Omelija fil-Parroċċa ta’ S. Silvestru u S. Martin ai Monti.


VISTA PASTORALI LILL-PARROĊĊA TA’ S. SILVESTRU U S. MARTIN AI MONTI.

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II. Ruma, 17 ta’ Frar 1980.

Għeżież ħuti fi Kristu!

  1. Nindirizza bħala l-ewwel ħaġa tislima ħajja u kordjali lilkom ilkoll, li llum ġejtu hekk numerużi għal din il-laqgħa mal-Isqof ta’ Ruma. Irrid minnufih ngħidilkom kemm hija għażiża għalija l-preżenza tagħkom, li hija bla dubju sinjal tal-fidi nisranija tagħkom u tal-komunjoni ekkleżjali tagħkom mal-Isqof tagħkom, il-Papa, li huwa wkoll Isqof tal-Knisja universali.

B’mod speċjali, insellem lill-Kardinal Vigarju Ugo Poletti, u lill-Iaqof awżiljarju taż-żona, Monsinjur Plinio Pascoli, li b’mod effikaċi ikkontribwew u ħejjew din iż-żjara. It-tislima tiegħi, imbagħad, tmur lill-kappillan li jixraqlu min ifaħħru, Patri Enriku Pinci, u lill-Komunità Karmelitana, li tant tagħmel għal din il-parroċċa. Insellem ukoll lill-istituti reliġjużi hawn irrapreżentati, lid-diversi assoċċjazzjonijiet kattolċi, lill-kunsill parrokkjali u lill-grupp tal-katekisti.

Naf li f’San Martino ai Monti hawn dinamiżmu tajjeb ta’ ħajja parrokkjali, li għalih għandu jingħata tribut lid-diversi u żelanti responsabbli tiegħu. Bla dubju, hemm ukoll problemi: per eżempju, kif jiġu megħluba diversi  membri ta’ indifferenza, kif jiġu avviċinati l-hekk imsejħon “imbegħda”, it-tqarrib maġġur għaż-żgħażagħ, il-promozzjoni ta’ inizjattivi kulturali iktar kontinwi, is-sehem fil-ħajja pubblika b’kontribut nisrani speċifiku, it-traduzzjoni tal-fidi propja fi kristjaneżmu dejjem iktar sikur li, bil-grazzja ta’ Alla, u permezz tal-impenn ta’ kulħadd, kull diffikultà tistà tiġi megħluba, hekk li jiġi prodott frott dejjem iktar abbundanti u denn ta’ dixxipli ta’ Kristu.

2.Fil-liturġija tal-kelma tallum, jolqotna fuq kollox il-paragun tal-bniedem ġust mas-siġra: “Ikun bħal siġra mħawla maġemb il-korsa tal-ilma, li tagħti l-frott fi żmienu u l-weraq tagħha ma jaqà qatt” (Sal 1,3). Hekk jgħid is-salmista. U l-profeta Ġeremija, li juża l-istess paragun, iżid li tali siġra “ma tibżax meta tiġi s-sħana, il-weraq tagħha jibqà aħdar; fis-sena tan-nixfa ma ssewidx qalbha, ma taqtax tipproduċi l-frott tagħha” (Ġer 17,8).

Il-bniedem jiġi mqabbel ma’ siġra. U din hija ħaġa ġusta. Il-bniedem ukoll jikber, jiżviluppa u jżomm is-saħħa u l-forzi, jew jitlifhom. Madankollu, il-paragun tal-Iskrittura Mqaddsa jirreferixxi għall-bniedem speċjalment f’sens spiritwali. Infatti jitkellem dwar il-frott spiritwali tal-opri tiegħu, li juru ruħhom fil-fatt li tali bniedem “ma jsegwix il-parir tal-ħżiena” u “ma jitnikkirx fit-triq tal-midimbin” (Sal 1,1). Is-sors, iżda, ta’ tali kondotta, jiġifieri ta’ dan il-frott tajjeb tal-bniedem, hu li hu “jitgħaxxaq bil-liġi tal-Mulej”, u “li jimmedita lejl u nhar il-liġi tiegħu” (Sal 1,2).

Il-profeta, min-naħa tiegħu, jenfasizza li tali bniedem “jafda fil-Mulej u l-Mulej huwa l-fiduċja tiegħu” (Ġer 17,7). Il-bniedem li jgħix hekk, li jġib ruħu b’dan il-mod, jissejjaħ imbierek mill-Iskrittura Mqaddsa. Kontra dan hemm ir-raġel midneb, li l-Profeta Ġeremija jqabblu mal-bruka fid-deżert” (Ġer 17,6), u li s-salmista jqabblu mal-“karfa li r-riħ ixerred” (Sal 1,4). Jekk tal-ewwel jistħoqqilha l-barka, l-oħra tissejjaħ mill-profeta “misħuta” (Ġer 17,5), minħabba li tafda biss fil-bniedem (Ġer 17,5), jiġifieri fih innifsu, u “jserraħ fuq il-laħam is-sosten tiegħu u mill-Mulej ibiegħed qalbu” (Ġer 17,5).

  1. Hekk, mela, il-liturġija tal-kelma tallum għandha messaġġ ċar. Hija tindirizza lill-bniedem. Tiġġudika l-imġieba tiegħu. Tissuġġetta għal valutazzjoni Kritika il-konċezzjoni tiegħu tad-dinja. Tmiss l-istess sisien ta’ dawk, li minnhom l-ħajja umana tieħu s-sens integrali tagħha. Infatti l-integrità tal-ħajja umana hija t-triq li għandha tkun segwita (dan il-paragun kif wieħed jistà jara – antik ħafna, jibqà dejjem frisk u ħaj; il-ħajja umana hija triq li għandna nimxu.

“Il-Mulej jgħasses il-mixja tal-ġusti, imma t-triq tal-ħżiena tintemm fil-qerda” (Sal 1,6).

Tali ħarsa lejn it-totalità tal-problemi umani, lejn il-kumpless tal-ħajja, hija biss tal-bieraħ? Ma nistgħux napplikaw dawn il-paraguni u dawn il-valutazzjonijiet għall-bnedmin ta’ żminijietna? Ma jirreferux ukoll għalina? “Għal kull wieħed u waħda minna? Għall-bniedem tal-epoka tagħna – epoka ta’ materjaliżmu tejoriku u prattiku – ma jistax jewwilla jtenni li hu jqiegħed il-qawwa tiegħu fuq il-“laħam”, jiġifieri fih innifsu u fil-materja u li jkejjel is-sens tal-ħajja b’mod speċjali fuq il-valuri materjali ? Huwa, infatti, huwa orjentat biex “jippossiedi” u biex “ikollu” sa tali grad, li spiss jitlef f’dan kollu li huwa l-iktar important; dan grazzi li għalih il-bniedem huwa bniedem, tali li jkabbru bħas-siġra li tipproduċi frott ġust.

  1. Il-bniedem għandu jikber spiritwalment, waqt li jimmatura għall-eternità. Dan ukoll tgħallimna l-kelma ta’ Alla tal-liturġija tallum.

“Ifirħu f’dak il-jum u ċapċpu, għaliex, hekk hu, il-ħlas tagħkom ikun kbir fis-smewwiet”  (Lq 6,23): dan ifakkar il-kant għall-Vanġelu, marbut ma’ “alleluia” ferrieħa li se tgħib fil-liturġija tal-Ħdud li ġejjin, minħabba li nidħlu issa fil-perijodu tar-Randan.

Biex jimmatura spiritwalment sal-eternità, il-bniedem ma jistax jikber biss fuq l-art tat-temporalità. Ma jistax iqiegħed is-sosten tiegħu fil-laħam, jiġifieri fih innifsu u fil-materja. Il-bniedem ma jistax jibni biss fuqu nnifsu u “jafda” fil-bniedem biss. Huwa għandu jikber fuq art differenti minn dik tat-transitorjetà u tal-kaduċità ta’ din id-dinja temporali. Din hija l-art tal-ħajja l-ġdida, tal-eternità u tal-immortalità, li Alla qiegħed fil-bniedem waqt li ħalqu xbiha u xebħ propju tiegħu.

