Il-vokazzjoni u l-missjoni tal-familja fil-Knisja u fid-dinja tal-lum


SINODU TAL-ISQFIJIET

L-XIV ASSEMBLEA ĠENERALI ORDINARJA

 Il-vokazzjoni u l-missjoni tal-familja fil-Knisja u fid-dinja tal-lum

 LINEAMENTA

 Belt tal-Vatikan 2014

WERREJ

Introduzzjoni

L-EWWEL PARTI

Is-smigħ: il-kuntest u l-isfidi fuq il-familja

Il-kuntest soċjo-kulturali

Ir-relevanza tal-ħajja affettiva

L-isfida għall-pastorali

 

IT-TIENI PARTI

Il-ħarsa lejn Kristu: il-Vanġelu tal-familja

Il-ħarsa lejn Ġesù u l-pedagoġija divina fl-istorja tas-salvazzjoni

Il-familja fil-pjan salvifiku ta’ Alla

Il-familja fid-dokumenti tal-Knisja

L-indissolubbiltà taż-żwieġ u l-ferħ tal-ħajja flimkien

Il-verità u l-ġmiel tal-familja u ħniena lejn il-familji miġruħa u dgħajfa

 

IT-TIELET PARTI

Il-konfront: perspettivi pastorali

Inħabbru l-Vanġelu tal-familja llum, fid-diversi kuntesti

Ngħinu lill-koppji li qegħdin f’mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ

Insieħbu lill-koppji fl-ewwel snin tal-ħajja taż-żwieġ

Kura pastorali għal dawk li qed jgħixu fiż-żwieġ ċivili jew f’konvivenzi

Nikkuraw il-familji miġruħa (separati, divorzjati li ma reġgħux iżżewġu, divorzjati li reġgħu żżewġu, familji b’ġenitur wieħed)

L-attenzjoni pastorali lejn il-persuni b’orjentament omosesswali

It-trasmissjoni tal-ħajja u l-isfida tat-tnaqqis fir-rata tat-twelid

L-isfida tal-edukazzjoni u r-rwol tal-familja fl-evanġelizzazzjoni

 

Konklużjoni

* * *

 

Introduzzjoni

1. Is-Sinodu tal-Isqfijiet miġbur madwar il-Papa jixħet ħarstu fuq il-familji kollha tad-dinja bil-ferħ tagħhom, it-taħbit tagħhom, it-tamiet tagħhom.  Iħossu b’mod partikulari fid-dmir li jrodd ħajr lill-Mulej għall-fedeltà ġeneruża li biha tant familji Nsara qed iwieġbu għas-sejħa u l-missjoni tagħhom.  Dan jagħmluh b’ferħ u b’fidi anki meta l-mixja fil-familja tqegħdilhom quddiemhom xkiel, nuqqas ta’ ftehim u kull xorta ta’ tbatija.  Għal dawn il-familji jmur l-apprezzament, ir-radd il-ħajr u l-inkuraġġiment tal-Knisja kollha u ta’ dan is-Sinodu.  Fil-velja ta’ talb iċċelebrata fi Pjazza San Pietru nhar is-Sibt 4 ta’ Ottubru 2014 bi tħejjija għas-Sinodu fuq il-Familja, il-Papa Franġisku tkellem b’mod sempliċi u konkret dwar iċ-ċentralità tal-esperjenza tal-familja fil-ħajja tagħna lkoll, u esprima ruħu hekk: “Issa dieħel il-lejl fuq il-laqgħa tagħna.  Hi s-siegħa li fiha kulħadd jieħu gost jerġa’ lura d-dar biex joqgħod madwar l-istess mejda, f’dak l-ambjent ta’ mħabba, jaqsam it-tajjeb li wieħed għamel u rċieva, fil-laqgħat li jsaħħnu l-qalb u jkabbruha, l-inbid bnin li diġà sa minn dawn il-jiem tal-bniedem fuq din l-art iħabbar il-festa li fuqha x-xemx qatt ma tinżel.  Din hi wkoll l-itqal siegħa għal min isib ruħu waħdu wiċċ imb’wiċċ mas-solitudni tiegħu, fl-imrar tal-ħolm imtajjar u l-proġetti mkissra tiegħu: kemm nies jispiċċaw ikaxkru l-ġranet tagħhom fl-isqaq tar-rassenjazzjoni, tat-telqa, jekk mhux ukoll tar-rabja; f’kemm djar naqas l-inbid tal-ferħ u, għalhekk, it-togħma tajba – l-istess għerf – tal-ħajja…  Illejla fit-talb tagħna ejjew niftakru kemm f’dawn u kemm fl-oħrajn, u ngħidu talba għal kulħadd”.

 

2. Ġuf ta’ ferħ u ta’ provi, ta’ relazzjonijiet affettivi qawwija u oħrajn kultant miġruħa, il-familja hi tabilħaqq “skola ta’ umanità” (ara Gaudium et Spes, 52), li l-bżonn tagħha jinħass b’mod qawwi.  Minkejja tant sinjali ta’ kriżi fl-istituzzjoni tal-familji fid-diversi kuntesti tal-“villaġġ globali”, ix-xewqa għall-familja tibqa’ ħajja, speċjalment fost iż-żgħażagħ, u tqanqal lill-Knisja, esperta fl-umanità u fidila lejn il-missjoni tagħha, biex tħabbar bla heda u b’konvinzjoni qawwija l-“Vanġelu tal-familja” li ġie fdat lilha bir-rivelazzjoni tal-imħabba ta’ Alla f’Ġesù Kristu u kien mgħallem bla heda mill-Padri, mill-Imgħallmin tal-ispiritwalità u mill-Maġisteru tal-Knisja.  Il-familja f’għajnejn il-Knisja għandha importanza għal kollox partikulari u meta dawk kollha li jemmnu qed jiġu mistiedna joħorġu minnhom infushom, hemm bżonn li l-familja tiskopri mill-ġdid lilha nfisha bħala suġġett essenzjali tal-evanġelizzazzjoni.  Ħsiebna jmur lejn ix-xhieda missjunarja ta’ tant familji.

 

3. Dwar ir-realtà tal-familja, deċiżiva u prezzjuża, l-Isqof ta’ Ruma sejjaħ lis-Sinodu tal-Isqfijiet biex jirrifletti tul-Assemblea Ġenerali Staordinarja tiegħu ta’ Ottubru 2014, ħalli mbagħad jinżel iktar fil-fond tar-riflessjoni fl-Assemblea Ġenerali Ordinarja li sa tinżamm f’Ottubru 2015, kif ukoll tul is-sena sħiħa li tifred iż-żewġ ġrajjiet sinodali.  “Diġà l-convenire in unum madwar l-Isqof ta’ Ruma hi ġrajja ta’ grazzja, fejn il-kolleġġjalità episkopali tidher f’mixja ta’ dixxerniment spiritwali u pastorali”b’dan il-kliem il-Papa Franġisku fisser l-esperjenza sinodali, u wera x’għandha tkun il-ħidma tagħha fis-smigħ doppju tas-sinjali ta’ Alla u tal-istorja tal-bnedmin u fil-fedeltà doppja u waħdanija li toħroġ minn dan.

 

4. Fid-dawl tal-istess diskors ġbarna r-riżultati tar-riflessjonijiet tagħna u tad-djalogi tagħna f’dawn it-tliet taqsimiet li ġejjin: is-smigħ, biex nistgħu nħarsu lejn ir-realtà tal-familja llum, fil-kumplessità tad-dawl u d-dellijiet tiegħu; il-ħarsa fissa fuq Kristu biex inkunu kapaċi nħarsu bi freskezza mġedda u b’entużjażmu lejn dak li r-Rivelazzjoni, mgħoddija lilna fil-fidi tal-Knisja, qed tgħidilna fuq il-ġmiel, fuq ir-rwol u fuq id-dinjità tal-familja; il-konfront għad-dawl tal-Mulej Ġesù biex niddixxernu t-toroq li bihom nistgħu nġeddu l-Knisja u s-soċjetà fl-impenn tagħhom għall-familja mwaqqfa fuq iż-żwieġ bejn raġel u mara.

 

L-EWWEL PARTI

Is-smigħ: il-kuntest u l-isfidi fuq il-familja

 

Il-kuntest soċjo-kulturali

5. Fidili lejn it-tagħlim ta’ Kristu, inħarsu lejn ir-realtà tal-familja llum fil-kumplessità kollha tagħha, fid-dawl u d-dellijiet tagħha.  Naħsbu fil-ġenituri, in-nanniet, l-aħwa, il-qraba kemm tal-qrib u kemm tal-bogħod, u fir-rabta bejn żewġ familji li minnha hu minsuġ kull żwieġ.  Il-bidla antropoloġika-kulturali llum tinfluwenza l-aspetti kollha tal-ħajja u titlob viżjoni analitika u diversifikata.  Ta’ min jagħfas qabel xejn fuq l-aspetti pożittivi: libertà akbar ta’ espressjoni u għarfien aqwa ta’ drittijiet il-mara u t-tfal, tal-inqas f’xi reġjuni.  Imma, min-naħa l-oħra, daqshekk ieħor irridu nqisu l-periklu dejjem jikber li qed joħloq l-individwaliżmu esaġerat li jxejjen ir-rabtiet familjari u jispiċċa biex iqis kull parti tal-familja bħala gżira, fejn, f’ċerti każi, tirbaħ l-idea ta’ suġġett li jibni lilu nnifsu skont ix-xewqat tiegħu stess li hu jarahom bħala xi assolut.  Ma’ dan inżidu wkoll il-kriżi tal-fidi li messet lil tant Kattoliċi u li spiss hi fl-għeruq tal-kriżi taż-żwieġ u tal-familja.

 

6. Waħda mill-agħar xejriet ta’ faqar tal-kultura ta’ żmienna hi s-solitudni, frott tan-nuqqas ta’ Alla fil-ħajja tal-persuni u tad-dgħufija fir-relazzjonijiet.  Hemm anki sensazzjoni ġenerali ta’ impotenza fil-konfront tar-realtà soċjo-ekonomika li spiss tispiċċa tifni lill-familji.  Hekk qed jiġri fil-każ tal-faqar dejjem jikber u x-xogħol prekarju li spiss insibu min qed jgħixhom bħala veru inkubu, jew minħabba sistema fiskali peżanti wisq li żgur ma tħeġġiġx liż-żgħażagħ jidħlu għal żwieġ.  Spiss il-familji jħossuhom imwarrba minħabba n-nuqqas ta’ interess u l-ftit li xejn attenzjoni min-naħa tal-istituzzjonijiet.  Huma evidenti l-konsegwenzi negattivi mill-perspettiva tal-organizzazzjoni soċjali: mill-kriżi demografika għall-isfidi edukattivi, mid-diffikultà biex nilqgħu ħajjiet ġodda għas-sensazzjoni li l-preżenza tal-anzjani hi piż.  Wieħed jinnota li n-nuqqas ta’ mħabba qed jinfirex tant illi l-bniedem qed isir vjolenti.  Hi responsabbiltà tal-Istat li joħloq il-kundizzjonijiet leġislattivi u ta’ xogħol biex jiggarantixxi l-futur taż-żgħażagħ u jgħinhom iwettqu l-pjan tagħhom li jwaqqfu familja.

 

7. Hemm kuntesti kulturali u reliġjużi li jippreżentaw sfidi partikulari.  F’xi soċjetajiet għadha teżisti l-prattika tal-poligamija u f’xi kuntesti tradizzjonali d-drawwa tal-“marriage in stages”.  F’kuntesti oħra, għadha teżisti l-prattika ta’ żwiġijiet miftiehma minn qabel.  Fil-pajjiżi fejn il-preżenza tal-Knisja Kattolika hi f’minoranza, ħafna huma ż-żwiġijiet imħallta u ta’ disparità fil-kult, bid-diffikultajiet kollha li dawn iġibu magħhom f’dak li għandu x’jaqsam mad-dimensjoni ġuridika, mal-Magħmudija u mal-edukazzjoni tal-ulied u r-rispett reċiproku mill-perspettiva tad-differenzi fit-twemmin.  F’dawn iż-żwiġijiet jista’ jkun hemm il-periklu tar-relattiviżmu jew tal-indifferenza, imma jista’ jkun hemm anki l-possibbiltà ta’ spazju li jiffavorixxi l-ispirtu ekumeniku u d-djalogu inter-reliġjuż f’konvivenza armonjuża ta’ komunitajiet li jgħixu flimkien fl-istess post.  F’ħafna kuntesti, u mhux biss fil-Punent, qed tixtered ħafna l-prassi tal-konvivenza qabel iż-żwieġ jew anki ta’ konvivenzi li mhumiex orjentati biex jassumu l-forma ta’ rabta istituzzjonali.  Ma’ dan spiss wieħed irid iżid leġislazzjoni ċivili li tikkomprometti ż-żwieġ u l-familja.  Minħabba fis-sekularizzazzjoni f’ħafna partijiet tad-dinja, ir-riferiment għal Alla naqas ħafna u l-fidi m’għadhiex iżjed soċjalment kondiviża.

 

8. Ħafna huma t-tfal li qed jitwieldu barra miż-żwieġ, speċjalment f’xi pajjiżi, u ħafna huma dawk li mbagħad jikbru b’ġenitur wieħed biss jew f’kuntest familjari mwessa’ jew imwaqqaf mill-ġdid.  L-għadd tad-divorzji qed jikber u mhumiex rari l-każijiet ta’ għażliet determinati biss minn fatturi ekonomiċi.  It-tfal spiss huma oġġett ta’ tilwim bejn il-ġenituri u l-ulied huma l-veri vittmi tat-tiċrit familjari.  Il-missirijiet spiss huma assenti mhux biss minħabba kawżi ekonomiċi, hemm fejn suppost jinħass il-bżonn li huma jassumu b’mod iżjed ċar ir-responsabbiltà ta’ wliedhom u tal-familja.  Id-dinjità tal-mara jeħtieġ tiġi mħarsa u promossa.  Fil-fatt illum, f’ħafna kuntesti, li tkun mara sar oġġett ta’ diskriminazzjoni u anki d-don tal-maternità spiss jiġi penalizzat flok ippreżentat bħala valur.  Lanqas għandna ninsew il-fenomeni dejjem jiżdiedu ta’ vjolenza li tagħhom in-nisa huma vittmi, b’xorti ħażin spiss anki fil-familja stess, u l-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa, tant gravi u hekk komuni f’xi kulturi.  L-abbuż sesswali tat-tfal imbagħad hu waħda mir-realtajiet l-iżjed skandalużi u perversi tas-soċjetà tal-lum.  Anki s-soċjetajiet li ġarrbu l-vjolenza minħabba fil-gwerra, it-terroriżmu jew il-preżenza tal-kriminalità organizzata, qed jaraw quddiemhom qagħdiet familjari li ħadu daqqa lura, fuq kollox fil-metropoli l-kbar u fil-periferiji tagħhom fejn qed jikber l-hekk imsejjaħ fenomenu tat-tfal tat-triq.  Barra dan, l-immigrazzjoni tirrappreżenta sinjal ieħor taż-żminijiet li jeħtieġ naffrontaw u nifhmu, billi nifhmu l-konsegwenzi kollha li din tħalli fuq il-ħajja tal-familja.

 

 

Ir-relevanza tal-ħajja affettiva

9. Quddiem dan il-kwadru soċjali li fissirna, nosservaw f’ħafna partijiet tad-dinja, fl-individwi, bżonn ikbar li jieħdu ħsieb tal-persuna tagħhom infushom, li jsiru jafu lilhom infushom minn ġewwa, li jgħixu aħjar f’sintonija mal-emozzjonijiet u s-sentimenti tagħhom, li jfittxu relazzjonijiet affettivi ta’ kwalità; din l-aspirazzjoni tajba tista’ tiftaħ għax-xewqa li jimpenjaw ruħhom biex jibnu relazzjonijiet kreattivi ta’ għotja u ta’ reċiproċità, responsabilizzanti u solidali bħal dawk familjari.  Il-periklu individwalista u r-riskju li jgħixu b’mod egoistiku huma tassew rilevanti.  L-isfida għall-Knisja hi li tgħin lill-koppji jimmaturaw fid-dimensjoni emozzjonali u fl-iżvilupp affettiv tagħhom billi tippromovi d-djalogu, il-virtù u l-fiduċja fl-imħabba kollha ħniena ta’ Alla.  L-impenn sħiħ mitlub miż-żwieġ Nisrani jista’ jkun antidotu qawwi kontra t-tentazzjoni ta’ individwaliżmu egoistiku.

 

10. Fid-dinja tal-lum ma jonqsux tendenzi kulturali li bħal donnhom jimponu affettività mingħajr limiti li donna rridu nesploraw l-aspetti kollha tagħha, anki dawk l-iżjed kumplessi.  Fil-fatt, il-kwistjoni tad-dgħufija affettiva hi ħafna attwali: affettività narċisista, instabbli u li tinbidel, li mhux dejjem tgħin lis-suġġetti jilħqu maturità ogħla.  Hu ta’ tħassib ċertu tixrid tal-pornografija u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-ġisem, misjuq ukoll minn użu ħażin tal-internet, u ta’ min jikkundanna s-sitwazzjoni ta’ dawk il-persuni li jiġu obbligati jipprattikaw il-prostituzzjoni.  F’dan il-kuntest, il-koppji spiss huma inċerti, dubjużi u jbatu biex isibu modi kif jikbru.  Ħafna huma dawk li donnhom jeħlu fl-ewwel stadji tal-ħajja emozzjonali u sesswali tagħhom.  Il-kriżi tal-koppja theżżeż il-familja, u bis-separazzjonijiet u d-divorzji tista’ tasal biex tipproduċi konsegwenzi serji fuq l-adulti, l-ulied u s-soċjetà, iddgħajjef l-individwu u r-rabtiet soċjali.  Anki t-tnaqqis demografiku, minħabba mentalità li tippromovi inqas twelidijiet u mħeġġeġ mis-sistemi politiċi dinjija tas-saħħa riproduttiva, mhux biss jiddetermina sitwazzjoni li fiha l-kontinwazzjoni minn ġenerazzjoni għal oħra m’għadhiex iżjed żgurata, imma jirriskja li maż-żmien iġib tfaqqir ekonomiku u jtellef it-tama fil-futur.  Anki l-iżvilupp tal-bijoteknoloġiji ħalla impatt qawwi fuq ir-rata tat-twelid.

 

L-isfida għall-pastorali

11. F’dan il-kuntest il-Knisja tħoss il-bżonn li tlissen kelma ta’ verità u ta’ tama.  Jeħtieġ naġixxu bil-konvinzjoni li l-bniedem ġej minn Alla u li, għalhekk, riflessjoni li kapaċi terġa’ tipproponi l-mistoqsijiet il-kbar fuq xi jfisser li aħna bnedmin, tista’ ssib art għammiela fix-xewqat l-iżjed qawwija tal-umanità.  Il-valuri kbar taż-żwieġ u tal-familja Nisranija jikkorrispondu għat-tiftix tal-eżistenza umana anki f’dan iż-żmien immarkat mill-individwaliżmu u l-edoniżmu.  Jeħtieġ nilqgħu lill-persuni bil-ħajja konkreta tagħhom, nagħrfu nwieżnu t-tiftixa tagħhom, inħeġġu x-xewqa għal Alla u r-rieda li jħossuhom kollhom kemm huma parti mill-Knisja, anki dawk fosthom li ġarrbu l-falliment jew jinsabu fl-agħar sitwazzjonijiet ta’ disprament.  Il-messaġġ Nisrani dejjem għandu fih ir-realtà u d-dinamika tal-ħniena u tal-verità, li fi Kristu jiltaqgħu flimkien.

 

IT-TIENI PARTI

Il-ħarsa lejn Kristu: il-Vanġelu tal-familja

 

Il-ħarsa lejn Ġesù u l-pedagoġija divina fl-istorja tas-salvazzjoni

12. Biex “nivverifikaw il-pass tagħna fuq l-art tal-isfidi kontemporanji, il-kundizzjoni deċiżiva hi li nżommu ħarsitna msammra fuq Ġesù Kristu, nieqfu nikkontemplaw u naduraw il-wiċċ tiegħu […].  Fil-fatt, kull darba li nerġgħu lura għall-għajn tal-esperjenza Nisranija, jinfetħu quddiemna toroq ġodda u possibbiltajiet li ma konniex ħsibna fihom qabel” (il-Papa Franġisku, Diskors tal-4 ta’ Ottubru 2014).  Ġesù ħares bi mħabba u ħlewwa lejn in-nisa u l-irġiel li magħhom kien jiltaqa’, sieħeb il-passi tagħhom bil-verità, is-sabar u l-ħniena, hu u jħabbrilhom dak li kien meħtieġ għas-Saltna ta’ Alla.

 

13.  Billi l-ordni tal-ħolqien hu determinat mill-orjentament lejn Kristu, irridu nagħżlu bla ma nifirdu minn xulxin id-diversi gradi li bihom Alla jikkomunika lill-umanità l-grazzja tal-Patt.  Fid-dawl tal-pedagoġija divina, fejn l-ordni tal-ħolqien jevolvi f’dak tal-fidwa permezz ta’ tappi wara xulxin, jeħtieġ nifhmu l-element ġdid tas-sagrament taż-żwieġ Nisrani f’kontinwità maż-żwieġ naturali tal-bidu.  Hekk nifhmu hawn il-mod salvifiku kif jaġixxi Alla, kemm fil-ħolqien u kemm fil-ħajja Nisranija.  Fil-ħolqien: billi kollox sar bi Kristu u għaliH (ara Kol 1:16), l-Insara “jikxfu bil-ferħ u bil-qima ż-żrieragħ tal-Kelma li huma moħbija ġo fihom, fl-istess ħin joqogħdu attenti għall-bidla kbira li ssir fost il-ġnus” (Ad Gentes, 11).  Fil-ħajja Nisranija: ladarba bil-Magħmudija min jemmen jidħol fil-Knisja permezz ta’ dik il-Knisja tad-dar li hi l-familja tiegħu, hu jidħol f’dak “il-proċess dinamiku li permezz tiegħu bil-mod il-mod jintegra d-doni ta’ Alla” (Familiaris Consortio9), permezz tal-konverżjoni kontinwa għall-imħabba li tifdi mid-dnub u tagħti l-milja tal-ħajja.

 

14. Ġesù nnifsu, meta jirriferi għall-pjan oriġinali għall-koppja umana, jerġa’ jagħfas fuq ir-rabta li ma tinħallx bejn raġel u mara, u jżid jgħid li “kien minħabba l-ebusija ta’ qalbkom li Mosè takom il-permess tibagħtu n-nisa tagħkom.  Iżda ma kienx hekk mill-bidu” (Mt 19:8).  L-indissolubbiltà taż-żwieġ (“Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem”, Mt 19:6), qabelxejn m’għandhiex tinftiehem bħala “madmad” impost fuq il-bnedmin, imma bħala “don” li Alla jagħmel lil żewġ persuni magħquda fiż-żwieġ.  B’dan il-mod, Ġesù juri kif l-azzjoni divina li biha Alla jiċċekken u jsir bniedem dejjem issieħeb il-mixja umana, tfejjaq u tbiddel il-qalb iebsa bil-grazzja tagħha, torjentaha lejn il-bidu tagħha, permezz tat-triq tas-salib.  Mill-Vanġeli joħroġ ċar l-eżempju ta’ Ġesù li hu mudell għall-Knisja.  Ġesù fil-fatt daħal f’familja, ta bidu għas-sinjali tiegħu fil-festa tat-tieġ ta’ Kana, ħabbar il-messaġġ dwar it-tifsira taż-żwieġ bħala l-milja tar-Rivelazzjoni li jfittex mill-ġdid il-pjan oriġinali ta’ Alla (Mt 19:3).  Imma fl-istess waqt hu qiegħed fil-prattika t-tagħlim tiegħu u hekk wera l-vera tifsira tal-ħniena.  Dan jidher ċar fil-laqgħat mas-Samaritana (Ġw 4:1-30) u mal-adultera (Ġw 8:1-11) fejn Ġesù, b’atteġġjament ta’ mħabba lejn il-persuna midinba, iwassal għall-indiema u għall-konverżjoni (“mur u tidnibx iżjed”), li hi kundizzjoni għall-maħfra.

 

Il-familja fil-pjan salvifiku ta’ Alla

15. Il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem li Ġesù ħalla lid-dixxipli tiegħu kien jiġbor fih ukoll it-tagħlim fuq iż-żwieġ u l-familja.  Dan it-tagħlim ta’ Ġesù jagħtina li naqsmu fi tliet tappi fundamentali l-pjan ta’ Alla għaż-żwieġ u l-familja.  L-ewwel nett, għandna l-familja tal-bidu, meta Alla l-Ħallieq waqqaf iż-żwieġ primordjali bejn Adam u Eva, bħala bażi b’saħħitha għall-familja.  Alla mhux biss ħalaq lill-bniedem raġel u mara (Ġen 1:27), imma berikhom ukoll biex ikattru u jimlew l-art (Ġen 1:28).  Għalhekk, “ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u jsiru ġisem wieħed” (Ġen 2:24).  Din l-għaqda ġiet imtappna bid-dnub u saret il-forma storika ta’ żwieġ fil-Poplu ta’ Alla, li għalih Mosè kiseb il-possibbiltà li ssir il-kitba tad-divorzju (ara Dewt 23:1ss).  Din il-forma kienet għadha titħaddem fi żmien Ġesù.  Bil-miġja tiegħU u r-rikonċiljazzjoni tad-dinja mġarrfa grazzi għall-fidwa miġjuba minnU, temm l-era inawgurata minn Mosè.

 

16. Ġesù, li rrikonċilja kollox fih, reġġa’ lura ż-żwieġ u l-familja għall-forma oriġinali tagħhom (ara Mk 10:1-12).  Il-familja u ż-żwieġ ġew mifdija minn Kristu (ara Efes 5:21-32), irrestawrati skont ix-xbieha tat-Trinità Qaddisa, misteru li minnu tnixxi kull imħabba vera.  Il-patt taż-żwieġ, inawgurat fil-ħolqien u rrivelat fl-istorja tas-salvazzjoni, isib ir-rivelazzjoni sħiħa tat-tifsira tiegħu fi Kristu u fil-Knisja tiegħu.  Mingħand Kristu permezz tal-Knisja, iż-żwieġ u l-familja jirċievu l-grazzja meħtieġa biex jistgħu jagħtu xhieda tal-imħabba ta’ Alla u jgħixu l-ħajja f’komunjoni.  Il-Vanġelu tal-familja ilu jivvjaġġa fl-istorja tad-dinja, mill-ħolqien tal-bniedem fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla (ara Ġen 1:26-27), sat-twettiq tal-misteru tal-Patt fi Kristu, sat-temma taż-żmien bil-festa tat-tieġ tal-Ħaruf (ara Apok 19:0; Ġwanni Pawlu II, Katekeżi fuq l-imħabba umana).

 

Il-familja fid-dokumenti tal-Knisja

17. “Matul il-medda tas-sekli, il-Knisja qatt ma naqset milli tagħti t-tagħlim kontinwu tagħha fuq iż-żwieġ u l-familja.  Waħda mill-ogħla espressjonijiet ta’ dan il-Maġisteru pproponieha l-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, fil-Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes, li jiddedika kapitlu sħiħ lill-promozzjoni tad-dinjità taż-żwieġ u tal-familja (ara Gaudium et Spes, 47-52).  Dan fisser iż-żwieġ bħala komunità ta’ ħajja u ta’ mħabba (ara Gaudium et Spes, 48), u qiegħed l-imħabba fil-qalba tal-familja, waqt li fl-istess ħin wera l-verità ta’ din l-imħabba quddiem id-diversi forom ta’ riduzzjoniżmu preżenti fil-kultura ta’ żmienna.  L-‘imħabba vera bejn raġel u mara’ (Gaudium et Spes, 49) timplika l-għotja reċiproka tagħhom infushom, tinkludi u tintegra fiha d-dimensjoni sesswali u l-affettività, fi qbil mal-pjan divin (ara Gaudium et Spes, 48-49).  Barra dan, Gaudium et Spes 48 tagħfas fuq l-importanza li l-miżżewġin iniżżlu l-għeruq tagħhom fi Kristu: Kristu l-Mulej ‘jiltaqa mal-miżżewġin Insara bis-sagrament taż-żwieġu jibqa’ magħhom.  Fl-Inkarnazzjoni, Hu jieħu fuqu l-imħabba umana, isaffiha, iwassalha għall-milja tagħha, u jagħti lill-miżżewġin, bl-Ispirtu tiegħu, il-ħila li jgħixuha, fil-ħajja kollha tagħhom ta’ fidi, tama u mħabba.  B’dan il-mod il-miżżewġin huma bħal ikkonsagrati u, permezz tal-grazzja propja, jibnu l-Ġisem ta’ Kristu u jwaqqfu Knisja tad-dar (ara Lumen Gentium, 11), hekk li l-Knisja, biex tista’ tifhem b’mod sħiħ il-misteru tagħha, trid tħares lejn il-familja Nisranija, li dan turih b’mod ġenwin” (Instrumentum Laboris, 4).

 

18. “Fuq il-passi tal-Konċilju Vatikan II, il-Maġisteru pontifiċju niżel iktar fil-fond tat-tagħlim fuq iż-żwieġ u l-familja.  B’mod partikulari, Pawlu VI, bl-Enċiklika Humanæ Vitæxeħet dawl fuq ir-rabta intima bejn imħabba konjugali u tnissil tal-ħajja.  San Ġawnni Pawlu II iddedika attenzjoni partikulari lill-familja permezz tal-katekeżi tiegħu fuq l-imħabba umana, bl-Ittra lill-Familji (Gratissimam Saneu fuq kollox bl-Eżortazzjoni Appostolika Familiaris Consortio.  F’dawn id-dokumenti, il-Papa sejjaħ lill-familja ‘triq tal-Knisja’; offra viżjoni sħiħa dwar il-vokazzjoni tar-raġel u l-mara għall-imħabba; ippropona l-linji fundamentali għall-pastorali tal-familja u għall-preżenza tal-familja fis-soċjetà.  B’mod partikulari, hu u jittratta l-imħabba konjugali (ara Familiaris Consortio, 13), fisser il-mod kif il-miżżewġin, fl-imħabba tagħhom lejn xulxin, jirċievu d-don tal-Ispirtu ta’ Kristu u jgħixu s-sejħa tagħhom għall-qdusija” (Instrumentum Laboris, 5).

 

19. “Benedittu XVI, fl-Enċiklika Deus Caritas Estreġa’ qabad it-tema tal-verità tal-imħabba bejn raġel u mara, li tiddawwal b’mod sħiħ biss mid-dawl tal-imħabba ta’ Kristu msallab (ara Deus Caritas Est, 2).  Hu jinsisti: ‘Iżżwieġ imsejjes fuq l-imħabba esklussiva u definita jsir ix-xbieha (ikona) tarrelazzjoni ta’ Alla mal-poplu tiegħu u tal-poplu ma’ Alla; il-mod kif Alla jħobb isir il-kejl tal-imħabba umana (Deus Caritas Est, 11).  Barra minn hekk, fl-Enċiklika Caritas in Veritatejuri l-importanza tal-imħabba bħala l-prinċipju tal-ħajja fis-soċjetà (ara Caritas in Veritate, 44), post fejn wieħed jitgħallem l-esperjenza tal-ġid komuni” (Instrumentum Laboris, 6).

 

20“Il-Papa Franġisku, fl-Enċiklika Lumen Fidei, meta jaffronta t-tema tar-rabta bejn il-familja u l-fidi, jikteb hekk: ‘Il-laqgħa ma’ Kristu, meta jħallu mħabbtu taħtafhom u tmexxihom, twessa’ x-xefaq tal-eżistenza u tagħtihom tama soda li ma tqarraqx.  Il-fidi mhijiex kenn għal nies bla kuraġġ, iżda ġġib ’il quddiem il-ħajja tagħna.  Hi tikxef sejħa kbira, il-vokazzjoni għall-imħabba, u tiżgura li din l-imħabba hi affidabbli, li wieħed jaqbillu jingħata lilha, għaliex is-sies tagħha jinsab fil-fedeltà ta’ Alla, li hi aqwa minn kull dgħufija tagħna’ (Lumen Fidei, 53) (Instrumentum Laboris, 7).

 

L-indissolubbiltà taż-żwieġ u l-ferħ tal-ħajja flimkien

21. Id-don reċiproku li fuqu mibni ż-żwieġ sagramentali għandu għeruqu fil-grazzja tal-Magħmudija li twaqqaf il-patt fundamentali ta’ kull persuna ma’ Kristu fil-Knisja.  Meta jilqgħu lil xulxin u bil-grazzja ta’ Kristu, l-għarajjes li waslu għaż-żwieġ iwiegħdu li jingħataw għal kollox għal xulxin, b’fedeltà u ftuħ għall-ħajja, u jagħrfu bħala elementi kostituttivi taż-żwieġ id-doni li Alla joffrilhom, jieħdu bis-serjetà l-impenn ta’ kull parti, f’ismu u quddiem il-Knisja.  Issa, il-fidi tagħmilhielhom possibbli li jagħmlu tagħhom il-ġid taż-żwieġ bħala impenn li jistgħu jidħlu għalih aħjar bl-għajnuna tal-grazzja tas-sagrament.  Alla jikkonsagra l-imħabba tal-miżżewġin u jikkonferma l-indissolubbiltà tagħha, joffrilhom l-għajnuna biex jgħixu l-fedeltà, l-integrazzjoni reċiproka u l-ftuħ għall-ħajja.  Għalhekk, il-ħarsa tal-Knisja ddur lejn il-miżżewġin bħallikieku lejn il-qalb tal-familja sħiħa li anki hi min-naħa tagħha ddawwar ħarsitha lejn Ġesù.

 

22. Fl-istess perspettiva, aħna u nagħmlu tagħna t-tagħlim tal-Appostlu li jgħid li l-ħolqien kollu kien maħsub fi Kristu u fid-dawl tiegħu (ara Kol 1:16), il-Konċilju Vatikan II ried juri apprezzament għaż-żwieġ naturali u l-elementi validi preżenti fir-reliġjonijiet l-oħra (ara Nostra Ætate, 2) u fil-kulturi, minkejja l-limitazzjonijiet u n-nuqqasijiet (ara Redemptoris Missio, 55).  Il-preżenza tas-semina Verbi fil-kulturi (ara Ad Gentes, 11) tista’ tiġi applikata, f’ċerti każi, anki għar-realtà taż-żwieġ u l-familja f’tant kulturi u persuni mhux Insara.  Mela nsibu elementi validi anki f’xi forom ’il barra miż-żwieġ Nisrani – li, imma, xorta huma mwaqqfa fuq ir-relazzjoni stabbli u vera bejn raġel u mara –, li xorta waħda nżommu li huma orjentati lejh.  B’ħarsitha mdawra fuq l-għerf uman tal-popli u tal-kulturi, il-Knisja tagħraf anki lil din il-familja bħala ċ-ċellula bażilari meħtieġa u għammiela tal-konvivenza umana.

 

Il-verità u l-ġmiel tal-familja u ħniena lejn il-familji miġruħa u dgħajfa

23. B’ferħ u faraġ kbir, il-Knisja tħares lejn il-familji li baqgħu fidili lejn it-tagħlim tal-Vanġelu, u troddilhom ħajr u tqawwilhom qalbhom għax-xhieda li qed joffru.  Fil-fatt, grazzi għalihom, il-ġmiel taż-żwieġ indissolubbli u fidil għal dejjem isir ħaġa kredibbli.  Fil-familja, “li tista’ titqies il-Knisja tad-dar” (Lumen Gentium, 11), timmatura l-ewwel esperjenza ekkleżjali tal-komunjoni bejn il-persuni, fejn, bi grazzja, jidher il-misteru tat-Trinità Qaddisa.  “Hu fi ħdan il-familja li wieħed jitgħallem it-toqol u l-ferħ tax-xogħol, l-imħabba bejn l-aħwa, il-maħfra mill-qalb, ukoll jekk imtennija kemm-il darba, u fuq kollox, il-qima ta’ Alla permezz tat-talb u tal-offerta tal-ħajja” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1657).  Il-Familja Mqaddsa ta’ Nazareth hi l-mudell tal-għaġeb, li fl-iskola tagħha aħna “nifhmu għaliex għandna nħaddnu dixxiplina spiritwali, jekk irridu nimxu mat-tagħlim tal-Vanġelu u nsiru dixxipli ta’ Kristu” (Pawlu VI, Diskors f’Nazareth, 5 ta’ Jannar 1964).  Il-Vanġelu tal-familja jsaqqi wkoll dik iż-żerriegħa li għadha qed tistenna biex tikber, u għandu jieħu ħsieb ukoll ta’ dawk is-siġar li nixfu u għandhom bżonn min jagħti kashom u mhux jittraskurahom.

 

24. Il-Knisja, bħala għalliema żgura u omm attenta, anki jekk tagħraf li għall-imgħammdin m’hemmx rabta ta’ żwieġ ieħor ħlief dik sagramentali, u li kull ksur tiegħu hi kontra r-rieda ta’ Alla, taf ukoll bid-dgħufija ta’ ħafna minn uliedha li qed iħabbtu wiċċhom mad-diffikultajiet fil-mixja tal-fidi.  “Għalhekk, bla nnaqqsu xejn mill-valur tal-ideal tal-Vanġelu, jeħtieġ nakkumpanjaw bil-ħniena u s-sabar il-passi ta’ maturità tal-persuni li huma jibnu jum wara l-ieħor.  […]  Pass ċkejken, qalb il-limitazzjonijiet kbar umani, jista’ jkun mogħġub iżjed quddiem Alla minn ħajja – li minn barra tidher tajba – ta’ min jgħaddi ħajtu bla qatt iħabbat wiċċu ma’ diffikultajiet importanti.  Għand kulħadd għandu jasal il-faraġ u t-tħeġġiġ tal-imħabba feddejja ta’ Alla, li jaħdem b’mod misterjuż f’kull persuna, lil hemm mid-difetti u l-waqgħat tagħha” (Evangelii Gaudium, 44).

 

25. Biex ikollha din l-attitudni pastorali mal-persuni li daħlu fi żwieġ ċivili, li huma divorzjati u miżżewġa mill-ġdid, jew li sempliċement qed jikkoabitaw, il-Knisja għandha turihom il-pedagoġija divina tal-grazzja li taħdem f’ħajjithom u tgħinhom jilħqu l-milja tal-pjan ta’ Alla fihom.  Bl-istess ħarsa ta’ Kristu, li d-dawl tiegħu idawwal lil kull bniedem (ara Ġw 1:9; Gaudium et Spes, 22), il-Knisja ddur bi mħabba fuq dawk kollha li mhux qed jieħdu sehem sħiħ fil-ħajja tagħha, għax tagħraf li l-grazzja ta’ Alla taħdem f’ħajjithom ukoll u tagħtihom il-kuraġġ biex iwettqu t-tajjeb, biex jieħdu ħsieb ta’ xulxin bi mħabba u jkunu ta’ servizz għall-komunità li fiha jgħixu u jaħdmu.

 

26. Il-Knisja hi mħassba kif tant żgħażagħ m’għadx għandhom fiduċja fl-impenn taż-żwieġ, tbati meta tara b’kemm ħeffa tant fidili jiddeċiedu li jġibu fi tmiemha r-rabta li jkunu daħlu għaliha, biex iwaqqfu oħra.  Dawn il-fidili, li jagħmlu parti mill-Knisja, għandhom bżonn ta’ attenzjoni pastorali mimlija ħniena u kuraġġ, li kapaċi tagħmel differenza xierqa bejn sitwazzjoni u oħra.  Iż-żgħażagħ mgħammdin għandna nqawwulhom qalbhom biex ma jibżgħux quddiem l-għana li s-sagrament taż-żwieġ kapaċi jagħti lill-pjanijiet tagħhom, imsaħħin mill-qawwa li jirċievu mill-grazzja ta’ Kristu u mill-possibbiltà li jieħdu sehem sħiħ fil-ħajja tal-Knisja.

 

27. F’dan is-sens, dimensjoni ġdida tal-pastorali tal-familja llum hi li nkunu attenti għar-realtà taż-żwiġijiet ċivili bejn raġel u mara, għaż-żwiġijiet tradizzjonali u, għalkemm fuq livell differentianki għall-konvivenzi.  Meta dik l-għaqda partikulari tilħaq ċerta stabbiltà permezz ta’ rabta pubblika, hi kkaratterizzata minn imħabba qawwija, tagħti responsabbiltà fil-konfront tal-ulied, u toffri l-kapaċità li jiġu ssuperati l-provi, allura nistgħu nħarsu lejha bħala okkażjoni ta’ akkumpanjament fl-iżvilupp lejn is-sagrament taż-żwieġ.  Imma spiss il-konvivenza ma ssirx fid-dawl ta’ possibbiltà ta’ żwieġ fil-futur, imma mingħajr ebda ħsieb li titwaqqaf rabta istituzzjonali.

 

28. F’sintonija mal-ħarsa kollha ħniena ta’ Ġesù, il-Knisja għandha ssieħeb b’attenzjoni u għożża lil uliedha l-aktar dgħajfa, milquta minn imħabba miġruħa u mifnija, u tagħtihom lura l-fiduċja u t-tama, bħad-dawl tal-fanal ta’ port jew ta’ musbieħ mixgħul f’nofs in-nies biex idawwal lil dawk li tilfu t-triq jew inqabdu f’nofs tempesta qalila.  Aħna nafu li l-akbar ħniena li nistgħu nuru hi meta ngħidu l-verità bi mħabba, u għalhekk irridu mmiddu pass lil hemm mill-kompassjoni.  L-imħabba ħanina, l-istess kif tiġbed lejha u tgħaqqad, taf ukoll tibdel u tgħolli ’l fuq.  Tistieden għall-konverżjoni.  Hekk ukoll nifhmu kif iġib ruħu l-Mulej, li ma jikkundannax lill-adultera, imma jitlobha ma tidnibx iżjed (ara Ġw 8:1-11).

 

IT-TIELET PARTI

Il-konfront: perspettivi pastorali

 

Inħabbru l-Vanġelu tal-familja llum, fid-diversi kuntesti

29. Id-djalogu sinodali waqaf fuq xi aspetti pastorali li jinħassu l-iżjed urġenti biex jafdahom għall-implimentazzjoni fid-diversi Knejjes lokali, fil-komunjoni cum Petro et sub Petro.  Fit-tħabbira tal-Vanġelu tal-familja tinħass ċerta urġenza għall-evanġelizzazzjoni ġdida.  Il-Knisja hi msejħa twettaqha bi ħlewwa ta’ omm u ċarezza ta’ għalliema (ara Efes 4:15), f’fedeltà lejn il-kenosi ħanina ta’ Kristu.  Il-verità titlaħħam fid-dgħufija umana mhux biex tikkundannaha, imma biex tifdiha (ara Ġw 3:16 -17).

 

30. L-evanġelizzazzjoni hi responsabbiltà tal-poplu kollu ta’ Alla, kull wieħed u waħda skont il-ministeru u l-kariżma tiegħu.  Mingħajr ix-xhieda hienja tal-miżżewġin u tal-familji, knejjes tad-dar, it-tħabbira, anki jekk korretta, tirriskja li ma tinftiehemx jew li tegħreq fil-baħar ta’ kliem li jikkaratterizza s-soċjetà tagħna (ara Novo Millennio Ineunte, 50).  Il-Padri Sinodali iżjed minn darba saħqu fuq il-fatt li l-familji Kattoliċi, bil-grazzja tas-sagrament taż-żwieġ, huma msejħa biex ikunu huma stess suġġetti attivi tal-pastorali tal-familja.

 

31. Jeħtieġ li nuru l-importanza tal-primat tal-grazzja, u għalhekk il-possibbiltajiet li l-Ispirtu jagħti fis-sagrament.  Dan ifisser li rridu nuru kif il-Vanġelu tal-familja hu ferħ li “jimla l-qalb u l-ħajja kollha kemm hi”għax fi Kristu aħna “meħlusa mid-dnub, mid-dwejjaq, mill-vojt ġewwieni, mill-iżolament” (Evangelii Gaudium, 1).  Fid-dawl tal-parabbola ta’ dak li ħareġ jiżra’ (ara Mt 13:3), xogħolna hu li nikkoperaw fiż-żrigħ: il-bqija jagħmlu Alla.  Ma rridux ninsew lanqas li l-Knisja li tipprietka fuq il-famija hi sinjal ta’ kontradizzjoni.

 

32. Għalhekk il-Knisja kollha hi msejħa għal konverżjoni missjunarja: jeħtieġ ma niqfux ma’ tħabbira purament teorika u maqtugħa mill-problemi reali tan-nies.  Ma rridu qatt ninsew li l-kriżi tal-fidi ġabet kriżi fiż-żwieġ u fil-familja u, bħala konsegwenza, spiss ġiet imfixkla t-trasmissjoni tal-istess fidi mill-ġenituri għall-ulied.  Meta hemm fidi qawwija, l-impożizzjoni ta’ ċerti kurrenti kulturali li jdgħajfu l-familja u ż-żwieġ m’għandhiex effett.

 

33. Il-konverżjoni hi wkoll dik tal-lingwaġġ, għax dan fil-fatt hu sinifikattiv ħafna.  It-tħabbira għandha turina kif il-Vanġelu tal-familja hu tweġiba għax-xewqat l-iżjed qawwija tal-bniedem: għad-dinjità tiegħu u għat-twettiq sħiħ fir-reċiproċità, fil-komunjoni u fil-fekondità.  Hawn m’aħniex qegħdin biss nippreżentaw normattiva, imma qed nipproponu sett ta’ valuri, li jwieġbu għall-ħtiġijiet li llum qed jinħassu anki fl-iktar pajjiżi sekularizzati.

 

34. Il-Kelma ta’ Alla hi għajn ta’ ħajja u spiritwalità għall-familja.  Il-pastorali kollha tal-familja għandha ssawwar minn ġewwa u tifforma lill-membri tal-Knisja tad-dar bil-qari tal-Iskrittura Mqaddsa fit-talb u l-ispirtu ekkleżjali.  Il-Kelma ta’ Alla mhix biss aħbar tajba għall-ħajja privata tal-persuni, imma anki kriterju ta’ ġudizzju u dawl għad-dixxerniment tad-diversi sfidi li magħhom iħabbtu wiċċhom il-koppji miżżewġa u l-familji.

 

35. Fl-istess waqt, bosta Padri Sinodali insistew fuq attitudni iżjed pożittiva quddiem l-għana tad-diversi esperjenzi reliġjużi, imma mingħajr ma nibqgħu lura milli nsemmu d-diffikultajiet.  F’dawn id-diversi realtajiet reliġjużi u fid-differenzi kulturali kbar li jikkaratterizzaw il-pajjiżi, jixraq li l-ewwel napprezzaw il-possibbiltajiet pożittivi u fid-dawl tagħhom niżnu l-limiti u n-nuqqasijiet li jeżistu.

 

36. Iż-żwieġ Nisrani hu vokazzjoni li għandha tiġi milqugħa bi tħejjija xierqa fi ħdan mixja ta’ fidi, b’dixxerniment matur, u ma jistax jitqies biss bħala tradizzjoni kulturali jew esiġenza soċjali jew ġuridika.  Għalhekk irridu nsibu mixjiet li jakkumpanjaw il-persuna u l-koppja b’mod li mal-kontenuti tal-fidi ngħaddu wkoll l-esperjenza tal-ħajja li toffri l-komunità ekkleżjali kollha.

 

37. Kemm-il darba ssemmiet il-ħtieġa ta’ tiġdid radikali tal-prassi pastorali fid-dawl tal-Vanġelu tal-familja, biex jintgħelbu l-ottiċi individwalistiċi li għadhom jikkaratterizzawha.  Għalhekk iżjed minn darba saret insistenza fuq it-tiġdid tal-formazzjoni tal-presbiteri, tad-djakni, tal-katekisti u tal-operaturi pastorali l-oħra, permezz ta’ sehem ikbar tal-istess familji.

 

38. Daqstant ieħor saret enfasi fuq il-ħtieġa ta’ evanġelizzazzjoni li ma tibżax teħodha kontra l-kundizzjonamenti kulturali, soċjali, politiċi u ekonomiċi, bħall-ispazju żejjed li qed jingħata lil-loġika tas-suq, li jxekklu ħajja familjari awtentika, u jġibu diskriminazzjonijiet, faqar, esklużjoni, vjolenza.  Għalhekk għandna nħabirku b’riżq djalogu u koperazzjoni mal-istrutturi soċjali, u ninkuraġġixxu u nwieżnu l-lajċi li, ta’ Nsara, jimpenjaw ruħhom fil-qasam kulturali u soċjo-politiku.

 

Ngħinu lill-koppji li qegħdin f’mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ

39. Ir-realtà soċjali kumplessa u l-isfidi li l-familja llum hi msejħa taffronta jitolbu impenn ikbar tal-komunità Nisranija kollha għat-tħejjija tal-għarajjes għaż-żwieġ.  Importanti niftakru l-importanza tal-virtujiet.  Fost dawn, il-kastità hi kundizzjoni prezzjuża biex tabilħaqq tista’ tikber l-imħabba bejn żewġ persuni.  Dwar din il-ħtieġa l-Padri Sinodali qablu f’li jinsistu fuq l-importanza ta’ sehem ikbar tal-komunità sħiħa fejn fuq quddiem tiġi x-xhieda tal-istess familji, kif ukoll li nniżżlu iżjed l-għeruq tat-tħejjija għaż-żwieġ fil-mixja ta’ inizjazzjoni Nisranija, b’enfasi fuq ir-rabta taż-żwieġ mal-Magħmudija u s-sagramenti l-oħra.  Spiss ħarġet il-ħtieġa ta’ programmi speċifiċi għat-tħejjija prossima għaż-żwieġ li jkunu esperjenza vera ta’ parteċipazzjoni fil-ħajja tal-Knisja u jinżlu fil-fond tad-diversi aspetti tal-ħajja tal-familja.

 

Insieħbu lill-koppji fl-ewwel snin tal-ħajja taż-żwieġ

40. L-ewwel snin taż-żwieġ huma perjodu vitali u delikat li tulu l-koppji jibdew jagħrfu iżjed l-isfidi u t-tifsira taż-żwieġ.  Minn hawn toħroġ il-ħtieġa ta’ akkumpanjament pastorali li jibqa’ għaddej anki wara ċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament (ara Familiaris Consortio, it-III parti).  Ta’ importanza kbira f’din il-pastorali hi l-preżenza ta’ koppji miżżewġa li għandhom ċerta esperjenza.  Il-parroċċa hi meqjusa bħala l-post fejn il-koppji esperti jistgħu jkunu għad-dispożizzjoni ta’ dawk iżjed żgħażagħ, li ’l quddiem imbagħad jistgħu jissieħbu wkoll f’xi għaqda, moviment ekkleżjali jew komunità ġdida.  Għandna ninkuraġġixxu lill-miżżewġin biex ikollhom l-atteġġjament fundamentali li jilqgħu d-don kbir tal-ulied.  Ninsistu fuq l-importanza tal-ispiritwalità tal-familja, tat-talb u tas-sehem fil-Quddiesa tal-Ħadd, ninkuraġġixxu lill-koppji biex jiltaqgħu spiss biex ixettlu fihom il-ħajja spiritwali u s-solidarjetà fil-ħtiġijiet konkreti tal-ħajja.  Issemmew liturġiji, prattiki devozzjonali u Quddies iċċelebrat għall-familji, fuq kollox fl-anniversarju tat-tieġ, bħala aspetti vitali li jiffavorixxu l-evanġelizzazzjoni permezz tal-familja.

 

Kura pastorali għal dawk li qed jgħixu fiż-żwieġ ċivili jew f’konvivenzi

41. Waqt li jissokta jħabbar u jippromovi ż-żwieġ Nisrani, is-Sinodu jħeġġeġ anki d-dixxerniment pastorali tas-sitwazzjonijiet ta’ tant nies li m’għadhomx jgħixu iżjed din ir-realtà.  Importanti nidħlu fi djalogu pastorali ma’ persuni bħal dawn biex nuruhom liema huma dawk l-aspetti ta’ ħajjithom li jistgħu jwasslu għal ftuħ ikbar għall-Vanġelu taż-żwieġ fil-milja tiegħu.  Ir-Rgħajja jridu jidentifikaw elementi li jistgħu jiffavorixxu l-evanġelizzazzjoni u l-maturità umana u spiritwali.  Sensibbiltà ġdida tal-pastorali tal-lum tikkonsisti f’li nagħrfu l-elementi pożittivi preżenti fiż-żwiġijiet ċivili u, anki jekk mhux fl-istess livellfil-konvivenzi.  Hemm bżonn li fil-proposta tal-Knisja, waqt li naffermaw b’ċarezza l-messaġġ Nisrani, nindikaw anki elementi kostruttivi f’dawk is-sitwazzjonijiet li jew għadhom mhux jikkorrispondu għaliha, jew m’għadhomx.

 

42. Innutajna wkoll li f’bosta pajjiżi “għadd dejjem jikber ta’ koppji jikkonvivu ad experimentum, mingħajr ebda żwieġ la kanoniku, lanqas ċivili” (Instrumentum Laboris, 81).  F’xi pajjiżi dan qed iseħħ b’mod speċjali fiż-żwieġ tradizzjonali, miftiehem bejn familja u oħra u spiss iċċelebrat f’diversi tappi.  F’pajjiżi oħra, min-naħa l-oħra, qed jiżdied l-għadd ta’ dawk li wara li jkunu għexu flimkien għal żmien twil, jitolbu li jiċċelebraw iż-żwieġ tagħhom fil-knisja.  L-għażla ta’ sempliċi konvivenza spiss hi frott tal-mentalità ġenerali li teħodha kontra l-istituzzjonijiet u l-impenji defenittivi, imma anki għax wieħed jibqa’ jistenna ċerta sigurezza fil-ħajja (xogħol jew paga fissa).  Fl-aħħar nett, f’pajjiżi oħra, l-unjonijiet de facto huma ħafna fl-għadd, mhux biss għax qed jitwarrbu l-valuri tal-familja u taż-żwieġ, imma fuq kollox għax il-fatt li tiżżewweġ hu meqjus lussu, minħabba fil-kundizzjonijiet soċjali, hekk li l-miżerja materjali twassalhom biex jgħixu f’unjonijiet de facto.

 

43. Dawn is-sitwazzjonijiet kollha għandna naffrontawhom b’mod kostruttiv, u nippruvaw nibdluhom f’opportunitajiet ta’ mixja lejn il-milja taż-żwieġ u tal-familja fid-dawl tal-Vanġelu.  Irridu nilqgħuhom u nakkumpanjawhom b’sabar u delikatezza.  Għalhekk tiswa ħafna x-xhieda attraenti ta’ familji Nsara awtentiċi, bħala suġġetti tal-evanġelizzazzjoni tal-familja.

 

Nikkuraw il-familji miġruħa (separati, divorzjati li ma reġgħux iżżewġu, divorzjati li reġgħu żżewġu, familji b’ġenitur wieħed)

44. Meta l-miżżewġin jgħaddu minn problemi fir-relazzjonijiet tagħhom, għandhom isibu l-għajnuna u l-akkumpanjament tal-Knisja.  Il-pastorali tal-imħabba u l-ħniena tfittex il-fejqan tal-persuni u tar-relazzjonijiet.  L-esperjenza turina li b’għajnuna xierqa u bl-azzjoni ta’ rikonċiljazzjoni tal-grazzja, perċentwal kbir ta’ kriżijiet taż-żwieġ jingħelbu b’mod sodisfaċenti.  Li nkunu nafu naħfru u nħossuna maħfura hi esperjenza fundamentali fil-ħajja tal-familja.  Il-maħfra bejn il-miżżewġin tagħtihom li jduqu mħabba li hi dejjiema u ma tintemm qatt (ara 1 Kor 13:8).  Xi kultant jidher diffiċli għal min irċieva l-maħfra ta’ Alla li jsib il-qawwa biex joffri maħfra awtentika li tista’ tagħti mill-ġdid il-ħajja lill-persuni.

 

45. Fis-Sinodu reġgħet ħarġet ċara l-ħtieġa ta’ għażliet pastorali kuraġġjużi.  Il-Padri Sinodali reġgħu kkonfermaw bil-qawwa l-fedeltà lejn il-Vanġelu tal-familja u għarfu li separazzjoni u divorzju huma dejjem ġerħa li ġġib tbatijiet kbar għall-miżżewġin li jġarrbuhom u lill-ulied, u b’dan raw l-urġenza ta’ mixjiet pastorali ġodda, li jibdew mir-realtà tad-dgħufija fil-familji, għax jafu li dawn spiss huma tbatija “mġarrba” iktar milli għażliet li jsiru b’libertà sħiħa.  Hawn għandna quddiemna sitwazzjonijiet diversi minħabba fatturi kemm personali u kemm kulturali u soċjo-ekonomiċi.  Kif issuġġerixxa San Ġwanni Pawlu II, hi meħtieġa ħarsa differenzjata (ara Familiaris Consortio, 84).

 

46. Kull familja għandna qabelxejn nagħtuha widen b’rispett u mħabba, u nseħbuha fil-mixja tagħha kif għamel Kristu mad-dixxipli fit-triq ta’ Għemmaws.  Jgħodd b’mod partikulari għal dawn is-sitwazzjonijiet kliem il-Papa Franġisku: Il-Knisja jeħtieġ tlaqqa’ lill-membri tagħha – saċerdoti, reliġjużi u lajċi – ma’ din l-arti tal-akkumpanjament, biex ilkoll jitgħallmu dejjem jinżgħu l-qorq quddiem l-art imqaddsa tal-persuna l-oħra (ara Eż 3:5).  Jeħtieġ li l-mixja tagħna nagħtuha ritmu b’saħħtu li jqegħidha qrib tal-oħrajn, b’ħarsa mimlija rispett u ħniena imma li fl-istess ħin ikollha l-ħila tfejjaq, teħles u tħeġġeġ il-maturità fil-ħajja Nisranija (Evangelii Gaudium, 169).

 

47. Hu indispensabbli dixxerniment partikulari biex nakkumpanjaw pastoralment is-separati, id-divorzjati, l-abbandunati.  Irridu nilqgħu u nagħtu valur fuq kollox lit-tbatija ta’ dawk l-individwi li b’mod inġust ġarrbu s-separazzjoni, id-divorzju jew l-abbandun, inkella, minħabba maltrattamenti mill-parti l-oħra, kellhom iwaqqfu r-relazzjoni.  Il-maħfra tal-inġustizzja li wieħed ikun ġarrab mhix ħaġa ħafifa, imma hi mixja li l-grazzja tagħmel possibbli.  Minn hawn toħroġ il-ħtieġa ta’ pastorali tar-rikonċiljazzjoni u tal-medjazzjoni permezz ukoll ta’ ċentri speċjalizzati ta’ smigħ li għandhom jitwaqqfu fid-djoċesijiet.  Bl-istess mod, ninsistu li hu indispensabbli li nifhmu b’mod fidil u kostruttiv il-kosegwenzi tas-separazzjoni jew tad-divorzju fuq l-ulied, li dejjem huma vittmi innoċenti tas-sitwazzjoni.  Huma m’għandhomx ikunu “oġġett” ta’ pika, u għandna nfittxu l-aħjar forom biex jistgħu jegħlbu t-trawma tal-firda familjari u jikbru bl-aktar mod seren possibbli.  Hu x’inhu, il-Knisja dejjem għandha tesponi l-inġustizzja li spiss toħroġ minn sitwazzjoni ta’ divorzju.  Għandna nagħtu attenzjoni speċjali lill-akkumpanjament tal-familji b’ġenitur wieħed, b’mod partikulari ngħinu lin-nisa li jkollhom jerfgħu waħidhom ir-responsabbiltà tad-dar u l-edukazzjoni tal-ulied.

 

48. Għadd kbir ta’ Padri għafsu fuq il-ħtieġa li nagħmlu iżjed aċċessibbli u ħfief, possibbilment għal kollox b’xejn, il-proċeduri għall-għarfien tal-każi ta’ annullament.  Fost il-proposti ġew indikati dawn: li ma tibqax il-ħtieġa tat-tieni istanza biex tikkonferma s-sentenzi; il-possibbiltà li niddeterminaw struttura amministrattiva taħt ir-responsabbiltà tal-isqof djoċesan; isir proċess sommarju meta l-każ ta’ annullament hu wieħed ċar.  Imma xi Padri kienu kontra dawn il-proposti għax ma jiggarantux ġudizzju li tista’ toqgħod fuqu.  Ta’ min jafferma mill-ġdid li f’dawn il-każi kollha dak li qed jiġi żgurat hu l-verità dwar il-validità tar-rabta.  Skont proposti oħra, ta’ min jikkunsidra wkoll il-possibbiltà li, fl-ordni tal-validità tas-sagrament, tingħata rilevenza lir-rwol tal-fidi tal-għarajjes li jkunu resqu għaż-żwieġ, waqt li jibqa’ jinżamm li fost l-imgħammdin iż-żwiġijiet validi kollha huma sagrament.

 

49. Dwar il-kawżi taż-żwieġ, it-tħaffif fiż-żmien tal-proċedura, mitlub minn ħafna, barra li jitlob it-tħejjija ta’ biżżejjed operaturi, kjeriċi u lajċi mogħtija għal din il-ħidma, jagħfas aktar fuq ir-responsabbiltà tal-isqof djoċesan, li fid-djoċesi tiegħu jista’ jqabbad konsulenti mħejjija kif jixraq li jistgħu jagħtu pariri b’xejn lill-partijiet konċernati fuq il-validità taż-żwieġ tagħhom.  Din il-funzjoni għandha titwettaq minn uffiċċju jew persuni kwalifikati (ara Dignitas Connubii, art. 113, 1).

 

50. Il-persuni divorzjati imma li ma reġgħux iżżewġu, li spiss huma xhieda tal-fedeltà taż-żwieġ, għandna nħeġġuhom isibu fl-Ewkaristija l-ikel li jqawwihom fl-istat tagħhom.  Il-komunità lokali u r-Rgħajja għandhom isieħbu lil dawn il-persuni b’għożża u attenzjoni, fuq kollox meta jkun hemm l-ulied jew il-qagħda tal-faqar tagħhom hi waħda gravi.

 

51. Anki s-sitwazzjonijiet tad-divorzjati li reġgħu żżewġu jitolbu dixxerniment attent u akkumpanjament ta’ rispett kbir, fejn jiġi evitat kull lingwaġġ jew atteġġjament li jġagħilhom iħossuhom iddiskriminati u li jippromovi s-sehem tagħhom fil-ħajja tal-komunità.  Li tieħu ħsieb tagħhom, għall-komunità Nisranija ma jfissirx li qed iddgħajjef il-fidi tagħha jew ix-xhieda tagħha fuq l-indissolubbiltà taż-żwieġ, anzi, propju f’din l-għożża hi tesprimi l-imħabba tagħha.

 

52. Irriflettejna fuq il-possibbiltà li d-divorzjati u dawk li reġgħu żżewġu jersqu għas-sagramenti tal-Penitenza u tal-Ewkaristija.  Bosta Padri Sinodali insistew li tinżamm id-dixxiplina attwali, minħabba fir-rabta kostituttiva bejn is-sehem fl-Ewkaristija u l-komunjoni mal-Knisja u t-tagħlim tagħha fuq iż-żwieġ indissolubbli.  Oħrajn kienu tal-fehma li m’għandniex naqtgħu linja dritta dwar min għandu jitħalla jersaq għall-mejda Ewkaristika, l-aktar meta hemm sitwazzjonijiet partikulari u kundizzjonijiet preċiżi, fuq kollox meta hemm każijiet irriversibbli u marbuta ma’ obbligi morali lejn l-ulied li jispiċċaw iġarrbu tbatija inġusta.  Jekk dawn jingħatalhom aċċess għas-sagramenti, qabel għandhom jgħaddu minn mixja penitenzjali taħt ir-responsabbiltà tal-isqof djoċesan.  Dan l-argument ta’ min jinżel iżjed fil-fond tiegħu, waqt li nżommu sew quddiem għajnejna d-distinzjoni bejn sitwazzjoni oġġettiva ta’ dnub u ċirkustanzi attenwanti, billi “il-ħtija u r-responsabbiltà ta’ xi għemil jistgħu jonqsu jew jispiċċaw għal kollox” minħabba diversi “fatturi oħra psikiċi jew soċjali” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 1735).

 

53. Xi Padri sostnew li l-persuni divorzjati u miżżewġa mill-ġdid jew li qed jikkonvivu jistgħu jirrikorru bi frott għat-tqarbina tax-xewqa.  Padri oħra għalhekk staqsew għaliex m’għandhomx jersqu wkoll għat-tqarbina sagramentali.  Għalhekk inħeġġu approfondiment ta’ din it-tematika li tixħet dawl akbar fuq il-pekuljarità taż-żewġ forom u r-rabta tagħhom mat-teoloġija taż-żwieġ.

 

54. Il-problematiċi marbuta maż-żwiġijiet imħallta spiss issemmew fl-interventi tal-Padri Sinodali.  Id-diversità tad-dixxiplina taż-żwieġ tal-Knejjes Ortodossi f’xi kuntesti tqiegħed problemi li fuqhom hu meħtieġ nirriflettu f’ambitu ekumeniku.  Bl-istess mod, għaż-żwiġijiet inter-reliġjużi hu importanti l-kontribut tad-djalogu mar-reliġjonijiet.

 

L-attenzjoni pastorali lejn il-persuni b’orjentament omosesswali

55. Xi familji jgħixu l-esperjenza li fi ħdanhom għandhom persuni b’orjentament omosesswali.  F’dan ir-rigward, staqsejna liema attenzjoni pastorali hi opportuna quddiem din is-sitwazzjoni billi rriferejna għal dak li tgħallem il-Knisja: “Ma teżisti l-ebda bażi biex nistgħu npoġġu fuq l-istess livell jew noħolqu xebh, imqar remot, bejn l-unjonijiet omosesswali u l-pjan ta’ Alla għaż-żwieġ u l-familja”.  Madankollu, l-irġiel u n-nisa b’tendenzi omosesswali għandhom jiġu milqugħa b’rispett u delikatezza.  “Fil-konfront tagħhom għandha tiġi evitata kull tikketta ta’ diskriminazzjoni inġusta” (Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Kunsiderazzjonijiet dwar il-proposti ta’ għarfien legali tal-unjonijiet bejn persuni omosesswali, 4).

 

56. Hu għal kollox inaċċettabli li r-Rgħajja tal-Knisja jitqiegħdu taħt pressjoni f’din il-materja u li l-organizzazzjonijiet internazzjonali jikkundizzjonaw l-għajnuna finanzjarja lill-pajjiżi foqra skont jekk dawn idaħħlux liġijiet li jistabbilixxu ż-“żwieġ” bejn persuni tal-istess sess.

 

It-trasmissjoni tal-ħajja u l-isfida tat-tnaqqis fir-rata tat-twelid

57. Mhux diffiċli nintebħu kif qed tixtered mentalità li tirriduċi t-tnissil tal-ħajja għall-kriterji varji tal-proġetti individwali jew ta’ koppja.  Il-fatturi ta’ ordni ekonomiku spiss għandhom piż determinanti u qed jikkontribwixxu għat-tnaqqis kbir fir-rata tat-twelid li qed idgħajjef it-tessut soċjali, jikkomprometti l-kontinwità bejn il-ġenerazzjonijiet u joħloq iżjed inċertezza fil-ħarsa tagħna lejn il-ġejjieni.  Il-ftuħ għall-ħajja hu esiġenza intrinsika tal-imħabba konjugali.  F’dan id-dawl, il-Knisja twieżen il-familji li jilqgħu, jedukaw u jdawru bi mħabbithom lill-ulied diversament abbli.

 

58. Anki f’dan il-qasam irridu nitilqu mis-smigħ tal-persuni u nagħrfu l-ġmiel u l-verità ta’ ftuħ inkundizzjonat għall-ħajja li l-imħabba umana teħtieġ biex tista’ tingħax fil-milja tagħha.  Hu fuq din il-bażi li jista’ jissejjes tagħlim xieraq dwar il-metodi naturali għall-prokreazzjoni responsabbli.  Dan jgħin lill-miżżewġin jgħixu b’mod armonjuż u konsapevoli l-komunjoni ta’ bejniethom, fid-dimensjonijiet kollha tagħha, flimkien mar-responsabbiltà ġenerattiva.  Irridu niskopru mill-ġdid il-messaġġ tal-Enċiklika Humanæ Vitæ ta’ Pawlu VI, li jagħfas fuq il-ħtieġa li nirrispettaw id-dinjità tal-persuna fil-valutazzjoni morali tal-metodi tal-kontroll tar-rata tat-twelid.  L-adozzjoni tat-tfal, iltiema u abbandunati, milqugħa bħala veri wlied, hi forma speċifika ta’ appostolat familjari (ara Apostolicam Actuositatem, III,11), iktar minn darba msemmija u mħeġġa mill-Maġisteru (ara Familiaris Consortio, III,II; Evangelium Vitæ, IV,93).  L-għażla tal-adozzjoni u l-fostering tesprimi frott partikulari li kapaċi tagħti l-esperjenza konjugali, u dan mhux biss meta din hi mmarkata mill-isterilità.  Din l-għażla hi sinjal elokwenti tal-imħabba fil-familja, okkażjoni biex nagħtu xhieda tal-fidi tagħna u nagħtu lura d-dinjità ta’ iben u bint lil min ġie mċaħħad minnha.

 

59. Irridu ngħinu lil min jgħix l-affettività, anki fir-rabta konjugali, bħala mixja ta’ maturazzjoni, fil-laqgħa dejjem iżjed miftuħa li għandna nagħtu lill-persuna l-oħra u f’għotja dejjem iżjed sħiħa.  F’dan is-sens intennu l-ħtieġa li noffru mixjiet ta’ formazzjoni li jgħinu l-ħajja konjugali u l-importanza ta’ lajkat li joffri akkumpanjament magħmul minn xhieda ħajja.  Hu ta’ għajnuna kbira l-eżempju ta’ mħabba fidila u profonda magħmula mill-ħlewwa u r-rispett, li kapaċi tikber maż-żmien u li fil-ftuħ konkret tagħha għat-tnissil tal-ħajja tagħmel l-esperjenza ta’ misteru li jittraxxendina.

 

L-isfida tal-edukazzjoni u r-rwol tal-familja fl-evanġelizzazzjoni

60. Waħda mill-isfidi fundamentali li qed isibu quddiemhom illum il-familji hi bla dubju ta’ xejn dik edukattiva, li qed issir iktar impenjattiva u kumplessa minħabba r-realtà kulturali tal-lum u l-influwenza kbira tal-medja.  Mhux ta’ min iwarrab il-bżonnijiet u t-tamiet ta’ familji li kapaċi, fil-ħajja ta’ kuljum, isiru mkejjen fejn wieħed jikber, fejn issir it-trasmissjoni konkreta u essenzjali tal-virtujiet li jsawru l-eżistenza.  Dan ifisser li l-ġenituri jistgħu jagħżlu b’mod ħieles it-tip ta’ edukazzjoni li jixtiequ jagħtu lil uliedhom skont il-konvinzjonijiet tagħhom.

 

61. Il-Knisja għandha rwol prezzjuż fit-tweżin tal-familji, ibda mill-inizjazzjoni Nisranija, fi ħdan komunitajiet miftuħa biex jilqgħu fihom.  Minnha hu mitlub, illum aktar mill-bieraħ, fis-sitwazzjonijiet kumplessi daqskemm f’dawk ordinarji, li twieżen lill-ġenituri fl-impenn edukattiv tagħhom, issieħeb it-tfal, adolexxenti u żgħażagħ huma u jikbru f’mixjiet personalizzati li kapaċi jintroduċuhom għas-sens sħiħ tal-ħajja u jqanqlu fihom għażliet u responsabbiltajiet, li jgħixuhom fid-dawl tal-Vanġelu.  Marija, bil-ħlewwa, il-ħniena u s-sensibbiltà tagħha ta’ omm, hi msejħa mill-familja u l-poplu Nisrani biex titma’ l-ġuħ għall-umanità u għall-ħajja.  Il-pastorali u devozzjoni Marjana huma punt ta’ tluq tajjeb biex nistgħu nħabbru l-Vanġelu tal-familja.

 

Konklużjoni

62. Ir-riflessjonijiet li pproponejna, frott tal-ħidma sinodali li twettqet b’libertà kbira u fi stil ta’ smigħ reċiproku, għandhom l-għan li joħolqu diskussjoni u jixħtu dawl fuq perspettivi li issa jridu jiġu mmaturati u ppreċiżati mir-riflessjoni tal-Knejjes lokali tul is-sena li hemm tifridna mill-Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet maħsuba għal Ottubru 2015, iddedikata għall-vokazzjoni u l-missjoni tal-familja fil-Knisja u fid-dinja tal-lum.  Mhumiex deċiżjonijiet jew perspettivi faċli.  Imma l-mixja kolleġġjali tal-isqfijiet u s-sehem tal-poplu kollu ta’ Alla, imdawla mill-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, bil-mudell tal-Familja Mqaddsa quddiemna, jistgħu jmexxuna biex insibu toroq ta’ verità u ta’ ħniena għal kulħadd.  Dan hu l-awgurju li sa mill-bidu tal-ħidmiet tagħna għamlilna l-Papa Franġisku meta stedinna għall-kuraġġ tal-fidi u biex b’umiltà u onestà nilqgħu l-verità fl-imħabba.

 

 


Mistoqsijiet għall-approfondiment tar-Relatio Synodi

 

Mistoqsija previa dwar it-taqsimiet kollha tar-Relatio Synodi

Il-mod kif ir-Relatio Synodi tiddeskrivi r-realtà tal-familja jikkorrispondi ma’ dak li qed nosservaw fil-Knisja u fis-soċjetà tal-lum?  Liema aspetti neqsin nistgħu ninkludu?

 

L-ewwel parti

Is-smigħ: il-kuntest u l-isfidi dwar il-familja

 

Kif indikat fl-introduzzjoni (nri 1-4), is-Sinodu straordinarju ried jindirizza lill-familji kollha tad-dinja, iduq il-ferħ, it-taħbit u t-tamiet tagħhom; lill-għadd ta’ familji Nsara fidili lejn il-vokazzjoni tagħhom, is-Sinodu mbagħad wera rikonoxxenza speċjali, u ħeġġiġhom jindaħlu b’mod iżjed deċiżiv f’din is-siegħa tal-“Knisja li toħroġ”, biex jagħrfu mill-ġdid li huma s-suġġett essenzjali tal-evanġelizzazzjoni, fuq kollox biex irawmu fihom infushom u fil-familji f’diffikultà dik ix-“xewqa ta’ familja” li tibqa’ dejjem ħajja u li hi l-bażi tal-konvinzjoni ta’ kemm għandna bżonn “nerġgħu nitilqu mill-familja” biex nistgħu nħabbru b’mod effikaċi l-qalba tal-Vanġelu.

 

Il-mixja mġedda li terraq is-Sinodu straordinarju tidħol fil-kuntest usa’ tal-Knisja indikat mill-eżortazzjoni Evangelii Gaudium tal-Papa Franġisku, u għalhekk titlaq mill-“periferiji eżistenzjali”, b’pastorali li tintgħaraf mill-“kultura tal-laqgħa”, fejn aħna kapaċi nagħrfu l-ħidma ħielsa tal-Mulej anki barra mill-iskemi tagħna tas-soltu u nagħmlu tagħna mingħajr xkiel dik il-kundizzjoni ta’ “sptar fuq il-kamp tal-battalja” li tant għandha bżonn it-tħabbira tal-ħniena ta’ Alla.  Dawn l-isfidi jsibu tweġiba fin-numri tal-ewwel parti tar-Relatio Synodi fejn jiġu esposti l-aspetti li jsawru l-kwadru ta’ riferiment l-iżjed konkret dwar il-qagħda reali tal-familji li fih nistgħu nkomplu bir-riflessjoni tagħna.

 

Il-mistoqsijiet li qed jiġu proposti hawn, b’riferiment ċar għall-aspetti tal-ewwel parti tar-Relatio Synodi, iridu jiffaċilitaw ir-realiżmu meħtieġ fir-riflessjoni tal-episkopati individwali, biex jevitaw li t-tweġibiet tagħhom joħorġu skond skemi u perspettivi ta’ pastorali sempliċiment applikattiva tad-duttrina, li ma tkunx tirrispetta l-konklużjonijiet tal-Assemblea sinodali straordinarja, u tispiċċa tbiegħed ir-riflessjoni tagħhom mill-mixja li issa qbadna.

 

Il-kuntest soċjo-kulturali (nri 5-8)

1. Liema huma l-inizjattivi li għaddejjin jew qed jiġu ppjanati fid-dawl tal-isfidi li qed iqiegħdu quddiem il-familja l-kontradizzjonijiet kulturali (ara nri 6-7): dawk orjentati biex jixħtu dawl mill-ġdid fuq il-preżenza ta’ Alla fil-ħajja tal-familji; dawk biex jedukaw u jwaqqfu relazzjonijiet b’saħħithom bejn il-persuni; dawk imfassla biex jiffavorizzu politika soċjali u ekonomika siewja għall-familja; dawk li jridu jtaffu d-diffikultajiet marbuta mal-kura tat-tfal, l-anzjani u l-familjari morda; dawk biex naffrontaw il-kuntest kulturali l-aktar speċifiku li fih hi involuta l-Knisja lokali?

 

2. Liema għodda ta’ analiżi qed titħaddem, u liema huma r-riżultati l-aktar rilevanti fid-dawl tal-aspetti (pożittivi u mhumiex) tal-bidla antropoloġika kulturali (ara nru 5)?  Fost dawn ir-riżultati hu possibbli li nsibu elementi komuni fil-pluraliżmu kulturali?

 

3. Barra t-tħabbira u l-kundanna, liema huma l-modalitajiet li għandna nagħżlu biex inkunu preżenti bħala Knisja qrib il-familji fis-sitwazzjonijiet diffiċli (ara nru 8)?  Liema strateġiji edukattivi għandna nħaddmu bħala prevenzjoni?  X’nistgħu nagħmlu biex inwieżnu u nsaħħu lill-familji li jemmnu, fidili għar-rabta?

 

4. Kif qed tirreaġixxi l-azzjoni pastorali tal-Knisja għat-tixrid tar-relattiviżmu kulturali fis-soċjetà sekularizzata u, konsegwentement, għall-mod kif ħafna qed jirriġettaw il-mudell ta’ familja magħmula minn raġel u mara magħquda fir-rabta taż-żwieġ u miftuħa għall-prokreazzjoni?

 

Ir-rilevanza tal-ħajja affettiva (nri 9-10)

5. B’liema mod, b’liema attivitajiet il-familji Nsara qed jagħtu xhieda ta’ maturazzjoni affettiva quddiem il-ġenerazzjonijiet ġodda (ara nri 9-10)?  Kif nistgħu ngħinu fil-formazzjoni tal-ministri ordnati f’dawn it-temi?  Liema figuri ta’ aġenti ta’ pastorali speċifikament kwalifikati nħossu li huma l-iżjed urġenti?

 

L-isfidi quddiem il-pastorali (nru 11)

6. Kemm, u b’liema mezzi, il-pastorali ordinarja tal-familja qed titftaħ dirgħajha għal dawk imbiegħda (ara nri 11)?  Liema huma l-linji ta’ ħidma li qed nużaw biex inqanqlu u nivvalorizzaw ix-“xewqa ta’ familja” miżrugħa mill-Ħallieq fil-qalb ta’ kull persuna, u speċjalment preżenti fiż-żgħażagħ, anki ta’ min jinsab f’sitwazzjonijiet ta’ familji li ma jikkorrispondux mal-viżjoni Nisranija?  Kif qed iwieġbu effettivament għall-missjoni indirizzata lilhom?  Fost dawk mhux mgħammda, kemm hi b’saħħitha l-preżenza ta’ żwiġijiet naturali, anki f’rabta max-xewqa li għandhom iż-żgħażagħ li jiffurmaw familja?

 

It-tieni parti

Il-ħarsa fuq Kristu: il-Vanġelu tal-familja

 

Il-Vanġelu tal-familja, fedelment imħares mill-Knisja fid-dawl tar-Rivelazzjoni Nisranija miktuba u mgħoddija, għandu jiġi mxandar fid-dinja tal-lum b’ferħ u tama mġedda, b’ħarsa kontinwa lejn Ġesù Kristu.  Il-vokazzjoni u l-missjoni tal-familja jilħqu l-milja tagħhom fl-ordni tal-ħolqien li jevolvi f’dak tal-fidwa, miġbur hekk fl-awgurju tal-Konċilju: “L-istess miżżewġin, magħmulin xbieha ta Alla ħaj u mqiegħdin fdinjità vera ta’ persuni, għandhom ikunu magħqudin fi mħabba ugwali, fi ħsieb wieħed, fi sforz wieħed li jqaddsu lil xulxin.  B’hekk, filwaqt li jimxu wara Kristu, il-bidu tal-ħajja, fil-ferħ u fis-sagrifiċċji tas-sejħa tagħhom, permezz tal-imħabba tagħhom fidila jistgħu jsiru xiehda ta’ dak il-misteru ta’ mħabba li l-Mulej wera lid-dinja bil-mewt u l-qawmien tiegħu” (Gaudium et Spes, 52; ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika1533-1535).

 

F’dawn id-dawl, il-mistoqsijiet li joħorġu mir-Relatio Synodi għandhom l-għan li jqanqlu tweġibiet fidili u kuraġġjużi fir-Rgħajja u fil-poplu ta’ Alla għal tħabbira mġedda tal-Vanġelu tal-familja.

 

Il-ħarsa fuq Ġesù u l-pedagoġija divina fl-istorja tas-salvazzjoni (ara nri 12-14)

Hi u tilqa’ l-istedina tal-Papa Franġisku, il-Knisja tħares lejn Kristu fil-verità dejjiema tiegħu u fl-element tiegħu dejjem ġdid, li jdawwal ukoll lil Kull familja.  “Kristu hu l-‘Evanġelju ta’ dejjem’ (Apok 14:6), u hu ‘dak li kien, fl-imgħoddi, issa u dejjem’ (Lhud 13:8), imma l-għana u l-ġmiel tiegħu huma bla qies.  Hu dejjem żagħżugħ u għajn kostanti ta’ dak li hu ġdid” (Evangelii Gaudium, 11).

 

7. Il-ħarsa tagħna fuq Kristu tiftaħ possibbiltajiet ġodda.  “Fil-fatt, kull darba li nerġgħu lura għall-għajn tal-esperjenza Nisranija, jinfetħu quddiemna toroq ġodda u possibbiltajiet li ma konniex ħsibna fihom qabel” (nru 12).  Kif qed inħaddmu t-tagħlim tal-Iskrittura Mqaddsa fl-azzjoni pastorali mal-familji?  Kemm qiegħda din il-ħarsa twassal għal pastorali familjari iktar kuraġġuża u fidila?

 

8. Liema valuri taż-żwieġ u tal-familji qed jaraw jitwettqu f’ħajjithom iż-żgħażagħ u l-miżżewġin?  U b’liema mod?  Hemm valuri li jista’ jinxteħet aktar dawl fuqhom (ara nru 13)?  Liema dimensjonijiet tad-dnub irridu nevitaw jew negħlbu?

 

9. Liema pedagoġija umana għandna nqisu – f’sintonija mal-pedagoġija divina – biex nifhmu aħjar dak li qed jiġi mitlub mill-pastorali tal-Knisja quddiem il-maturazzjoni tal-ħajja ta’ koppja, lejn iż-żwieġ futur (ara nru 13)?

 

10. X’nistgħu nagħmlu biex nuru l-kobor u l-ġmiel tad-don tal-indissolubbiltà, b’mod li nqanqlu x-xewqa li ngħixuha u nibnuha dejjem iżjed (ara nru 14)?

 

11. B’liema mod nistgħu ngħinu lill-persuni jifhmu li r-relazzjoni ma’ Alla tgħinna negħlbu d-dgħufijiet li jinsabu wkoll fir-relazzjonijiet bejn il-miżżewġin (ara nru 14)?  Kif nagħtu xhieda li l-barka ta’ Alla ssieħeb kull żwieġ veru?  Kif nuru li l-grazzja tas-sagrament twieżen lill-miżżewġin fil-mixja ta’ ħajjithom kollha?

 

Il-familja fil-pjan salvifiku ta’ Alla (nri 15-16)

Il-vokazzjoni, sa mill-ħolqien, tal-imħabba bejn raġel u mara, tirċievi l-forma sħiħa tagħha fil-ġrajja tal-Għid ta’ Kristu l-Mulej, li jingħata bla ebda riserva, u jagħmel lill-Knisja l-Ġisem mistiku tiegħu.  Iż-żwieġ Nisrani, li jixrob mill-grazzja divina, b’dan il-mod isir it-triq li fiha, dawk li huma msejħin għalih, jimxu lejn il-perfezzjoni tal-imħabba, li hi l-qdusija.

 

12. Kif nistgħu nfiehmu li ż-żwieġ Nisrani jikkorrispondi mal-pjan oriġinali ta’ Alla u għalhekk hu esperjenza ta’ milja u mhux ta’ limiti (ara nru 13)?

 

13. Kif nifhmu l-familja bħala “Knisja tad-dar” (ara LG 11), suġġett u oġġett tal-azzjoni ta’ evanġelizzazzjoni għas-servizz tas-Saltna ta’ Alla?

 

14. Kif nagħmlu biex nippromovu l-għarfien tal-impenn missjunarju tal-familja?

 

Il-familja fid-dokumenti tal-Knisja (nri 17-20)

Il-Maġisteru tal-Knisja għandu jkun magħruf aħjar mill-Poplu ta’ Alla fl-għana kollu tiegħu.  L-ispiritwalità konjugali toħroġ mit-tagħlim kostanti tar-Rgħajja, li jieħdu ħsieb tal-merħla tagħhom, u timmatura grazzi għas-smigħ bla waqfien tal-Kelma ta’ Alla, għas-sagramenti tal-fidi u tal-karità.

 

15. Il-familja Nisranija tgħix quddiem il-ħarsa kollha mħabba tal-Mulej u fir-relazzjoni tagħha miegħU tikber bħala komunità vera ta’ ħajja u ta’ mħabba.  Kif niżviluppaw l-ispiritwalità tal-familja, u kif ngħinu l-familji jkunu mkejjen ta’ ħajja ġdida fi Kristu (ara nru 21)?

 

16. Kif niżviluppaw u nippromovu inizjattivi ta’ katekeżi li juruna u jgħinuna ngħixu t-tagħlim tal-Knisja fuq il-familja, biex possibbilment tonqos id-distanza bejn dak li ngħixu u dak li nistqarru u nippromovu mixjiet ta’ konverżjoni?

 

Lindissolubbiltà taż-żwieġ u l-ferħ li ngħixu flimkien (nri 21-22)

L-imħabba vera bejn il-miżżewġin tingħaqad mal-imħabba ta Alla u hija msaħħa u mogħnija bil-qawwa feddejja ta Kristu u l-għemil ta salvazzjoni tal-Knisja biex il-miżżewġin jitwasslu tassew lejn Alla u jkollhom għajnuna u qawwa fil-missjoni għolja ta missier u omm.  Għalhekk il-miżżewġin Insara huma msaħħin bħal ikkonsagrati bsagrament speċjali għad-dmirijiet u d-dinjità tal-istat tagħhom; u meta bil-qawwa ta’ dan is-sagrament jaqdu d-dmir tagħhom taż-żwieġ u tal-familja, mimlijin bl-ispirtu ta’ Kristu li bih ħajjithom kollha timtela bil-fidi, bit-tama u bl-imħabba, huma jersqu dejjem aktar lejn il-perfezzjoni tagħhom u t-tqaddis ta’ xulxin, u għalhekk flimkien jagħtu glorja lil Alla” (Gaudium et Spes, 48).

 

17. Liema huma l-inizjattivi li rridu nieħdu biex nuru l-valur taż-żwieġ indissolubbli u għammiel bħala mixja ta’ realizzazzjoni personali sħiħa (ara nru 21)?

 

18. Kif nagħmlu biex nipproponu l-familja bħala mkien, uniku f’diversi aspetti, fejn il-bnedmin isibu l-ferħ tagħhom?

 

19. Il-Konċilju Vatikan II esprima l-apprezzament tiegħu għaż-żwieġ naturali, u hekk ġedded tradizzjoni ekkleżjali antika.  Kemm qiegħda l-pastorali djoċesana tagħti valur anki lil dan l-għerf tal-popli, bħala fundamentali għall-kultura u s-soċjetà komuni (ara nru 22)?

 

Verità u ġmiel tal-familja u ħniena mal-familji miġruħa u dgħajfa (nri 23-28)

Wara li qiesu l-ġmiel taż-żwiġijiet li rnexxew u tal-familji b’saħħithom, u apprezzaw ix-xhieda ġeneruża ta’ dawk li baqgħu fidili għar-rabta anki jekk ġew abbandunati minn marthom jew żewġhom, ir-rgħajja miġmugħa fis-Sinodu staqsew lilhom infushom – b’mod miftuħ u kuraġġjuż, mhux mingħajr tħassib u kawtela – liema ħarsa l-Knisja għandha titfa’ fuq il-Kattoliċi li huma marbuta biss b’rabta ċivili, fuq dawk li għadhom jikkonvivu u fuq dawk li wara żwieġ validu ġabu d-divorzju u reġgħu żżewġu biċ-ċivil.

 

Konxji mil-limiti evidenti u l-imperfezzjonijiet preżenti f’tant sitwazzjonijiet differenti, il-Padri għamlu tagħhom il-perspettiva indikata mill-Papa Franġisku, fejn “bla nnaqqsu xejn mill-valur tal-ideal tal-Vanġelu, jeħtieġ nakkumpanjaw bil-ħniena u s-sabar il-passi ta’ maturità tal-persuni li huma jibnu jum wara l-ieħor” (Evangelii Gaudium, 44).

 

20. Kif infiehmu li ħadd mhu eskluż mill-ħniena ta’ Alla u kif nesprimu din il-verità fl-azzjoni pastorali tal-Knisja mal-familji, b’mod partikulari dawk miġruħa u dgħajfa (ara nru 28)?

 

21. Kif jistgħu l-fidili, mal-persuni li għadhom ma waslu għall-għarfien sħiħ tad-doni tal-imħabba ta’ Kristu, juru attitudni ta’ laqgħa u tisħib fiduċjuż, mingħajr qatt ma jiċħdu xejn mit-tħabbira ta’ dak li jitlob il-Vanġelu (ara nru 24)?

