.

Nistgħu faċilment nimmaġinaw il-“klima” li kienet issaltan fis-sala tal-festin. Ukoll dak il-ferħ, madankollu, bħal kull realtà oħra umana, kien ferħ mhedded. L-għarajjes dan ma kinux jafuh, imma l-festa tagħhom kienet se tinbidel fi dramm ċkejken, minħabba li kien se jonqos l-imbid. U dak, meta dak li jkun iqis sewwa, ma kienx għajr is-sinjal ta’ tant riskji oħra li minħabba fihom l-imħabba tagħhom, li kienet se tibda, kienet se tkun esposta suċċessivament.

Fortunatament għalihom, magħhom “kien hemm Omm Ġesù” u konsegwentement “kien mistieden għat-tieġ ukoll Ġesù” (cf. Gv 2,1-2); li imħeġġeġ mill-Omm, bidel b’mod mirakoluż l-ilma f’imbid: il-festin setà jkompli għaddej allegrament, u l-għarus irċieva l-kumplimenti ta’ sid il-mejda (cf. Ġw 2,9-10), mistagħġeb bil-kwalità tal-imbid servut l-aħħar.

Hekk hu, għeżież ħuti, il-festin ta’ Ksns jkellimna dwar festin ieħor: dak tal-ħajja, li lkoll nixtiequ li għal ftit niffriżaw biex niggustaw ftit ferħ. Il-qalb umana hija magħmula għall-ferħ u m’għandniex nimmeraviljaw ruħna jekk lejn dan l-iskop kull wieħed u waħda minna niġġebbdu. Ir-realtà, sfortunatament, minflok tissottometti tant persuni għall-esperjenza, spiss ta’ torturi, tan-niket: mard, luttu, diżgrazzji, difetti ereditarji, solitudni, torturi fiżiċi, dwejjaq morali, imrewħa ta’ “każijiet umani” konkreti, li kull wieħed minnhom għandu isem, wiċċ u storja.

Dawn il-persuni, jekk ikunu animati mill-fidi, idawru wiċċhom lejn Lourdes. Għaliex? Għaliex jafu li hemm, bħal f’Kana tal-Galilea. Hemm Marija Omm Ġesù: U fejn hemm hi, ma jistax jonqos li jkun hemm Binha. Hija din iċ-ċertezza li tqanqal il-moltitudnijiet li kull sena jmorru Lourdes ifittxu solliev, konfort, tama. Morda ta’ kull ġens imorru pellegrinaġġ Lourdes, sostnuti minn tama li permezz ta’ Marija, tidher fihom il-qawwa feddejja ta’ Kristu. U fil-fatt, tali qawwa tirrivela ruħha dejjem bid-don ta’ serenità mmensa u rassenjazzjoni, kultant b’miljorament tal-kondizzjonijiet ġenerali tas-saħħa, jew saħansitra bil-grazzja tal-fejqan sħiħ, bħal ma juru l-“każijiet” numerużi li seħħew fil-korsa ta’ iktar minn mitt sena.

  1. Il-fejqan mirakoluż jibqà bdanakollu, minkejja kollox, ġrajja eċċezzjonali. Il-qawwa feddejja ta’ Kristu ispirata mill-interċessjoni ta’ Ommu, tirrivela ruħha f’Loudes b’mod speċjali fil-qasam spiritwali. Huwa għall-qalb tal-morda li Marija issemmà l-leħen tawmaturġiku ta’ Binha: leħen li jħoll b’mod meraviljuż l-għebusijiet tal-qrusa u tar-ribelljoni, u jagħti mill-ġdid għajnejn lir-ruħ biex tara f’dawl ġdid id-dinja, l-oħrajn, u l-propju destin.

Il-morda f’Lourdes jiskopru l-valur inestimabbli tat-tbatija tagħhom propja. Fid-dawl tal-fidi huma jaslu biex jaraw is-sinifikat fundamentali li n-niket jistà jkollu mhux biss f’ħajjithom, imġedda nternament minn tali fjamma li tikkonsma u tibdel, imma wkoll fil-ħajja tal-Knisja, ġisem mistiku ta’ Kristu. Il-Verġni Santissma, li fuq il-Kalvarju, wieqfa b’mod qalbieni maġemb is-salib ta’ Binha (cf. Ġw 19,25), taf tikkonvinċi dejjem erwieħ ġodda biex jgħaqqdu t-tbatijiet propji mas-sagrifiċċju ta’ Kristu, f’“offertorju” korali li, waqt li jmur ‘il hemm miż-żminijiet u l-ispazji, jħaddan l-umanità kollha u jsalvaha.

Konxji dwar dan, fil-jum li fih il-liturġija tfakkarna fid-dehriet ta’ Lourdes, aħna rridu niżżu ħajr lill-erwieħ voluntiera kollha li, waqt li jbatu u jitolbu, jikkollaboraw b’modd tant effikaċi għas-salvazzjoni tad-dinja.

Jalla l-Madonna tkun maġembhom kif kienet maġemb iż-żewġ għarajjes ta’ Kana, u tgħasses sabiex ma jiġi qatt nieqes f’qalbhom l-imbid ġeneruż tal-imħabba. L-imħabba tistà nfatti twettaq il-miraklu li jġiegħel jiftħu l-inwar fuq z-zkuk imxewka tal-warda fewwieħa tal-ferħ.

  1. Imma ma rridx ninsa l-qaddejja ta’ Kana, li kellhom tant parti fit-twettiq tal-miraklu ta’ Ġesù, billi għenu b’mod ħelu biex iwettqu l-amar tiegħu. Infatti Lourdes huwa wkoll miraklu ta’ ġenerożità, ta’ altruiżmu, ta’ serviz: nibdew minn Bernardetta, li kienet l-istrument privileġġjat biex tittrażmetti lid-dinja l-messaġġ evanġeliku tal-Verġni, biex tiskopri n-nixxiegħa tal-ilma mirakoluża, biex titlob il-bini tal-“kappella”; fuq kollox,, hija kienet taf titlob u tissagrifika ruħha, billi tirtira fis-silenzju ta’ ħajja kollha kemm hi ddedikata lil Alla. U kif allura wieħed jinsa l-ġemgħa kbira ta’ persuni li, waqt li jispiraw ruħhom mir-rgħajja umli, iddedikaw u jiddedikaw ruħhom, bi mħabba straordinarja għas-servizz tas-santwarju, għall-funzjonament tas-servizzi, u b’mod speċjali għall-attenzjoni tal-morda? Għalhekk, il-ħsieb tiegħi, il-ħsieb tagħna ta’ apprezzament u ta’ rikonoxxenza issa jmur għal dawk li ġenerożament jinsabu maġembkom, għeżież morda, waqt li jdawrukom bil-kuri premurużi; it-tobba, l-istaff paramediku, dawk kollha li jisilfu lilhom infushom għas-servizzi meħtieġa. Kemm waqt il-pellegrinaġġi kif ukoll fil-postijiet tal-ospitalità abitwali, kif ukoll, fuq kollox, għall-familjari tagħkom, li fuqhom jagħfas l-impenn tal-assistenza maġġuri

Bħall-qaddejja ta’ Kana, li – b’differenza minn sid il-mejda – “kienu jafu” bil-miraklu mwettaq minn Ġesù (cf. Ġw 2,9), jalla dawk li jassistukom ikunu dejjem konxji mill-miraklu tal-grazzja li jitwettaq f’ħajjitkom u jgħinukom biex tkunu denji tad-dmir li ġie afdat lilkom minn Alla.

  1. Għeżież ħuti nisa u rġiel, miġburin madwar l-altar aħna nkomplu issa ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Kristu huwa magħna: din iċ-ċertezza tifrex fi qlubna paċi mmensa u ferħ profond. Aħna nafu li nistgħu norbtu fuqu hawn u kullimkien, issa u dejjem. Huwa hu l-ħabib li jifhimna u jsostnina fil-waqtiet mudlama, għaliex huwa “l-bniedem tad-duluri li jaf sewwa t-tbatija” (53,3). Huwa hu s-sieħeb tal-vjaġġ, li jagħti mill-ġdid żelu lil qlubna, waqt li jilluminahom dwar it-teżori tal-għerf miġbura fl-Iskritturi(cf. Lq24,32).Huwa hu l-ħobż li niżel mis-sema. Li jista jixgħel f’dan ġisimna mortali x-xrara tal-ħajja li ma tmutx (cf. Ġw6,51).

Ejjew għalhekk nerġgħu naqbdu, b’ħeġġa mġedda, il-mixja. Il-Verġni Mqaddsa turina t-triq. Bħal kewkba tiddi ta’ filgħodu, hija tiddi quddiem għajnejn il-fidi tagħna “bħala sinjal ta’ tama sikura u ta’ konsolazzjoni. Sakemm ma jasalx il-jum tal-Mulej” (Lumen Gentium, 68).

Pellegrini f’dan il-“wied tad-dmugħ”, aħna nitnehdu lejha: “Urina wara dan it-turrufnament lil Ġesù, frott imbierek ta’ ġufek, o ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija”!

 

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.