Din l-art tal-ħajja l-ġdida irrivelat ruħha fil-milja tagħha fil-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, bħal ma jfakkarna fil-liturġija tallum San Pawl fis-silta mill-ewwel ittra lill-Korintin. Aħna nikbru u nimmaturaw spiritwalment (u wkoll korporalment), waqt li nżommu mal-umanità kollha tagħna mal-ħajja eterna; infatti, “Kristu qam mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu” (1Kor 15,20): Għalhekk il-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu jsawwab dinamiżmu ta’ tkabbir lill-ħajja ta’ kulħadd. Huwa sewwa li diġa qabel ir-Randan, il-liturġija tfakkarna l-verità fundamentali tal-fidi tagħna u ta’ ħajjitna; b’dan il-mod, tindika diġa dak li għalih jħejjulna, fil-ġabra spiritwali, il-Ħdud u l-ġimgħat li ġejjin.

Xi jfisser temmen fi Kristu? Xi jfisser temmen fil-qawmien mill-imwiet? Ifisser propju (kif jgħid Ġeremija) tafda fil-Mulej, ikollok fiduċja fih biss, tali fiduċja li ma nistgħux nerġgħu nqiegħdu fil-bniedem, għaliex l-esperjenza tgħallimna li l-bniedem huwa sottomess għall-mewt.

Xi jfisser temmen fi Kristu u fil-qawmien mill-imwiet? Ifisser ukoll li tkun kuntent bil-liġi tal-Mulej, jiġifieri, tgħix skont il-kmandamenti u l-indikazzjonijiet li tana Alla, permezz ta’ Kristu. Allura, inkunu bħal dik is-siġra li, imħawla għal għonq il-korsa tal-ilma u ffertilizzatha minnu, tagħti l-frott: frott tajjeb, frott ta’ħajja eterna.

Il-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu sar is-sors tal-ilma ħaj tal-Magħmudija, li minnu trid tinbet il-ħajja kollha ta’ nisrani fit-tkabbir lejn l-eternità u lejn Alla.

  1. Kif wieħed jistà jara, il-kontenut tal-liturġija tallum hu għani sewwa u jġegħlna naħsbu ħafna. Il-bniedem huwa mqiegħed bejn it-tajjeb u l-ħażin, u f’dan il-kuntrast jikber u jiżviluppa spiritwalment. Jikber bħal siġra, imma fl-istess ħin b’mod tassew differenti minnha. It-tkabbir tiegħu u l-iżvilupp spiritwali tiegħu jiddependu mid-deċiżjonijiet u mill-għażliet tiegħu. Jiddependu mir-rieda libera, mill-istat tal-kuxjenza tiegħu, mill-idea tiegħu tad-dinja, mill-iskala ta’ valuri li jmexxu lil ħajtu lil imġiebtu.

U għal din ir-raġuni aħna, li nemmnu fi Kristu u nappartienu lill-Knisja tiegħu, irridu dejjem nistaqsu lilna nfusna: il-valuri li jiggwidawna huma tassew kompjaċenti mal-fidi tagħna? L-idea tad-dinja, li naċċettaw kuljum, mhijiex forsi  mibnija fuq il-“laħam”, fuq it-temporalità? L-imġieba tagħna tikkorrispondi mal-verità li nistqarru? Mhijiex konformistika? Jew ipokrita?

Ukoll Kristu Mulej fil-Vanġelu tallum jagħmel dan il-kuntrast. Minn banda jipproklama l-bejatitudni u mill-banda l-oħra jippronunzja l-“gwaj”. Ma liema parti ninsabu aħna? Jimpurtana li s-saltna ta’ Alla tappartieni lilna (cf. Lq 6,20), jew inkella kull konsolazzjoni tagħna rridu niksbuha f’din il-ħajja (cf. Lq 6,24)? Mhux għalli jistà jkun huwa dan biss li nixtiequ?

  1. Alla jkun irringrazzjat għal din il-vista. Għeżież ħuti, parruċċani ta’ San Martin ai Monti. Alla jħallaskom ilkoll. Ejjew nagħmlu flimkien dak kollu possibbli biex ma nitbegħdux minn Kristu, biex nikkonsolidaw fih ħajjitna. Iż-żmien tar-Randan mill-ġdid jgħinna f’dan il-għan. Abbundanti huma r-riżorsi tal-grazzja u tal-imħabba ta’ Sidna, u dawn jagħmlu iva li nistgħu nikbru bħal siġra li tagħti l-frott. Nifirxu idna għal tali riżorsi bil-fidi tagħna u bil-fiduċja tagħna fi Kristu Ġesù.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.