 

22. X’inhu possibbli nagħmlu biex fil-bosta forom ta’ għaqda – fejn wieħed jista’ jsib tant valuri umani – ir-raġel u l-mara jsibu r-rispett, il-fiduċja u l-inkuraġġiment min-naħa tal-Knisja biex jikbru f’dak li hu tajjeb u jsibu wkoll l-għajnuna biex jilħqu l-milja taż-żwieġ Nisrani (ara nru 25)?

 

 

 

It-tielet parti

Il-konfront: perspettivi pastorali

 

Fl-approfondiment tagħna tat-tielet parti tar-Relatio Synodiimportanti nħallu tmexxina l-bidla pastorali li s-Sinodu straordinarju beda jindika, b’għeruqu fil-Konċilju Vatikan II u fil-Maġisteru tal-Papa Franġiku.  Hu xogħol il-Konferenzi Episkopali li jkomplu jinżlu iktar fil-fond tagħha, u jinvolvu f’dan, bl-aktar mod opportun, il-komponenti ekkleżjali kollha, u jikkonkretizzawha fil-kuntest speċifiku tagħhom.  Irridu nagħmlu minn kollox biex ma nerġgħux nibdew mill-bidu nett, imma bħala punt ta’ tluq naqbdu l-mixja li diġà bdiet fis-Sinodu straordinarju.

 

Inxandru l-Vanġelu tal-familja llum, fid-diversi kuntesti (nri 29-38)

Fid-dawl tal-bżonn ta’ familja u fl-istess ħin tad-diversi sfidi kumplessi, preżenti fid-dinja tagħna, is-Sinodu għafas fuq l-importanza ta’ impenn imġedded għal tħabbira, miftuħa u sinifikattiva, tal-Vanġelu tal-familja.

 

23. Fil-formazzjoni tal-presbiteri u tal-operaturi pastorali l-oħra, kif qed tiġi kkultivata d-dimensjoni familjari?  Qed jiġu involuti l-istess familji?

 

24. Qed nintebħu li l-mod mgħaġġel kif qed tevolvi s-soċjetà tagħna jitlob attenzjoni kontinwa għal-lingwaġġ fil-komunikazzjoni pastorali?  Kif nistgħu nagħtu xhieda effikaċi tal-prijorità tal-grazzja, b’mod li l-familja tipproġetta u tgħix ħajjitha billi tilqa’ fi ħdanha lill-Ispirtu s-Santu?

 

25. Fix-xandir tal-Vanġelu tal-familja, kif nistgħu noħolqu l-kundizzjonijiet biex kull familja tkun kif Alla jridha u tiġi soċjalment rikonoxxuta fid-dinjità u l-missjoni li għandha?  Liema “konverżjoni pastorali” u x’approfondimenti oħra rridu nagħmlu f’din id-direzzjoni?

 

26. Il-kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet soċjali u politiċi għall-ġid tal-familja qed inħarsu lejha fl-importanza kollha tagħha?  Kif qed titwettaq fil-verità?  Liema kriterji qed inebbħuna?  L-għaqdiet tal-familji xi rwol għandhom f’dan is-sens?  Din il-kollaborazzjoni kif tista’ tissaħħaħ anki billi ma nibżgħux nikkundannaw il-proċessi kulturali, ekonomiċi u politiċi li qed jheddu r-realtà tal-familja?

 

27. Kif niffavorixxu r-relazzjoni bejn familja, soċjetà u politika b’ġid għall-istess familja?  Kif nistgħu nippromovu anki s-sostenn tal-komunità internazzjonali u tal-Istati b’riżq il-familja?

 

Ngħinu lill-għarajjes fil-mixja tagħhom ta’ tħejjija għaż-żwieġ (nri 39-40)

Is-Sinodu għaraf il-passi li twettqu fl-aħaħr snin biex jiffavorixxu tħejjija xierqa taż-żgħażagħ għaż-żwieġ.  Imma insista wkoll fuq il-ħtieġa ta’ impenn akbar tal-komunità Nisranija kollha mhux biss fit-tħejjija imma anki fl-ewwel snin tal-ħajja tal-familja.

 

28. Kif nistgħu nipproponu l-mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ b’mod li juru l-vokazzjoni u l-missjoni tal-familja skond il-fidi fi Kristu?  Qed isiru bħala offerta ta’ esperjenza ekkleżjali awtentika?  Kif inġedduhom u ntejbu l-kwalità tagħhom?

 

29. Il-katekeżi tal-inizjazzjoni Nisranija kif qed tippreżenta l-ftuħ tal-qalb għall-vokazzjoni u l-missjoni tal-familja?  Liema passi huma l-aktar urġenti?  Kif nistgħu nipproponu r-relazzjoni bejn Magħmudija, Ewkaristika u Żwieġ?  B’liema mod għandna nuru l-karattru ta’ katekumenat u ta’ mistagoġija li l-mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ spiss jassumu?  Kif nistgħu ninvolvu l-komunità f’din it-tħejjija?

 

Insieħbu l-ewwel snin tal-ħajja taż-żwieġ (nru 40)

30. Kemm fit-tħejjija u kemm fl-akkumpanjament tal-ewwel snin tal-ħajja taż-żwieġ qed jingħata biżżejjed valur il-kontribut importanti ta’ xhieda u ta’ sostenn li jistgħu jagħtu familji, għaqdiet u movimenti familjari?  X’esperjenzi pożittivi jistgħu jiswew f’dan il-qasam?

 

31. Il-pastorali ta’ akkumpanjament tal-koppji fl-ewwel snin tal-ħajja tal-familja – osserva d-dibattitu sinodali – għandha bżonn tiżviluppa aktar.  Liema huma l-inizjattivi l-aktar sinifikanti li diġà ttieħdu?  X’aspetti għandna nħeġġu iżjed fuq livell parrokkjali, livell djoċesan u fil-qasam tal-għaqdiet u l-movimenti?

 

Il-kura pastorali ta’ dawk li qed jgħixu fi żwieġ ċivili jew f’koabitazzjoni (nri 41-43)

Fid-dibattitu sinodali ssemmiet id-diversità ta’ sitwazzjonijiet, dovuta għal bosta fatturi kulturali u ekonomiċi, prassi li għandhom għeruqhom fit-tradizzjoni, u d-diffikultajiet li jsibu ż-żgħażagħ biex jagħmlu għażliet li jimpenjawhom għal ħajjithom kollha.

 

32. Liema kriterji għandna nqisu għal dixxerniment pastorali korrett tas-sitwazzjonijiet partikulari, fid-dawl tat-tagħlim tal-Knisja, li għaliha l-elementi kostituttivi taż-żwieġ huma unità, indissolubbiltà u ftuħ għall-ħajja?

 

33. Il-komunità Nisranija kapaċi tinvolvi ruħha pastoralment f’dawn is-sitwazzjonijiet?  Kif nistgħu ngħinuha tiddixxerni dawn l-elementi pożittivi u dawk negattivi tal-ħajja ta’ persuni msieħba fi żwiġijiet ċivili b’mod li tista’ torjentahom u tweżinhom fil-mixja ta’ maturazzjoni u konverżjoni lejn is-sagrament taż-żwieġ?  Kif nistgħu ngħinu lil min qed jikkoabita biex jiddeċiedi li jagħżel iż-żwieġ?

 

34. B’mod partikulari, xi tweġibiet ħa nagħtu għall-problematiċi li għadhom joħolqu l-forom tradizzjonali ta’ żwieġ f’biċċiet jew miftiehem minn qabel bejn il-familji?

 

Nieħdu ħsieb il-familji miġruħa (separati, divorzjati li ma reġgħux iżżewġu, divorzjati li reġgħu żżewġufamilji b’ġenitur wieħed) (nri 44-54)

Mid-dibattitu sinodali ħarġet il-ħtieġa ta’ pastorali mwieżna mill-arti tal-akkumpanjament, biex “lill-mixja tagħna nagħtuha ritmu b’saħħtu li jqegħdiha qrib tal-oħrajn, b’ħarsa mimlija rispett u ħniena imma li fl-istess ħin ikollha l-ħila tfejjaq, teħles u tħeġġeġ il-maturità fil-ħajja Nisranija” (Evangelii gaudium, 169).

 

35. Il-komunità Nisrnaija lesta tieħu ħsieb tal-familji miġruħa biex iddewwaqhom il-ħniena tal-Missier?  Kif nistgħu nimpenjaw ruħna biex inwarrbu l-fatturi soċjali u ekonomiċi li spiss jiddeterminawha?  Liema passi għamilna u liema għandna nagħmlu biex nikbru f’din l-azzjoni u fl-għarfien missjunarja li jweżinha?

 

36. Kif nindividwaw aħjar fuq il-livell ta’ Knejjes partikulari linji pastorali komuni?  F’dawn ir-rigward, kif inrawmu djalogu bejn id-diversi Knejjes partikulari cum Petro e sub Petro?

 

37. Kif nagħmlu iżjed aċċessibbli u ħfief, possibbilment b’xejn, il-proċeduri għall-għarfien tal-każi ta’ annullament (nru 48)?

 

38. Il-pastorali sagramenti mad-divorzjati li reġgħu żżewġu rridu ninżlu iktar fil-fond tagħha, billi niżnu wkoll il-prassi Ortodossa u nżommu f’moħħna “id-distinzjoni bejn sitwazzjoni oġġettiva ta’ dnub u ċirkustanzi attenwanti” (nru 52).  X’inhuma l-perspettivi li fihom nistgħu naġixxu?  X’passi huma possibbli?  X’suġġerimenti nistgħu nagħtu biex insewwu forom ta’ impedimenti inopportuni jew mhux meħtieġa?

 

39. In-normattiva attwali qed tippermettilna li nagħtu tweġibiet validi għall-isfidi li qed ipoġġu quddiemna ż-żwiġijiet imħallta u dawk interkonfessjonali?  Hemm elementi oħra li rridu nagħtu kashom?

 

L-attenzjoni pastorali għall-persuni b’tendenza omosesswali (nri 55-56)

 

40. Il-komunità Nisranija kif qed tagħti l-attenzjoni pastorali tagħha għall-familji li għandhom fi ħdanhom persuni b’tendenzi omosesswali?  Waqt li nevitaw kull xorta ta’ diskriminazzjoni inġusta, b’liema mod qed nieħdu ħsieb ta’ persuni f’sitwazzjonijiet bħal dawn fid-dawl tal-Vanġelu?  Kif nistgħu nipproponulhom dak li jrid Alla fis-sitwazzjonijiet tagħhom?

 

It-trasmissjoni tal-ħajja u l-isfida tar-rata baxxa tat-twelid (nri 57-59)

It-trasmissjoni tal-ħajja hi element fundamentali tal-vokazzjoni-missjoni tal-familja: “Il-miżżewġin jafu li fid-dmir tat-trasmissjoni tal-ħajja umana u tat-trobbija li għandu jitqies bħala l-missjoni propja tagħhom, huma l-koperaturi tal-imħabba ta Alla li ħalaqhom bħal interpreti tagħha” (Gaudium et spes, 50).

 

41. Liema huma l-passi l-iżjed sinifikattivi li saru biex inħabbru u nippromovu b’mod effikaċi l-ftuħ għall-ħajja u l-ġmiel u d-dinjità umana tal-maternità u l-paternità, fid-dawl, ngħidu aħna, tal-Humanæ Vitæ tal-Beatu Pawlu VI?  Kif nippromovu d-djalogu max-xjenzi u t-tekonoloġija bijomedika b’mod li tiġi rrispettata l-ekoloġija umana tat-tnissil?

 

42. Maternità/paternità ġeneruża teħtieġ strutturi u għodda.  Il-komunità Nisranija qed tħaddan solidarjetà u sussidjarjetà effettiva?  Kif?  Qed tkun kuraġġjuża fil-proposta ta’ soluzzjonijiet validi fuq livell anki soċjo-politiku?  Kif inħeġġu għall-adozzjoni u l-fostering, li huma sinjali għolja ta’ ġenerożità li tħalli l-frott?  Kif nippromovu l-għożża u r-rispett tat-tfal?

 

43. In-Nisrani jgħix il-maternità/paternità tiegħu bħala tweġiba għal sejħa.  Fil-katekeżi qed issir biżżejjed insistenza fuq din il-vokazzjoni?  Liema mixjiet ta’ formazzjoni qed jiġu proposti biex din iddawwal tassew il-kuxjenzi tal-miżżewġin?  Intbaħna bil-konsegwenzi gravi tal-bidliet demografiċi?

 

44. Il-Knisja kif qed tiġġieled kontra l-pjaga tal-abort u tippromovi kultura effikaċi tal-ħajja?

 

L-isfida tal-edukazzjoni u r-rwol tal-familja fl-evanġelizzazzjoni (nri 60-61)

45. Li jiżvolġu l-missjoni tagħhom ta’ edukaturi mhux dejjem faċli għall-ġenituri: qed isibu solidarjetà u sostenn fil-komunità Nisranija?  Liema mixjiet ta’ formazzjoni ta’ min jissuġġerixxi?  X’passi rridu nagħmlu biex id-dmir edukattiv tal-ġenituri jingħaraf anki fuq livell soċjo-politiku?

 

46. Kif nippromovu fil-ġenituri u fil-familja Nisranija l-għarfien tad-dmir tat-trasmissjoni tal-fidi bħala dimensjoni intrinsika għall-istess identità Nisranija?

 

 

 

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.