Quddiesa u Rużarju mill-Kurja tal-Arċisqof – 10 ta’ Awwissu


It-Tnejn, 10 ta’ Awwissu 2020: Quddiesa u Rużarju fil-Festa ta’ San Lawrenz mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Kurja tal-Arċisqof …

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

It-teżori tal-Knisja

Wara San Pietru u San Pawl, hu San Lawrenz il-qaddis martri l-aktar magħruf ta’ Ruma. Ftit nafu fuq San Lawrenz, imma l-ftit li nafu hu biżżejjed biex nifhmu għaliex hu qaddis għażiż. Kien magħżul mill-Papa Sistu II biex ikun djaknu, anzi biex ikun l-ewwel wieħed mis-seba’ djakni għas-servizz tal-Knisja ta’ Ruma.

Dak iż-żmien, il-Knisja kienet għaddejja minn persekuzzjoni kbira. Fis-sena 257, l-Imperatur Valerjanu kien ħareġ editt li bih ikkundanna għall-mewt l-Isqfijiet, is-saċerdoti u d-djakni tal-Knisja. Ried jeqred il-Knisja. Għalhekk, ftit taż-żmien wara, proprju fis-6 ta’ Awwissu 258, meta l-Papa Sistu II kien qed jiċċelebra fiċ-ċimiterju ta’ San Kallistu, arrestawh flimkien ma’ xi djakni tiegħu, u ftit wara, qatluh. Imma hemm djalogu interessanti bejn il-Papa u Lawrenz li kien djaknu tiegħu, u li ried li jissieħeb miegħu fil-martirju. Il-Papa jgħidlu: ftit ġranet oħra, u int tgħaddi mill-martirju, anzi minn mewta ħarxa.

Li hemm interessanti wkoll, meta jasal għall-martirju San Lawrenz, hu r-rakkont ta’ meta l-Imperatur ried minnu li jġiblu t-teżori tal-Knisja. U San Lawrenz talbu tlett ijiem sakemm jista’ jġibhomlu kollha. San Lawrenz li kien djaknu li jieħu ħsieb il-foqra. Li għamel San Lawrenz hu li qassam il-ġid lill-foqra, imbagħad sejħilhom – kien hemm nies foqra, morda, nies għaddejjin minn tbatija – u ħadhom miegħu. U meta staqsewh “ġibthom it-teżori?”, qalilhom: Dawn huma t-teżori tal-Knisja. Bihom, il-Knisja hija aktar sinjura mill-Imperatur.

Ir-reazzjoni kienet vjolenti. Ftit wara, qatluh b’mewta mill-aktar ħarxa; jgħidu li xwewh fuq gradilja. Imma hu baqa’ sal-aħħar jagħti xhieda għal Kristu. Santu Wistin jgħid fuqu: “Ħabb lil Kristu f’ħajtu, u sar jixbah lil Kristu f’mewtu”. Fil-fatt, wara l-mewt tiegħu u ftit snin wara, kien hemm konverżjonijiet kbar f’Ruma, marbuta mat-talb tiegħu, u kien hemm devozzjoni kbira lejh. San Lawrenz hu eżempju ta’ dak li jsemmi Ġesù fl-Evanġelju: “Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott.”

X’jgħallimna għall-ħajja tagħna? Insemmi żewġ affarijiet importanti. L-ewwel nett, ix-xhieda li għandna nagħtu f’ħajjitna. San Lawrenz kien jagħti xhieda għal Ġesù f’ħajtu, u f’mewtu wkoll bil-martirju. Lilna jgħallimna li aħna wkoll imsejħin biex f’ħajjitna nagħtu xhieda għal Ġesù u nagħmlu dan bla biża’. Kultant, ikun hemm min qisu jiddieħaq b’min hu Nisrani u fl-apert juri li jemmen tassew fil-valuri Nsara, anke fis-soċjetà tagħna. Hu importanti, fid-dawl ta’ dan il-qaddis martri, li niftakru: jekk jien ngħix tassew ta’ Nisrani, u nagħti xhieda bis-serjetà ta’ ħajja Nisranija, u jkun hemm min jiddieħaq bija jew iwaqqagħni għaċ-ċajt, jew għar-redikolu, il-problemi mhijiex tiegħi, imma tiegħu jew tagħha. Għalhekk dawn il-martri dejjem jagħtuna eżempju ta’ kif aħna għandna nagħtu xhieda mingħajr biża’. Ma għandna għalfejn nibżgħu qatt li nistqarru lil Ġesù u dak kollu li Ġesù għallimna.

It-tieni ħaġa li nitgħallmu minn San Lawrenz hu kif kien iħares lejn it-teżori tal-Knisja. Bħalu għalina wkoll il-foqra, in-nies vulnerabbli, in-nies li għaddejjin minn tbatija għandhom ikunu tassew it-teżori tal-Knisja. Aħna għandna dmir li nħarsu l-patrimonju artistiku u kulturali tal-Knisja, anke l-oġġetti li huma teżori. Imma rridu niftakru li l-ikbar teżori fil-Knisja u l-iktar għeżież huma n-nies, il-persuni, u speċjalment dawk li għaddejjin minn tbatija. Dawn huma l-patrimonju tal-Knisja. Il-Knisja hi kontinwament għas-servizz tagħhom, u allura bħal San Lawrenz, għandna dejjem ngħidu: dawn huma t-teżori tal-Knisja. U bħalma qal San Pawl illum fit-Tieni Ittra lill-Korintin, nifirħu għax ngħinu lil dawn in-nies: “Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.”

Nitolbu din il-grazzja lil San Lawrenz illum: biex jgħinna ħalli nagħtu xhieda tassew ta’ Ġesù bil-ħajja tagħna, u nuru tassew din ix-xhieda bl-għażla li nagħmlu ta’ dawn it-teżori tal-Knisja li huma l-foqra u dawk kollha li għaddejjin minn xi tbatija.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju