Taħt ix-xbieha t’Ostja ċkejkna
ġejt inżurek, nadurak
o Ġesù bqajt tgħammar fostna,
biex tkun l-għaxqa ta’ kulħadd.
Missierna, Sliema, Glorja.
Ma nsibx kliem, o Alla tiegħi,
biex infaħħrek kif irrid,
għax jien xejn u Inti kollox,
Int fawwara ta’ kull ġid.
Missierna, Sliema, Glorja.
Kemm nixtieq dal-ħin hawn miegħek,
ninsa kollox u ‘l kulħadd,
biex minn qalbi nista’ ngħidlek;
egħżeż minnek m’għandi ‘l ħadd.
Missierna, Sliema, Glorja.
Jiena naf li kemm-il darba
mal-ġid bdiltek ta’ din l-art,
u l-kmand tiegħek, fi bluhiti
bi dnubieti jien kasbart.
Missierna, Sliema, Glorja.
Nagħtik ġieh mal-anġli kollha
mal-eluf ta’ qaddisin,
li fis-sema b’leħen wieħed,
ifaħħruk ilkoll henjin.
Missierna, Sliema, Glorja.
Silenzju 2 min
Innu: ____________
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew Mt 22:15-21
F’dak iż-żmien, il-Fariżej marru u bdew jiftiehmu bejniethom biex jaraw kif jonsbuh b’xi kelma. U bagħtulu d-dixxipli tagħhom ma’ xi Erodjani u qalulu: “Mgħallem, aħna nafu li int raġel tħobb is-sewwa, u li t-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi, bla ma tħabbel rasek minn ħadd, għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares. Għidilna ħaġa, mela: Int x’jidhirlek? Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari?”.
Imma Ġesù għaraf il-ħażen ta’ moħħhom, u qalilhom: “Għaliex tridu ġġarrbuni, ja wċuħ b’oħra? Uruni l-munita tax-taxxa”. Urewh dinar, u Ġesù staqsiehom: “Ta’ min huma dan il-wiċċ u din il-kitba?”. Qalulu: “Ta’ Ċesari!”. Imbagħad qalilhom: “Mela agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla”.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Silenzju 1min
O Ġesù, dawk li kienu rivali ta’ xulxin, dawk li kien għedewwa b’mod speċjali fejn tidħol it-taxxa Rumana, jiġifieri l-Fariżej u l-Erodjani, ngħaqdu flimkien biex jaraw kif jonsbuk: “Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari?” Kienu lest biex kif twieġeb jixluk jew lir-Rumani jew lill-awtoritajiet Lhud taż-żmienek, li qed tmur kontra l-Liġi ta’ Mosè. Kienet mistoqsija bħal xabla li taqta b’żewġ ix-xfar.
Bl-għerf kollu tiegħek, O Sinjur, inti tagħmel ġest profetiku, li twassal lil dawk li staqsewk biex joħorġu munita li kellhom fuqhom, u li kienet munita Rumana, u li fuqha kien hemm il-wiċċ tal-Imperatur. Int iġġegħlhom iħarsu lejn il-wiċċ tal-Imperatur li huma kienu tant jistmerru jħarsu lejh. U tirrispondihom: “agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla”. (5 sek pawsa)
B’dan il-kliem, o Mulej, lilna wkoll illum qed tfakkarana, li għandna dover naqdu dmirijiet ċivili sew, jiġifieri nirispettaw il-liġijiet ġusti tal-Istat: li nħallsu t-taxxi bħala kontribut tagħna, biex l-Istat iħaddem is-sistemi ta’ għajnuna soċjali tiegħu, u li nerfgħu r-responsabbiltajiet li għandna bħala ċittadini. (3 sek pawsa)
Int trid turina wkoll, li rridu nagħrfu li aħna wkoll maħluqin xbieha t’Alla, u għalhekk irridu nħarsu li din ix-xbieha li tidher fina, u nirrispettaw lil kull bniedem, għax kull bniedem hu xbieha t’Alla. M’hijiex biss li naqdu d-dmirijiet spiritwali u daqshekk, imma li ħajjitna rridu ngħixuha fid-dawl ta’ dak li trid minna Int.
Ejjew nistaqsu ftit lilna nnfusna: Bħala nisrani, nisranija, qiegħed ngħix fid-dawl ta’ dak li Alla jrid minni? (10 sek pawsa)
Qiegħed naqdi dmiri u b’responsabbiltà fil-ħajja ċivili?
Silenzju 2 min
Il-fidi fik, O Mulej, hija qawwa biex nagħmlu l-ġid soċjali. Nhar il-Ħadd, se niċċelebraw il-Ġurnata Missjunarja. F’din il-ġurnata niċċelebraw tant ġid li għamlu u kontinwament qed jagħmlu nies ispirati mill-fidi biex iwasslu l-Aħbar it-Tajba; nies li qed jagħmlu tant ġid, b’mod speċjali lejn dawk li huma l-aktar fil-bżonn. (3 sek pawsa)
Ejjew aħna wkoll nagħtu sehem tagħna, mhux biss billi nagħtu donazzjoni tagħna meta nhar il-Ħadd issir ġabra; imma li nkun miftuħin biex ngħinnu lil dawk li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna: jistgħu ikunu jgħixu fit-triq tagħna, anke membri tal-familja tagħna. Li ngħaddu kelma ta’ kuraġġ jew ġest ta’ għajnuna, u b’hekk inkunu qed ngħixu l-fidi tagħna f’Ġesù. (3 sek pawsa)
Nitolbuk, o Sinjur, biex aħna dejjem nagħrfu nagħqdu r-responsabbiltajiet tagħna ċivili b’mod onest, b’mod integru; biex il-fidi tagħna fik, tkun fidi qawwija li tgħinna biex nagħrfu li aħna wkoll xbieha tiegħek, proprjeta tiegħek. Agħtina l-qawwa biex waqt li aħna nkunu ħaġa waħda fik, dejjem nagħmlu l-ġid u naħdmu għal dinja aħjar.
Silenzju 3 min
Talbiet tal-Komunitá
Insejħu lill-Mulej Alla li jħarisna sabiex jisma’ t-talbiet tagħna.
Mulej Alla, wettaq l-id u l-kelma tal-Papa Ljun XIV fi ħdan il-Knisja, sabiex titlaħħam il-ħajja tagħna ta’ kuljum. Nitolbu.
Mulej Alla, wassal lill-mexxejja tad-dinja, biex jaħdmu ħalli l-ġid tad-dinja jitqassam b’mod ġust, sabiex miljuni kbar ta’ bnedmin ma jkomplux ibatu l-faqar għax bla xogħol, bla djar, bla ilma u bla ikel. Nitolbu.
Mulej Alla tinsiex il-Knisja tiegħek: miss il-qlub taż-żgħażagħ tagħna ħalli jwieġbu għas-sejħa tiegħek. Nitolbu.
Mulej Alla, agħti l-grazzja tal-fidi, t-tama u l-imħabba lil dawk li ma jemmnux fik. Nitolbu.
Mulej Alla, għin lilna f’din il-komunità, biex nitħeġġu u nagħtu lilek dak li hu tiegħek, u ma nonqsux milli nagħtu dak li hu dmirna għall-ġid tal-pajjiż tagħna. Nitolbu.
Nitolbu għal tant missjunarji madwar id-dinja kollha, b’mod speċjali missjunarji maltin: biex il-Mulej jkompli jbierek il-missjoni li qegħdin jagħmlu madwar id-dinja. Nitolbu.
Ejjew fis-skiet inressqu t-talbiet u l-intenzjonijiet personali tagħna
Tingħata l-Barka Sagramentali: